Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Il-proċess jikkonkludi b’deċiżjoni tal-qorti (sentenza), li tista’ tirriżulta fi: il-kundanna jew il-liberazzjoni tal-imputat, ir-rinunzja jew id-differiment tal-għoti ta’ sentenza jew it-tmiem tal-proċeduri kriminali. Id-deċiżjoni titħabbar matul seduta pubblika tal-qorti. Jekk int ħadt sehem fil-proċess bħala vittma u/jew parti ċivili, tirċievi kopja tad-deċiżjoni tal-qorti bil-posta.

Jekk ma tkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-qorti, int tista’ tappellaha. Tista’ tippreżenta appell biss jekk int tkun ħadt sehem fil-proċess bħala vittma jew parti ċivili.

Int tista’ tappella wkoll bħala xhud, iżda biss b’rabta mar-rimborż tal-ispejjeż legali u tal-indennizzi li int intitolat(a) għalihom.

Jekk int vittma jew parti ċivili, l-iskadenza għall-preżentata tal-appell hi 10 ijiem wara li tirċievi kopja tal-minuti tad-deċiżjoni.

Jekk aġixxejt bħala xhud, int tista’ tippreżenta appell eżatt wara li tittieħed deċiżjoni dwar l-ispejjeż legali u l-indennizzi, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem mis-sentenza li ddeċidiet il-każ jew min-notifika tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż legali jew l-indennizzi, kif applikabbli.

L-appell irid isir bil-miktub u jkun iffirmat. L-appelli jiġu ppreżentati lill-istess qorti li int qed tappella kontra d-deċiżjoni tagħha.

Wara li tirċievi l-appell, il-qorti tgħaddih lill-qorti superjuri kompetenti biex tisimgħu. Il-kopja tad-deċiżjoni tal-qorti tinkludi informazzjoni dwar meta u fejn tista’ tippreżenta l-appell tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tinqata' s-sentenza?

Is-sentenza tidħol fis-seħħ wara li jiġu eżawriti l-opportunitajiet kollha għall-appell. Wara li s-sentenza tidħol fis-seħħ, ir-rwol tiegħek fil-proċedimenti jasal fi tmiemu. Jekk tpoġġejt taħt programm speċjali ta’ protezzjoni tax-xhieda matul il-proċedimenti, int tista’ tkompli tibbenefika minnu sakemm il-qorti tiddeċiedi li m’għadekx fil-periklu.

Inkun intitolat(a) għal appoġġ jew għal protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Xi miżuri ta ’appoġġ jingħataw matul il-proċess jew għal perjodu ta’ żmien fiss, filwaqt li oħrajn jingħataw fuq il-bażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittma.

L-assistenza legali bla ħlas għall-vittmi ta’ reat tingħata għat-tul kollu tal-proċess.

Jekk int vittma ta’ traffikar tal-bnedmin tista' tibbenefika minn perjodu ta’ rkupru u riflessjoni sa 90 jum, li matulu għandek id-dritt għal konsulenza psikoloġika, assistenza medika u soċjali, mediċina, ikel u, fuq talba, akkomodazzjoni f'ċentri protetti jew djar u tkun infurmat(a) bil-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi applikabbli.

Jekk inti barrani(ja) u jkun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li kont vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, int ukoll tibbenefika minn perjodu ta’ rkupru u riflessjoni sa 90 jum, li matulu tingħata, fuq talba tal-korp ġudizzjarju, permess biex tibqa’ fit-territorju tar-Rumanija u tista’ tkun akkomodat(a) f’faċilitajiet apposta. Tista’ wkoll tingħata permess temporanju biex tgħix fit-territorju Rumen matul jew wara l-perjodu ta' rkupru.

Fil-każ ta’ vittmi ta' vjolenza domestika, l-ordni ta’ protezzjoni tinħareġ għal tul massimu ta' 6 xhur.

Fil-każ ta’ xhud inkluż fi programm tal-protezzjoni tax-xhieda, il-miżura ta’ protezzjoni tista’ tkompli wkoll wara li tintemm il-kawża, iżda meta din tispiċċa l-iskema tiġi riveduta sabiex tiġi adattata għas-sitwazzjoni l-ġdida. It-terminu tat-tali protezzjoni jiġi deċiż mill-qorti.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trażgressur jiġi kkundannat?

Jekk it-trażgressur jiġi kkundannat, jista’ jkollok aċċess għall-kategoriji ta' informazzjoni li ġejjin: it-tip u t-tul tal-piena (is-sentenza tinqata’ f’sessjoni pubblika u tintbagħat lilek wara), informazzjoni fil-każ ta’ ħarba, ta’ rilaxx taħt kwalunkwe kundizzjoni, sakemm int tkun tlabt dik l-informazzjoni.

Niġi informat(a) jekk it-trażgressur jinħeles (inkluż ħelsien kmieni jew kundizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Iva, int tiġi informat(a) dwar ir-rilaxx jew il-ħarba tat-trażgressur mill-ħabs, jekk int tkun tlabt li dan isir meta mistoqsi mill-korpi ġudizzjarji. Jekk jogħġbok ara t-tweġiba aktar ’il fuq.

Inkun involut(a) f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew inressaq appell?

Ir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali jintemm meta d-deċiżjoni tal-qorti (li tikkundanna jew teħles lill-intimat, tirrinunzja jew tipposponi l-eżekuzzjoni tal-piena jew ittemm il-proċedimenti kriminali) issir finali.

Int ma tkunx involut(a) fil-proċedura tar-rilaxx jew tal-libertà kondizzjonali tat-trażgressur.

L-aħħar aġġornament: 25/07/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.