Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Polonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Polonja

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Il-vittmi jistgħu jappellaw kontra d-deċiżjoni fi prosekuzzjoni pubblika jekk dawn ikunu aġixxew bħala prosekutur awżiljarju.

Jekk il-proċedimenti kriminali kontra t-trasgressur jitwaqqfu b’mod kondizzjonat u tittieħed deċiżjoni mill-qorti, il-vittma tista’ tappella kontriha anki jekk ma tkunx aġixxiet bħala prosekutur awżiljarju.

Il-vittmi jistgħu jappellaw kontra sentenza fi prosekuzzjoni privata għaliex f’każijiet bħal dawn huma jaġixxu bħala prosekutur.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tinqata' s-sentenza?

Jekk it-trasgressur jiġi ordnat jagħmel tajjeb għad-danni, il-qorti toħroġ kopja tas-sentenza lill-vittma. Jekk trasgressur li jirċievi sentenza sospiża tal-ħabs ma jagħmilx tajjeb għad-danni, il-vittma tista’ titlob li tiġi eżegwita s-sentenza.

Jekk il-proċedimenti kriminali kontra t-trasgressur jitwaqqfu b’mod kondizzjonat, il-vittma tkun intitolata li tieħu sehem fis-smigħ għall-issoktar tal-proċedimenti.

Inkun intitolat(a) għal appoġġ jew għal protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Wara li jintemmu l-proċedimenti, il-vittmi jkunu intitolati għal protezzjoni u għal appoġġ jekk il-ħajja jew is-saħħa tagħhom, jew dik tal-qarib tagħhom, tkun f’riskju. Il-protezzjoni u l-appoġġ jingħataw diment li jkun hemm riskju.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jiġi sentenzjat?

Il-qorti tipprovdi lill-vittma bl-informazzjoni inkluża fis-sentenza – x’piena ngħatat lit-trasgressur, x’inhu t-tul tas-sentenza u jekk din ġietx sospiża b’mod kondizzjonat, u x’obbligi, inkluż li jagħmel tajjeb għad-danni, ġew imposti fuq it-trasgressur.

Niġi informat(a) jekk it-trasgressur jiġi lliberat (inkluż libertà kmieni jew kundizzjonata) jew jaħrab mill-ħabs?

Il-vittmi jistgħu jitolbu li jiġu informati meta t-trasgressur jinħeles mill-ħabs. Imbagħad il-vittma tiġi notifikata meta t-trasgressur jinħeles mill-ħabs wara li jkun skonta s-sentenza, jekk it-trasgressur jitħalla jiskonta s-sentenza taħt sorveljanza elettronika, jew jekk hu jaħrab mill-ħabs, jingħata permess li jitlaq jew parole jew jinħeles b’mod temporanju.

Inkun involut(a) f’deċiżjonijiet dwar libertà jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew nippreżenta appell?

Il-vittmi ma jiħdux sehem fis-smigħ għall-parole u ma jistgħux jappellaw kontra dawn id-deċiżjonijiet.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.