Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

Kif nirrapporta reat?

Jekk int sfajt vittma ta’ reat, tista’ tirrapportah lill-pulizija (jew lill-prosekutur pubbliku) b’mod orali jew bil-miktub. Int tista' titlob ukoll lil persuna oħra biex tirrapporta r-reat għalik, iżda int trid tipprovdi lil dik il-persuna bi prokura bil-miktub. Il-prokura miktuba u ffirmata tiġi mehmuża mal-fajl tal-każ.

Ir-reat jista’ jiġi rrappurtat minn konjuġi f'isem il-konjuġi l-ieħor jew minn wild adult f'isem il-ġenituri. Jekk wild minuri jirrapporta reat, ir-rapport jista’ jsir minn rappreżentant tal-minuri jew bil-kunsens ta' tali rappreżentant.

Jekk int tagħżel li tirrapporta r-reat b’mod orali, trid tmur fl-għassa tal-pulizija. L-uffiċjal tal-pulizija li jaċċetta r-rapport tiegħek iniżżlu f’rekord u jitolbok tiffirmah. Ir-rapporti bil-miktub iridu jiġu ffirmati wkoll.

Ir-rapport tiegħek irid jinkludi l-isem tiegħek, l-okkupazzjoni, l-indirizz tad-dar u deskrizzjoni dettaljata ta’ dak li seħħ. Jekk int taf min hu t-trażgressur, trid tipprovdi l-informazzjoni kollha dwaru/ha, kif ukoll kull evidenza relatata mal-inċident. Matul l-investigazzjoni tar-reat, int tista’ tagħti wkoll informazzjoni addizzjonali fil-każ.

Jekk ma tafx titkellem bir-Rumen jew ma tifhimx bir-Rumen, int tista’ tippreżenta r-rapport f’lingwa li tifhem u l-korp ġudizzjarju jara li jiġi tradott. F’dan il-każ, int tista’ titlob li kull taħrika li tirċievi tinħareġ f’lingwa li tifhem.

Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika, tista' titlob li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni proviżorja mill-pulizija jew titlob lill-qorti kompetenti biex toħroġ ordni ta' protezzjoni. Dan ifisser li għandek timla rikors standard, li titressaq quddiem il-qorti distrettwali (judecătoria) b'ġurisdizzjoni fuq il-post tar-residenza tiegħek. Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat personalment jew, jekk taqbel, minn persuna mis-servizzi soċjali li tittratta l-vjolenza fil-familja, jew minn prosekutur pubbliku jew uffiċjal tal-pulizija.

Kif nista’ nsir naf x’qed jiġri dwar il-każ?

Wara r-rapport tiegħek, il-korpi tal-pulizija jgħaddu l-każ lill-prosekutur pubbliku, fejn dan jiġi assenjat numru uniku.

Ladarba tirrapporta r-reat, tkun tista’ tivverifika kif miexi l-każ tiegħek billi tagħmel talba bil-miktub dwar dan, filwaqt li tindika indirizz fir-Rumanija jew indirizz tal-posta elettronika jew ta’ messaġġier elettroniku fejn l-awtoritajiet għandhom jibagħtu l-informazzjoni.

Jekk il-prosekutur jiddeċiedi li jressaq il-każ il-qorti, int tkun intitolat(a) li tikkonsulta l-fajl fil-bini tal-qorti matul il-proċedimenti tal-qorti. Barra minn hekk, int tissejjaħ biex tidher quddiem il-qorti.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? X’inhuma l-kundizzjonijiet?

Jekk int parti leża, int intitolat(a) li tirċievi assistenza legali jew li tkun rappreżentat(a).

a) Matul il-proċedimenti kriminali, int intitolat(a) li tkun assistit(a) minn avukat tal-għażla tiegħek imħallas minnek. Jekk it-trażgressur jiġi kkundannat, int tkun tista’ tirkupra l-ispejjeż imġarrba għall-avukat tiegħek mingħand it-trażgressur.

b) Jekk tixtieq hekk, int tista’ tkun rappreżentat(a) matul il-proċedimenti kriminali, sakemm il-preżenza tiegħek ma tkunx obbligatorja jew il-prosekutur, l-imħallef jew il-qorti ma jqisux li dan ikun neċessarju, skont kif ikun applikabbli (eż. għall-finijiet tas-smigħ).

c) F’ċerti każijiet, l-assistenza legali matul il-proċedimenti kriminali tista’ tiġi pprovduta mingħajr ħlas:

  • jekk il-prosekutur jew l-imħallef iqis li int ma tistax tieħu ħsieb id-difiża tiegħek stess u m’għandek ebda avukat imħallas;
  • jekk int minuri u għadek ma ksibtx kapaċità legali sħiħa (permezz ta’ żwieġ jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja);
  • fuq talba, jekk sfajt vittma ta’ xi wieħed mir-reati li ġejjin: tentattiv ta' omiċidju u tentattiv ta' omiċidju aggravat, offiża fuq il-persuna, reati intenzjonati li jirriżultaw f’offiża fuq il-persuna tal-vittma (il-Kodiċi Kriminali jiddefinixxi t-tifsira ta’ offiża fuq il-persuna), stupru, attakk sesswali, konġunġiment karnali ma’ minuri u korruzzjoni sesswali ta’ minuri;
  • fuq talba, jekk int il-konjuġi, il-ġenitur jew persuna oħra dipendenti fuq il-vittma li mietet kaġun ta’ omiċidju, ta’ omiċidju aggravat jew ta’ reat intenzjonat ieħor;
  • fuq talba, jekk int il-vittma ta’ reati oħra minbarra dawn imsemmija hawn fuq u jekk l-introjtu fix-xahar tiegħek determinat għal kull membru tal-familja ma jkunx ogħla mill-paga nazzjonali minima gross. Ir-rikors għall-assistenza legali mingħajr ħlas għandu jiġi ppreżentat lit-tribunal li int tkun qed tirresjedi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.

F’każijiet bħal dawn, l-assistenza legali mingħajr ħlas tkun disponibbli biss jekk int tkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija jew lill-prosekutur pubbliku fi żmien 60 jum minn meta seħħ ir-reat jew, jekk applikabbli, fi żmien 60 jum mid-data meta sirt taf bir-reat. Jekk ma stajtx tirrapporta r-reat, is-60 jum jibdew jiddekorru mid-data li timmarka t-tmiem taċ-ċirkostanzi li ma ħallewkx tirrapportah.

Jekk tixtieq tirċievi assistenza legali mingħajr ħlas, int trid tippreżenta rikors lill-prosekutur jew lill-qorti, skont kif ikun applikabbli, li mbagħad jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. L-assistenza legali mingħajr ħlas tkun disponibbli għalik sakemm jintemmu l-proċedimenti kriminali.

Nista’ nitlob l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? X’inhuma l-kundizzjonijiet?

Int tista’ titlob rimborż tal-ispejjeż legali tiegħek. Il-qorti tiddeċiedi liema parti mill-ispejjeż tiegħek trid tiġi rimborżata u minn min.

Jekk int tieħu sehem bħala parti leża jew bħala parti ċivili fil-proċedimenti (jekk il-kawża ċivili tkun awtorizzata) u l-imputat jinstab li hu ħati (anki jekk, għal ċerti raġunijiet, dan ma jiġix ikkundannat biex jiskonta sentenza), dan jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż legali tiegħek.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel immur il-qorti?

Jekk il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li jagħlaq il-każ mingħajr ma jressqu l-qorti, int tista’ tappella kontra d-deċiżjoni tiegħu/tagħha fi żmien 20 jum mindu tirċievi kopja tat-tali deċiżjoni. L-appell tiegħek irid jiġi ppreżentat lill-prosekutur superjuri.

Jekk il-prosekutur superjuri jiċħad l-appell tiegħek, int tista’ tappella kontra d-deċiżjoni tal-prosekutur superjuri quddiem l-imħallef tal-awla preliminari tal-qorti tal-ġurisdizzjoni

Nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Int tista’ tkun involut(a) fil-proċedimenti kriminali kif ġej:

bħala vittma (parti leża)

Jekk int ġarrabt dannu kkawżat minn reat, int tista’ tieħu sehem fil-proċedimenti bħala vittma u int intitolat(a) għal għadd ta’ drittijiet proċedurali, kif spjegati hawn taħt.

bħala xhud

Jekk ma tixtieqx tieħu sehem fil-proċedimenti kriminali bħala parti leża, int għandek tinforma lill-korp ġudizzjarju li jieħu ħsieb il-każ tiegħek, li, jekk iqis li jkun hemm bżonn, xorta waħda jista’ jitolbok titla’ tixhed. Jekk tintalab titla’ tixhed, int trid tkun preżenti u tiddikjara dak kollu li taf dwar l-inċident.

bħala parti ċivili

Jekk tixtieq titlob kumpens għad-danni kkawżati mir-reat, int trid tippreżenta talba ċivili, u b'hekk issir parti ċivili fil-proċedimenti kriminali.

B’mod ġenerali, is-seduti tal-qorti jkunu miftuħa għall-pubbliku u int tkun tista’ tattendi għas-seduti irrispettivament mir-rwol tiegħek fil-proċedimenti. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi li torganizza seduti privati meta jkun hemm raġunijiet suffiċjenti għal din id-deċiżjoni. F’dan il-każ, int tkun tista’ tattendi biss jekk tkun parti leża jew parti ċivili.

Il-preżenza tiegħek fl-awla tal-qorti tkun obbligatorja biss meta tissejjaħ għal interrogazzjoni (eż. bħala xhud).

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jiena jien jew nista’ nagħżel li nkun: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Jekk int sfajt vittma ta’ reat, int jista’ jkollok wieħed mir-rwoli li ġejjin fis-sistema ġudizzjarja:

Vittma (parti leża)

Jekk int ġarrabt dannu kkawżat minn reat, int tista’ tieħu sehem fil-proċedimenti bħala vittma u int intitolat(a) għal numru ta’ drittijiet proċedurali, kif spjegati hawn taħt.

Parti ċivili

Jekk tixtieq titlob kumpens għad-danni kkawżati mir-reat, int tista’ tippreżenta talba ċivili, u b'hekk issir parti ċivili fil-proċedimenti kriminali.

Xhud

Jekk ma tixtieqx tieħu sehem fil-proċedimenti kriminali bħala parti leża, int għandek tinforma lill-korp ġudizzjarju li jieħu ħsieb il-każ tiegħek, li, jekk iqis li jkun hemm bżonn, xorta waħda jista’ jitolbok titla’ tixhed. F’dan il-każ, inti tissejjaħ għal interrogazzjoni u tintalab tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-inċident. Il-preżenza tiegħek matul l-interrogazzjoni tkun obbligatorja kull meta tiġi mistieden għal dan l-għan.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Jekk tieħu sehem fil-proċedimenti kriminali bħala parti leża/parti ċivili, int ikollok numru ta’ drittijiet proċedurali:

Matul l-investigazzjoni kriminali:

  • int intitolat(a) li titlob kumpens għad-danni kkawżati mir-reat. Għal dan l-għan, int trid issir parti ċivili fil-proċedimenti kriminali jew tippreżenta kawża ċivili separata. Int tista’ ssir parti ċivili fi kwalunkwe ħin tal-investigazzjoni kriminali.
    Biex issir parti ċivili fil-proċedimenti, trid jew titlob dan b’mod orali quddiem l-uffiċjal tal-pulizija jew il-prosekutur jew tippreżenta rikors bil-miktub lill-uffiċjal tal-pulizija jew lill-prosekutur li jieħu ħsieb il-każ. Ir-rikors għandu jispeċifika liema kumpens qiegħed titlob, ir-raġunijiet u l-provi relatati.
    Matul l-ewwel interrogazzjoni, il-prosekutur jew l-uffiċjal tal-pulizija jinfurmawk li tista’ ssir parti ċivili fil-proċedimenti..
  • int intitolat(a) titlob rimborż tal-ispejjeż legali. Il-qorti tiddeċiedi liema parti mill-ispejjeż tiegħek trid tiġi rimborżata u minn min.
    Jekk int tieħu sehem bħala parti leża jew bħala parti ċivili fil-proċedimenti (jekk il-kawża ċivili tkun awtorizzata) u l-imputat jinstab li hu ħati (anki jekk, għal ċerti raġunijiet, dan ma jiġix ikkundannat biex jiskonta sentenza), dan jiġi ordnat iħallas għall-ispejjeż legali tiegħek.
  • int intitolat(a) tirċievi informazzjoni dwar il-progress tal-investigazzjoni kif ukoll kopja tat-tali deċiżjoni, jekk il-prosekutur jiddeċiedi li ma jirrinvjax il-każ lill-qorti. Biex dan isir, int trid tippreżenta talba lill-uffiċjal tal-pulizija jew lill-prosekutur li jmexxi l-każ u tindika indirizz fir-Rumanija, indirizz tal-posta elettronika jew ta’ messaġġier elettroniku biex tirċievi l-informazzjoni. Jekk il-prosekutur jiddeċiedi li jirrinvija l-każ lill-qorti għal proċess, int tiġi mħarrek/imħarrka biex tidher quddiem il-qorti.
  • int intitolat(a) għal servizzi ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni, jekk ma titkellimx jew ma tifhimx bir-Rumen. Matul il-proċedimenti kriminali, int tiġi pprovdut(a) b’interpretu mingħajr ħlas jekk ma tafx titkellem bir-Rumen.
  • matul il-proċedimenti kriminali, int intitolat(a) li tkun assistit(a) minn avukat. F’każijiet speċifiċi, (eż. meta l-prosekutur iqis li int mhux se tkun kapaċi tieħu ħsieb id-difiża tiegħek stess jew tkun minuri u ma tkunx għadek ksibt il-kapaċità legali sħiħa, meta tkun vittma ta’ ċerti reati, meta l-introjtu tiegħek ikun anqas minn ċertu limitu eċċ. - jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija ta’ qabel), int tkun intitolat(a) għal assistenza legali mingħajr ħlas.
  • int intitolat(a) li tkun rappreżentat(a) matul il-proċedimenti kriminali, sakemm il-preżenza tiegħek ma tkunx obbligatorja jew il-prosekutur, l-imħallef jew il-qorti jqisu li din tkun neċessarja, skont kif ikun applikabbli (eż. għall-finijiet tas-seduta).
  • int jew l-avukat tiegħek tistgħu tikkonsultaw il-fajl. Madankollu, il-konsultazzjoni tal-fajl tiegħek se tkun soġġetta għal regoli speċifiċi, li jiġu komunikati mir-reġistru tal-uffiċċju tal-prosekutur.
  • int intitolat(a) li tissejjaħ għal interrogazzjoni mill-uffiċjal tal-pulizija jew mill-prosekutur li jieħu ħsieb il-każ. Matul l-interrogazzjoni, int tista’ titlob li tkun akkumpanjat(a) kemm mir-rappreżentant legali tiegħek, jekk ikollok wieħed, kif ukoll minn persuna tal-għażla tiegħek li l-preżenza tagħha matul l-interrogazzjoni int tqis li tkun ta’ għajnuna. Il-korp ġudizzjarju jista’ jiċħad it-talba tiegħek biss għal raġunijiet raġonevoli.
    Meta tirrapporta reat li twettaq kontrik, il-korp ġudizzjarju għandu jisimgħek minnufih. Jekk dan mhux possibbli, għandek tinstema’ mill-aktar fis possibbli wara li tirrapporta r-reat.
    Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika, ta’ stupru jew ta’ tipi oħra ta’ attakk sesswali, ta’ maltrattament ta’ minuri, ta’ fastidju, ta’ fastidju sesswali, kif ukoll fi kwalunkwe każ ieħor fejn tħoss il-ħtieġa li tipproteġi l-privatezza tiegħek, int tista’ titlob li tinstema’ minn persuna tal-istess sess tiegħek. Il-korp ġudizzjarju jista’ jiċħad it-talba tiegħek biss fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli.
  • int intitolat(a) tippreżenta provi u kwalunkwe talba oħra relatata mas-soluzzjoni tal-każ. Int tista’ tagħmel dan matul l-interrogazzjoni tiegħek jew f’rikors separata ppreżentat lill-korp ġudizzjarju li jittratta l-każ tiegħek.
  • Jekk it-trażgressur jitqiegħed taħt kustodja u mbagħad jinħeles, int intitolat(a) li tiġi informat(a) dwar ir-rilaxx tiegħu. Matul l-ewwel interrogazzjoni tiegħek, int tiġi informat(a) dwar dan id-dritt u ssirlek mistoqsija dwar jekk tixtieqx tiġi informat(a) dwar ir-rilaxx tat-trażgressur.
  • Int tista’ tappella kontra l-atti mwettqa b’rabta mal-każ tiegħek. L-appell għandu jiġi ppreżentat lill-prosekutur tal-każ, fejn l-att ikun sar minn uffiċjal tal-pulizija, jew lill-prosekutur superjuri, fejn l-att ikun sar mill-prosekutur tal-każ tiegħek.
    Jekk tappella d-deċiżjoni tal-prosekutur li l-każ kriminali jingħalaq u l-appell jiġi miċħud, tista’ tappella kontra din id-deċiżjoni quddiem l-imħallef tal-kamra preliminari.

Matul il-proċess:

  • int intitolat(a) li titlob kumpens għad-danni kkawżati mir-reat. Għal dan il-għan, għandek bżonn issir parti ċivili fil-proċeduri kriminali jew tippreżenta azzjoni ċivili separata.
    Jekk ipparteċipajt fl-investigazzjoni kriminali bħala parti ċivili, tista’ żżomm l-istess status waqt il-proċess.
    Jekk ma pparteċipajtx fl-investigazzjoni kriminali bħala parti ċivili, tista’ xorta ssir parti ċivili fil-proċess qabel il-bidu tal-inkjesta. Meta tissejjaħ għall-ewwel seduta tal-qorti, tkun infurmat b’dan.
    Tista’ titlob li ssir parti ċivili fil-proċess oralment quddiem il-qorti jew tippreżenta rikors bil-miktub għal dan il-għan. Ir-rikors għandu jispeċifika x’kumpens qed titlob, ir-raġunijiet u l-provi relatati.
  • int intitolat(a) titlob rimborż tal-ispejjeż legali. Il-qorti tiddeċiedi liema parti mill-ispejjeż tiegħek trid tiġi rimborżata u minn min.
    Jekk int tieħu sehem bħala parti leża jew bħala parti ċivili fil-proċedimenti (jekk il-kawża ċivili tkun awtorizzata) u l-imputat jinstab li hu ħati (anki jekk, għal ċerti raġunijiet, dan ma jiġix ikkundannat biex jiskonta sentenza), dan jiġi ordnat iħallas għall-ispejjeż legali tiegħek.
  • int intitolat(a) għal servizzi ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni, jekk ma titkellimx jew ma tifhimx bir-Rumen. Matul il-proċedimenti kriminali, int tiġi pprovdut(a) b’interpretu mingħajr ħlas jekk ma tafx titkellem bir-Rumen.
  • matul il-proċedimenti kriminali, int intitolat(a) li tkun assistit(a) minn avukat. F’każijiet speċifiċi, (eż. meta l-prosekutur iqis li int mhux se tkun kapaċi tieħu ħsieb id-difiża tiegħek stess jew tkun minuri u ma tkunx għadek ksibt il-kapaċità legali sħiħa, meta tkun vittma ta’ ċerti reati, meta l-introjtu tiegħek ikun anqas minn ċertu limitu eċċ. - jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija ta’ qabel), int tkun intitolat(a) għal assistenza legali mingħajr ħlas.
  • int intitolat(a) li tkun rappreżentat(a) matul il-proċedimenti kriminali, sakemm il-preżenza tiegħek ma tkunx obbligatorja jew il-prosekutur, l-imħallef jew il-qorti jqisu li din tkun neċessarja, skont kif ikun applikabbli (eż. għall-finijiet tas-smigħ).
  • int jew l-avukat tiegħek tistgħu tikkonsultaw il-fajl. Madankollu, il-konsultazzjoni tal-fajl tiegħek se tkun soġġetta għal regoli speċifiċi, li jiġu kkomunikati mir-registru tal-qorti.
  • int intitolat(a) li tinstema’ matul il-proċedimenti tal-qorti. Il-qorti tħarrkek biex tidher matul is-seduta u jsirulek mistoqsijiet dwar ir-reat. Int tintalab ukoll tirrakkonta dak kollu li tiftakar dwar l-inċident.
  • int intitolat(a) li tagħmel mistoqsijiet lill-imputat, lix-xhieda u lill-esperti meta jinstemgħu.
  • int intitolat(a) li tagħmel oġġezzjonijiet u li toħroġ konklużjonijiet dwar materji kriminali fil-każ.
  • int intitolat(a) tippreżenta evidenza u kwalunkwe talba oħra relatata mas-soluzzjoni tal-każ.
  • Jekk it-trażgressur jitqiegħed taħt kustodja jew jiġi kkundannat biex jiskonta piena, int intitolat(a) li tiġi informat(a) dwar ir-rilaxx tiegħu. Jekk int ma tlabtx li tiġi informat(a) dwar ir-rilaxx tat-trażgressur fl-ewwel interrogazzjoni tiegħek matul l-investigazzjoni kriminali meta ġejt informat(a) b’dan id-dritt, int xorta waħda tista’ titlob li jsir hekk matul il-proċess b’mod orali quddiem il-qorti jew inkella bil-miktub.
  • Meta deċiżjoni tkun disponibbli, din tiġi notifikata lilek u int tkun intitolat(a) li tappellaha.
Parti leża jew parti ċivili jew xhud fil-proċedimenti kriminali għandhom ukoll għadd ta’ obbligi li jirriżultaw mill-ħtieġa li l-korpi ġudizzjarji jsibu l-verità fil-każ u biex it-trażgressur jinżamm responsabbli:
  • l-obbligu li int tidher quddiem l-uffiċjal tal-pulizija, il-prosekutur jew l-imħallef kull meta tintalab tagħmel dikjarazzjonijiet.
  • l-obbligu li tiddikjara dak kollu li taf dwar l-inċident; int għandek tkun taf li jekk tagħti xhieda falza quddiem il-korpi ġudizzjarji, int tista’ tiġi imputat(a) bi sperġur u tiġi kkundannat(a) għal dan. Bħala l-konjuġi jew il-qarib mill-viċin tas-suspettat/imputat, int tista’ tirrifjuta li tagħmel dikjarazzjonijiet. Tista’ wkoll tirrifjuta li twieġeb jekk il-mistoqsijiet huma relatati mas-segretezza professjonali li inti mitlub iżżomm, fejn dak ikun legalment vinkolanti għall-korpi ġudizzjarji
  • l-obbligu li tinforma lill-korpi ġudizzjarji dwar kull tibdil fl-indirizz biex tkun tista' tiġi kkuntattjat u tirċievi kwalunkwe notifika dwar il-proċedimenti fil-futur.
  • int trid iġġib ruħek b’mod ċivili u turi rispett għas-solennità tas-seduta. Inkella, il-qorti tista’ tordna li titneħħa mill-awla tal-qorti.
Kemm matul l-investigazzjoni kriminali kif ukoll matul il-proċedimenti tal-qorti, int intitolat(a) għal miżuri protettivi jekk il-korpi ġudizzjarji jqisu li int tista’ tkun fil-periklu jew jekk int il-vittma ta’ ċerti reati li jistgħu jaffettwaw il-privatezza jew id-dinjità tiegħek.

Hu ferm importanti li int tkun taf li, jekk il-korpi ġudizzjarji jqisu li int tista’ tkun fil-periklu jew li l-privatezza jew id-dinjità tiegħek jistgħu jkunu affettwati minħabba l-informazzjoni li tipprovdi, jew minħabba kawżi oħra, dawn jistgħu, fuq l-inizjattiva tiegħek jew minn jeddhom (ex officio), jieħdu ċerti miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni tiegħek, bħal:

  • il-provvista ta’ sorveljanza jew ta’ sigurtà madwar id-dar jew l-akkomodazzjoni temporanja tiegħek;
  • il-provvista ta’ skorta u ta’ protezzjoni lilek jew lill-membri tal-familja tiegħek matul il-vjaġġi;
  • il-protezzjoni tad-dettalji dwar l-identità tiegħek;
  • is-smigħ tiegħek isir b’mezzi awdjoviżivi, bil-leħen u d-dehra tiegħek li jiġu distorti, mingħajr ma jkun hemm rekwiżit li int tkun preżenti, fejn il-miżuri l-oħra ma jkunux biżżejjed;
  • is-sessjoni tal-qorti għandha tinżamm privata matul l-interrogazzjoni tiegħek;

Meta jitqies meħtieġ għall-protezzjoni tiegħek matul il-proċedimenti tal-qorti, l-imħallef jista’ jiddeċiedi li s-seduta tkun privata. Int tista’ titlob lill-imħallef jiddikjara s-seduta bħala waħda privata.

Barra minn hekk, matul il-proċedimenti tal-qorti, il-qorti tista’ tipprojbixxi kull pubblikazzjoni ta’ testi, tpinġijiet, ritratti jew stampi li jistgħu jikxfu l-identità tiegħek.

Jekk int xhud, int tkun intitolat(a) ukoll għal mezzi speċjali oħra ta’ protezzjoni tax-xhieda. Jekk int tqis li int stess tinsab fil-periklu, għandek tinforma lill-uffiċjal tal-pulizija, lill-prosekutur jew lill-imħallef u tipprovdi l-akbar ammont ta’ informazzjoni possibbli.

Nista’ nagħmel stqarrija jew nixhed matul il-proċess? X’inhuma l-kundizzjonijiet?

Iva. Jekk int għażlit li tieħu sehem fil-proċess, kemm il-prosekutur/ l-uffiċjal tal-pulizija kif ukoll l-imħallef jistgħu jisimgħuk bħala parti leża/ bħala parti ċivili.

Il-prosekutur jew l-uffiċjal tal-pulizija jsejħulek biex tkun preżenti fil-bini tal-pulizija/ fl-uffiċċju tal-prosekutur biex tiġi interrogat(a) u, matul il-proċess, tiġi mħarrek/imħarrka biex tixhed fil-proċedimenti.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Matul l-investigazzjoni kriminali, int tista’ tirċievi informazzjoni dwar il-progress tal-każ u kopja li tispjega d-deċiżjoni tal-prosekutur b’rabta ma’ kemm hu rakkomandabbli li l-każ jiġi rrinvjat lill-qorti. Biex dan isir, int trid tippreżenta talba lill-uffiċjal tal-pulizija jew lill-prosekutur li jmexxi l-każ u tindika indirizz fir-Rumanija, indirizz tal-posta elettronika jew ta’ messaġġier elettroniku biex tirċievi l-informazzjoni.

Matul il-proċess, int tiġi mħarrek/imħarrka biex tidher fl-ewwel seduta u tiġi informat(a) li tista’ ssir parti ċivili fil-proċedimenti. Int ma tirċievi ebda sejħa oħra għas-seduti li jmiss. Billi tattendi s-seduti tal-qorti jew tikkonsulta l-fajl, int tiġi informat(a) dwar il-progress tal-każ u dwar id-dati tas-seduti li jmiss. Madankollu, tiġi mħarrek/imħarrka kull meta tkun se tiġi interrogat(a).

Ladarba tkun disponibbli, tintbagħatlek kopja tad-deċiżjoni.

Jekk ma tifhimx bir-Rumen, il-minuti tad-deċiżjoni (rapport tas-sentenza tal-qorti mingħajr raġunamenti estensivi) jintbagħtu lilek f’lingwa li tifhem. Ir-raġunamenti jiġu pprovduti lilek bir-Rumen u int tista’ tirrikorri għas-servizzi ta’ interpretazzjoni disponibbli biex jiġu tradotti għalik.

Inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Iva, int jew l-avukat tiegħek tistgħu tikkonsultaw il-fajl. Biex tagħmel dan, trid tmur għand ir-reġistru tal-uffiċċju tal-prosekutur jew tal-qorti li jżomm il-fajl tiegħek u tippreżenta rikors f’dan ir-rigward.

Madankollu, il-konsultazzjoni tal-fajl tiegħek se tkun soġġetta għal regoli speċifiċi, li jiġu kkomunikati mir-reġistru.

Int intitolat(a) li tirċievi informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u l-proċedura li jirregolaw l-ammissjoni għall-programm tal-protezzjoni tax-xhieda.

L-aħħar aġġornament: 25/07/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.