Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Skozja

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja

Nista’ nappella kontra s-sentenza?

Huma biss il-persuna kkundannata jew il-prosekuzzjoni li jistgħu jappellaw verdett.

L-appelli tal-prosekuzzjoni jistgħu jsiru biss f’ċerti ċirkostanzi. Il-prosekuzzjoni tista’:

  • Tappella kontra liberazzjoni minn akkuża - verdett ta’ ‘mhux ħati/ħatja’ jew ‘nuqqas ta' provi’ - iżda f’kawżi sommarji biss (proċessi mingħajr ġuri) u fuq punt tal-liġi biss.
  • Tappella kontra s-sentenza - iżda biss meta sentenza titqies bħala ‘ klementi żżejjed’

Tista’ ssib aktar informazzjoni billi żżur https://www.mygov.scot/after-the-verdict/the-appeals-process/

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?

Wara verdett ta’ ħtija, l-istqarrija tiegħek bħala vittma tista’ tittieħed f’kunsiderazzjoni mill-imħallef meta jkun qed jikkunsidra s-sentenza li għandha tiġi imposta.

Jekk ir-riżultat tal-kawża (magħruf bħala l-verdett) ma kienx dak li kont qed tistenna, jew tħoss li teħtieġ xi tip ta’ appoġġ wara l-verdett, hemm ħafna organizzazzjonijiet li jistgħu jgħinuk. Victim Support Scotland għandha hotline li topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-8 ta’ filgħodu sat-8 ta’ filgħaxija. Din hija organizzazzjoni karitatevoli nazzjonali li tappoġġja lin-nies affettwati mir-reati madwar l-Iskozja, irrispettivament mit-tip ta’ reat li jkunu sofrew. Tista’ tikkuntattjaha fuq 0345 603 9213. L-appoġġ jiġi pprovdut mingħajr ħlas.

Hemm għadd ta’ organizzazzjonijiet oħrajn, inklużi servizzi speċjalizzati, li jistgħu jipprovdu appoġġ emozzjonali kunfidenzjali mingħajr ħlas, għajnuna prattika u informazzjoni essenzjali lill-vittmi, lix-xhieda u lil persuni oħrajn affettwati mir-reati. L-informazzjoni dwar dawn is-servizzi tista' tinstab hawnhekk.

Jien intitolat(a) għal appoġġ jew protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Iva, hemm għadd ta’ organizzazzjonijiet li jipprovdu appoġġ lill-vittmi li jistgħu joffru appoġġ mingħajr ħlas qabel, matul u wara l-proċess. Victim Support Scotland, li hija organizzazzjoni karitatevoli nazzjonali, toffri appoġġ emozzjonali, għajnuna prattika u informazzjoni essenzjali lill-vittmi. Dawn is-servizzi huma mingħajr ħlas u kunfidenzjali.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jiġi kkundannat?

Jekk għamilt stqarrija bħala vittma, din tista’ tiġi kkunsidrata meta l-imħallef jiġi biex jiddeċiedi s-sentenza. Wara verdett ta’ ħtija, l-imħallef irid jiddeċiedi x’piena għandha tingħata lit-trasgressur. Din il-piena tissejjaħ sentenza. L-imħallef jieħu din id-deċiżjoni wara li jkun sema’ x-xhieda kollha u wara li jikkunsidra kwalunkwe informazzjoni ta’ sfond. Din tinkludi fatturi bħall-età tat-trasgressur, kwalunkwe kwistjoni medika u jekk il-persuna kkonċernata għandhiex diġà fedina penali. L-imħallef jista’ jagħżel x’sentenza jagħti minn firxa ta’ għażliet.

Aktar informazzjoni dwar l-għoti tas-sentenzi tista’ tinstab hawnhekk.

Inti għandek id-dritt li titlob informazzjoni dwar id-deċiżjoni finali tal-qorti fi proċess u kwalunkwe raġunijiet għaliha. Din l-informazzjoni tista’ tintalab mingħand is-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi.

Ser niġi informat(a) jekk it-trasgressur jinħeles (inkluż ħelsien kmieni jew kundizzjonali) jew jekk jaħrab mill-ħabs?

Fil-kawżi kriminali kollha, il-vittmi għandhom dritt li jiksbu informazzjoni dwar il-ħelsien ta’ priġunier. Huma jista’ jkollhom ukoll id-dritt li jiġu informati meta l-priġunier jiġi kkunsidrat għal parole u li jagħmlu rappreżentazzjonijiet (kummenti) bil-miktub dwar il-ħelsien tagħhom lill-Bord tal-Parole għall-Iskozja. Din tissejjaħ l-Iskema ta’ Notifika lill-Vittmi.

Il-vittmi ta’ trasgressuri mogħtija sentenza ta’ priġunerija ta’ inqas minn 18-il xahar huma intitolati li jsiru jafu biss dwar il-ħelsien jew il-ħarba tat-trasgressur mill-ħabs. Jekk tixtieq tirċievi din l-informazzjoni, ma għandekx bżonn tirreġistra fl-iskema, tista’ sempliċiment tikkuntattja lis-Servizz tal-Ħabs Skoċċiż.

Ser inkun involut(a) f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew inressaq appell?

Inti ser tkun tista’ tagħmel rappreżentazzjonijiet lill-Bord tal-Parole għall-Iskozja sabiex jiġu kkunsidrati f’sitwazzjonijiet fejn it-trasgressur ikun qed jiġi kkunsidrat għal libertà kondizzjonali. Il-vittmi li jirreġistraw taħt il-Parti 2 tal-iskema jistgħu jirreġistraw sabiex jagħmlu rappreżentazzjonijiet bil-miktub lis-Servizz tal-Ħabs Skoċċiż meta t-trasgressur isir eliġibbli għall-ewwel darba għal ħelsien temporanju u ħelsien fuq Home Detention Curfew; u lill-Bord tal-Parole għall-Iskozja meta t-trasgressur ikun qed jiġi kkunsidrat għal ħelsien fuq libertà kondizzjonali. Victim Support Scotland tista’ tgħinek tħejji r-rappreżentazzjonijiet tiegħek.

L-aħħar aġġornament: 30/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna