Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Polonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Polonja

Kif nirrapporta reat?

Ir-reati jiġu rrapportati bil-miktub jew b’mod verbali fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew f’għassa tal-pulizija. Rapport ta’ reat bil-miktub jista’ jiġi ppreżentat b’mod personali jew jintbagħat bil-posta (jew b’ittra elettronika).

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

Il-persuna li rrapportat ir-reat għandha tiġi notifikata, fi żmien sitt ġimgħat, minn meta tkun infetħet investigazzjoni. Jekk din ma tirċivix tali notifika, din tista’ tippreżenta kwerela quddiem prosekutur superjuri.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Fi proċedimenti preparatorji u tal-qorti, il-vittmi jistgħu jiġu assistiti minn rappreżentant professjonali – avukat jew konsulent legali. Il-vittmi jistgħu jaħtru r-rappreżentant tagħhom huma stess jew, jekk is-sitwazzjoni finanzjarja ma tippermettilhomx jagħmlu hekk, jistgħu jitolbu rappreżentant maħtur mill-qorti. Għal dak l-għan, il-vittma għandha tippreżenta lill-qorti jew lill-prosekutur b'ittra li turi bil-provi li ma jistgħux iħallsu t-tariffa tar-rappreżentant huma stess.

Nista’ nitlob lura l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk il-vittma tidher fil-proċedimenti bħala xhud biss, din tkun intitolata għal rimborż tal-ispejjeż tal-vjaġġ, tal-akkomodazzjoni u tas-sussistenza jew ta’ kwalunkwe qligħ mitluf.

Jekk il-vittma tkun aġixxiet bħala prosekutur awżiljarju jew privat, din tkun intitolata għal rimborż tal-ispejjeż raġonevoli, li jinkludu spejjeż assoċjati mal-ħatra ta’ rappreżentant.

Biex jinkiseb rimborż tal-ispejjeż, iridu jiġu ppreżentati talba u, jekk possibbli, dokumenti li jikkonfermaw l-ispejjeż imġarrba.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel nitla’ l-qorti?

Il-vittma tista’ tappella kontra deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ rikors għal proċedimenti preparatorji u deċiżjonijiet ta’ waqfien tal-proċedimenti preparatorji. Ma’ dawk id-deċiżjonijiet tiġi pprovduta informazzjoni dwar kif tappella.

Kif nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Il-vittmi jieħdu sehem fi proċedimenti preparatorji bħala parti bla ma jkollhom jippreżentaw dikjarazzjoni speċjali.

Fi proċedimenti tal-prosekuzzjoni pubblika, il-vittmi jistgħu jaġixxu bħala parti (prosekutur awżiljarju) jekk jippreżentaw dikjarazzjoni li biħsiebhom jagħmlu dan.

F’każijiet ta’ prosekuzzjoni privata, il-vittma tkun parti bħala prosekutur privat.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien nitqies jew jien nista’ nagħżel li nitqies bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Il-vittmi huma individwi affettwati minn reat.

Il-vittma hi parti għall-proċedimenti preparatorji bil-liġi.

Fi proċedimenti tal-prosekuzzjoni pubblika, il-vittmi jistgħu jaġixxu bħala parti jekk jagħżlu li jagħmlu dan, f’liema każ dawn jaġixxu bħala prosekutur awżiljarju.

F’każijiet ta’ prosekuzzjoni privata, il-vittmi jaġixxu bħala prosekutur privat.

Indipendentement minn jekk jaġixxux bħala parti, il-vittmi prattikament dejjem jinstemgħu bħala xhud.

Bħalissa, il-proċedimenti kriminali ma jippermettux lill-vittmi jaġixxu bħala parti ċivili.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Anki jekk ma jaġixxux quddiem il-qorti bħala parti, il-vittmi jistgħu jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-qorti li jkunu importanti biex jipproteġu l-interessi tagħhom. Il-vittmi jistgħu jieħdu sehem fi proċess u f’sessjoni li tikkonċerna ċ-ċaħda kondizzjonali tal-proċedimenti, il-kundanna mingħajr proċess u l-waqfien tal-proċedimenti fuq il-bażi li l-konvenut mhuwiex fi stat mentali adegwat jew f’każijiet li jinvolvu miżuri ta’ protezzjoni fuq il-bażi li l-konvenut mhuwiex fi stat mentali adegwat. Matul il-proċess, il-vittma tista’ toġġezzjona għal talba mill-konvenut għal kundanna mingħajr il-kumpilazzjoni u tista’ titlob biex il-konvenut jiġi ordnat jagħmel tajjeb għad-dannu jew iħallas kumpens.

Jekk il-proċedimenti kriminali jitwaqqgħu b’mod kondizzjonali, il-vittma tista’ titlob li jissoktaw.

Wara li tagħżel li taġixxi bħala parti quddiem il-qorti, il-vittma tista’ tieħu ċerti miżuri proċedurali: tippreżenta rikorsi għall-evidenza, tagħmel mistoqsijiet lix-xhieda u lill-esperti, tippreżenta l-pożizzjoni tagħha, eż. tiddikjara x’deċiżjoni qed tistenna mill-qorti. Din tista’ tappella kontra sentenzi.

Vittmi mħarrka bħala xhud iridu jidhru quddiem il-qorti u jixhdu. Nuqqas milli jidhru mingħajr raġuni tajba hu punibbli.

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Il-vittmi jistgħu jippreżentaw rikors għall-evidenza jekk dawn jaġixxu bħala prosekutur awżiljarju jew privat.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Qabel l-ewwel seduta, il-vittmi jiġu informati bil-miktub dwar l-istatus tagħhom bħala parti għall-proċedimenti preparatorji u dwar id-drittijiet tagħhom f’din is-sitwazzjoni.

Il-vittmi jiġu informati bil-miktub dwar l-akkuża ppreżentata lill-qorti u dwar id-dati u l-post tas-seduti jew tas-sessjonijiet tal-qorti li jistgħu jieħdu sehem fihom.

Jekk il-qorti tordna kumpens tad-danni, din tinnotifika kopja tas-sentenza lill-vittma.

Inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Matul il-proċedimenti preparatorji, il-vittmi jistgħu jaċċessaw il-fajls bil-kunsens tal-awtorità li tmexxi l-proċedimenti.

Matul il-proċedimenti tal-qorti, il-vittmi jistgħu jaċċessaw il-fajls jekk jaġixxu bħala prosekutur privat jew bħala prosekutur awżiljarju. Jekk il-vittma ma tkunx qed taġixxi f’dik il-kapaċità, il-fajls jitqiegħdu għad-dispożizzjoni bil-kunsens tal-president tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.