Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Malta

Il-kontenut ipprovdut minn
Malta

Kif nista' nkun involut fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Xi drittijiet għandi bħala xhud?

Jien minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Nista' nirċievi għajnuna legali?

Kif nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

Kif nista' nagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat jew nirċievi kumpens mingħand l-Istat?

Jeżistu opportunitajiet biex nasal għal soluzzjoni/għal konċiljazzjoni jew biex issir medjazzjoni bejni u bejn min ikun wettaq ir-reat?

Jien barrani. Kif inhuma protetti d-drittijiet u l-interessi tiegħi?

Aktar tagħrif

Kif nista' nkun involut fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Tista' tieħu sehem fil-proċeduri anki bħala parti ċivili. Tkun trid tippreżenta applikazzjoni fil-qorti. Il-qorti teżamina l-applikazzjoni tiegħek u tiddeċiedi jekk tħallikx issir parti ċivili. Bħala parti ċivili tkun tista' tattendi għas-seduti kollha tal-qorti, anki dawk li ma jkunux miftuħin għall-pubbliku.

Drittijietek waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali jiddependu fuq liema qorti tisma' l-każ tiegħek:

  • Jekk il-prosekuzzjoni fil-każ tiegħek imexxiha uffiċjal tal-pulizija quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, ikollok kważi l-stess drittijiet daqs l-imputat: inti jew l-avukat tiegħek tkunu tistgħu tressqu l-provi, tagħmlu kontroeżami tax-xhieda (billi tistaqsu l-mistoqsijiet permezz tal-uffiċjal tal-pulizija li jkun qed imexxi l-prosekuzzjoni), eċċ.
  • Jekk il-prosekuzzjoni fil-każ tiegħek imexxiha l-Avukat Ġenerali, id-Deputat Avukat Ġenerali jew prosekutur pubbliku quddiem il-Qorti Kriminali, tkun tista' tattendi biss għas-smigħ u tressaq argumentazzjoni b'rabta mas-sentenza jekk il-ġurija tkun sabet lill-imputat ħati.

Waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali huwa rrakkomandat, għalkemm mhux obbligatorju, li tkun assistit minn avukat, li tkun trid tħallas għas-servizzi tiegħu. Tkun trid tħallas ukoll għall-ispejjeż l-oħrajn kollha li għandhom x'jaqsmu mal-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċess quddiem il-qorti kriminali (e.g. spejjeż tal-ivvjaġġar, liv mhux imħallas, eċċ.). Il-liġi Maltija ma tipprovdix għar-rimborż ta' spejjeż bħal dawn.

L-avukat tiegħek jitħalla jeżamina d-dokumenti kollha li jkun hemm fil-fajl tal-każ u jagħmel noti jew jitlob għal kopji tad-dokumenti. Madanakollu, jekk il-każ tiegħek jinstema' quddiem il-Qorti Kriminali bis-sehem ta' ġurija, l-aċċess għall-fajl tal-każ jingħata biss lill-Avukat Ġenerali, lil min allegatament ikun wettaq ir-reat u lill-avukat tiegħu.

Xi drittijiet għandi bħala xhud?

Waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali, x'aktarx li tissejjaħ biex titla' tixhed. Tirċievi notifika li tinfurmak dwar il-ħin u l-lok fejn tkun trid tixhed. Il-notifika tingħatalek bl-idejn minn uffiċjal tal-pulizija jew tintbagħatlek bil-posta. M'intix obbligat titla' tixhed imma huwa rrakkumandat li titla', għax jekk il-qorti tkun temmen li x-xhieda tiegħek tkun importanti tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li tidher quddiemha fis-seduta li jkun imiss.

Madanakollu, m'inti obbligat la li twieġeb għal xi mistoqsija u lanqas li tipproduċi dokumenti jew elementi oħrajn li jistgħu jinkriminawk.

F'ċerti każi tista':

  • tixhed mingħajr ma jkollok kuntatt dirett ma' min ikun wettaq ir-reat;
  • tixhed fil-post fejn toqgħod; u/jew
  • titpoġġa fi programm għall-protezzjoni tal-vittmi.

Jien minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Jekk inti għadek m'għalaqtx is-16-il sena u tkun trid titla' tixhed waqt smigħ tal-qorti, tista' titlob li tixhed permezz ta' konferenza bil-vidjo. F'dan il-każ, ma jkollokx għalfejn tmur il-qorti u tkun preżenti fl-awla.

Jekk, bħala tifel jew tifla, inti dipendenti fuq min allegatament ikun wettaq ir-reat (e.g. min ikun wettaq ir-reat ikun il-ġenitur tiegħek), titpoġġa f'ambjent bla perikli, normalment f'faċilità pprovdut mill-ministeru responsabbli mis-solidarjetà soċjali, fejn tirċievi għajnuna mingħand assistenti soċjali u psikoloġi.

Bħala tifel jew tifla, tista' wkoll tirċievi assistenza mingħand l-aġenzija nazzjonali tal-assistenza soċjali għat-tfal u l-familji fil-bżonn, l-Appoġġ. L-assistenza tista' tkun tinkludi konsulenza psikoloġika, assistenza soċjali, pariri, eċċ. Dawn is-servizzi huma bla ħlas u m'għandhomx x'jaqsmu mal-proċeduri kriminali.

Nista' nirċievi għajnuna legali?

Waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali l-vittmi m'għandhomx aċċess għal għajnuna legali bla ħlas.

Kif nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

Jekk min ikun wettaq ir-reat ma jkunx ġie arrestat u tkun imbeżża' minnu, inti jew l-avukat tiegħek tistgħu titolbu lill-uffiċjal tal-pulizija li jkun inkarigat mill-każ tiegħek biex jipprojbilu li javviċinak. L-uffiċjal tal-pulizija mbagħad jitlob lill-qorti biex toħroġ ordni bħal din. Meta l-qorti toħroġ l-ordni, titlob lil min ikun wettaq ir-reat biex iħallas ċertu ammont ta' flus (normalment bejn 100 u 2,300 ewro) bħala garanzija. Jekk min ikun wettaq ir-reat jikser l-ordni tal-qorti, jitlef din is-somma.

Jekk tkun issejjaħt biex tixhed waqt smigħ tal-qorti u tħoss li tkun filperiklu, tista' titlob biex tixhed mingħajr ma jkollok kuntatt dirett mal-imputat. Il-qorti tista' tagħmel dan billi tostrok mill-imputat (e.g. permezz ta' purtiera mhux trasparenti) jew billi tixhed permezz ta' konferenza bil-vidjow mingħajr ma tkun preżenti fl-awla.

Tista' wkoll titlob lill-uffiċjal tal-pulizija li jkun inkarigat mill-każ tiegħek biex ipoġġik fi programm għall-protezzjoni tal-vittmi. Tkun trid tiddikjara li tkun se tixhed kontra min ikun wettaq ir-reat waqt is-smigħ tal-qorti. Jekk l-uffiċjal tal-pulizija jkun konvint li x-xhieda tiegħek jew provi oħrajn li jkollok ikunu importanti għall-każ, jitlob lill-Avukat Ġenerali biex ipoġġik fi programm għall-protezzjoni tal-vittmi. Il-programm jista' jkopri wkoll lil membri tal-familja tiegħek u qraba oħrajn. Normalment, ikun jikkonsisti f'miżuri li jiggarantixxu s-sikurezza personali tiegħek u/jew jipproteġu l-proprjetà tiegħek.

Kif nista' nagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat jew nirċievi kumpens mingħand l-Istat?

Skont il-liġi Maltija, tista' tagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat biss billi tissottometti talba ċivili quddiem qorti ċivili. Ma tistax tagħmel talba għad-danni fil-qafas tal-proċeduri kriminali.

Madanakollu, il-qorti li tisma' l-każ tiegħek tista' f'ċerti każi tordna lill-imputat jikkumpensak għad-danni li tkun ġarrabt. Dan jista' jiġri f'żewġ okkażjonijiet:

  • Meta l-qorti tibgħat lill-imputat il-ħabs iżda tipposponi t-twettiq tas-sentenza, tista' tordnalu jħallsek kumpens għal kwalunkwe telf, ħsara jew dannu li jkun ikkaġunalek id-delitt.
  • Meta l-qorti tibgħat lill-imputat għall-probation (miżuri obbligatorji mingħajr priġunerija), tista' tordnalu jħallsek kumpens għal danni sal-ammont ta' 1,164.69 ewro.

Jekk sfajt vittma ta' delitt vjolenti ;mill-1 ta' Jannar 2006 'l hawn tista' tapplika għal kumpens finanzjarju mingħand l-Istat. Jekk jogħġbok ikkonsulta l-iskeda informattiva dwar il-kumpens għall-vittmi tal-kriminalità f'Malta (li dalwaqt tkun disponibbli bl-Ingliż u bil-Malti) fil-paġni tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

Jeżistu opportunitajiet biex nasal għal soluzzjoni/għal konċiljazzjoni jew biex issir medjazzjoni bejni u bejn min ikun wettaq ir-reat?

Waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali ma jistgħux isiru konċiljazzjoni jew medjazzjoni bejnek u bejn min ikun wettaq ir-reat. Madanakollu, jekk għal xi raġuni ma tkunx għadek trid li min ikun wettaq ir-reat jiġi pproċessat (e.g. tkun ħfirtlu) tista' tagħmel stqarrija bħal din quddiem il-qorti waqt smigħ. Il-qorti tagħti kas tal-istqarrija tiegħek meta tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar il-każ.

Jien barrani. Kif inhuma protetti d-drittijiet u l-interessi tiegħi?

Jekk int barrani, għandek id-drittijiet kollha spjegati hawn fuq. Il-liġi Maltija ma tipprovdix għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni tad-dokumenti bla ħlas waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Madanakollu, tista' tuża l-assistenza ta' interpretu jekk tħallas għas-servizzi tiegħu.

Jekk toqgħod barra minn Malta tista' tixhed b'konferenza telefonika jew b'konferenza bil-vidjo. Ukoll, jekk tkun trid tirċievi dokument barra minn Malta, tintbagħatlek kopja bil-posta bi lsien li tifhmu flimkien ma' spjegazzjoni tad-drittijiet u d-dmirijiet tiegħek b'rabta ma' dak id-dokument ta' kif tista' tagħmel biex tikseb l-oriġinal.

Aktar tagħrif:

L-aħħar aġġornament: 21/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna