Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

Nista’ nappella kontra s-sentenza?

Iva. Jekk inti assistent jew parti ċivili, tista’ tappella kontra s-sentenza jekk ma taqbilx magħha. Dan l-appell irid jsir permezz tal-avukat tiegħek.

L-appell irid jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum, bil-miktub, lill-qorti fejn ikun sar il-proċess. L-appell irid ikun fih ir-raġunijiet għaliex inti ma taqbilx mas-sentenza, il-valutazzjoni tal-evidenza u/jew l-applikazzjoni tar-regoli legali.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tinqata’ s-sentenza?

Inti għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar is-sentenza u, kif issemma qabel, skont ir-rwol li kellek fil-proċedimenti, li tappella minnha.

Jiena intitolat għal appoġġ jew protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Is-sentenza tista’ tinkludi, bħala miżura addizzjonali, id-dritt għal appoġġ jew protezzjoni speċifiċi, bħal ordnijiet ta’ trażżin, li t-tul ta’ żmien tagħhom jiġi ddeterminat fis-sentenza nfisha.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jiġi kkundannat?

Inti tiġi infurmat bis-sentenza u konsegwentement bis-sentenza imposta fuq it-trasgressur. Meta t-trasgressur jiġi kkundannat għal priġunerija, inti tiġi infurmat dwar il-ħabs fejn se tiġi skontata s-sentenza.

Se nkun infurmat jekk it-trasgressur jiġi rrilaxxat (inkluż rilaxx bikri jew kondizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Iva. Sakemm tkun iddikjarajt ix-xewqa tiegħek li tkun infurmat(a), se tkun infurmat(a) dwar ir-rilaxx jew il-ħarba tat-trasgressur u, b’mod partikolari f’każijiet fejn it-trasgressur jitqies bħala partikolarment perikoluż, b’informazzjoni dwar l-istatus tiegħu, b’mod partikolari meta jiġu imposti miżuri restrittivi.

Inkun involut f’deċiżjonijiet dwar rilaxx jew libertà kondizzjonali? Pereżempju, nista’ nagħmel dikjarazzjoni jew inressaq appell?

Inti tista’ tressaq rikors quddiem il-qorti tal-eżekuzzjoni (Tribunal de Execução de Penas), fejn tiddikjara r-raġunijiet li tqis xierqa.

L-aħħar aġġornament: 07/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.