Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Polonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Polonja

X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trasgressur? (eż. kawża l-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

Il-vittmi ta’ reat jistgħu jitolbu d-danni mingħand it-trasgressur bil-modi li ġejjin:

  1. jistgħu jiftħu kawża kontra t-trasgressur quddiem qorti ċivili; il-proċedimenti ċivili huma kontinġenti għall-ħlas tat-tariffi tal-qorti; il-proċedimenti ċivili jistgħu jinfetħu indipendentement minn jekk tressqitx akkuża quddiem il-qorti iżda jistgħu jiġu sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni finali fil-proċedimenti kriminali; jekk il-kawża ppreżentata mill-vittma tirnexxi, l-eżekuzzjoni ssir mill-awtorità tal-eżekuzzjoni, jiġifieri l-marixxall tal-qorti (komornik);
  2. matul il-proċedimenti kriminali, il-vittmi jistgħu jitolbu li tiġi imposta miżura ta’ kumpens (środek kompensacyjny) fuq il-konvenut – obbligu biex isir tajjeb għad-danni jew jiġi pprovdut kumpens; minflok, il-qorti tista’ tordna l-ħlas tad-danni supplimentari (nawiązka); it-talba tal-vittma tintlaqa’ biss jekk it-trasgressur jiġi kkundannat;
  3. jekk it-trasgressur jiġi kkundannat u jirċievi sentenza ta' ħabs sospiża, il-qorti tista’ tordnalu jagħmel tajjeb għad-dannu li jirriżulta mir-reat;
  4. jekk il-proċedimenti jiġu sospiżi b’mod kondizzjonat, il-qorti trid tordna lit-trasgressur jagħmel tajjeb għad-dannu kompletament jew parzjalment.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur biex iħallasni d-danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?

  1. Jekk il-qorti tordna lit-trasgressur biex jagħmel tajjeb għad-danni u t-trasgressur ma jikkonformax minn jeddu, il-vittma tista’ tirrikorri għal proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mmexxija minn marixxall tal-qorti.
  2. Jekk it-trasgressur jingħata sentenza sospiża ta’ ħabs mill-qorti jew inkella l-proċedimenti kontrih jiġu sospiżi b’mod kondizzjonat u dan jonqos milli jagħmel tajjeb għad-danni, jistgħu jittieħdu miżuri biex tiġi eżegwita s-sentenza jew jissoktaw il-proċedimenti. Dawn il-miżuri, speċjalment it-theddida reali ta’ priġunerija, għandhom it-tendenza li jiggalvanizzaw lit-trasgressuri li, anki jekk l-eżekuzzjoni tkun ineffikaċi, b’xi mod isibu l-fondi biex jissodisfaw it-talbiet tal-vittmi. Biex jittieħdu miżuri bħal dawn, ikun biżżejjed li l-vittma tinnotifika lill-qorti jew lill-uffiċjal tal-probation (kurator sądowy) li t-trasgressur naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu/tagħha.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? Taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk it-trasgressur jonqos milli jagħmel tajjeb għad-dannu, il-vittma ma tistax tikseb il-ħlas mingħand l-istat.

Il-vittma tista’ tibbenefika minn assistenza ta’ emerġenza ffinanzjata mill-Fond ta’ Appoġġ għall-Vittmi u ta’ Għajnuna Postpenitenzjarja offruta minn organizzazzjonijiet li jispeċjalizzaw fl-għajnuna għall-vittmi ta’ reati.

Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

Il-vittmi tal-aktar reati serji jew l-aktar qarib qrib tagħhom huma intitolati għal benefiċċji speċjali mħallsa mit-Teżor. Dan japplika għal individwi domiċiljati fil-Polonja jew fi Stat Membru ieħor tal-UE li, minħabba reat, ġarrbu korriment serju jew deterjorament tas-saħħa li jdum aktar minn sebat ijiem u għall-qarib ta’ individwi li jmutu minħabba reat.

Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

Int tkun intitolat(a) għal kumpens ukoll jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat.

Jien inkun intitolat(a) għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?

Il-vittmi intitolati għal kumpens jistgħu jiksbu garanzija, jiġifieri ħlas ta’ darba li jsir qabel ma tintemm il-kawża. L-ammont jista’ jintuża f’parti minnu biex ikopri l-ispejjeż tat-trattament, tal-konvalexxenza jew tal-funeral.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna