Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Malta

Il-kontenut ipprovdut minn
Malta

Kif u fejn nista' nirrapporta delitt?

Kif nista' nkun naf x'jagħmlu l-awtoritajiet wara li nirrapporta delitt?

Kif nista' nkun involut fl-istħarriġ ta' delitt?

X'inhuma drittijieti bħala xhud?

Jien minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Waqt l-istħarriġ tad-delitt, x'tagħrif nista' nikseb mingħand il-pulizija jew mingħand organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi?

Nista' nirċievi għajnuna legali?

Kif nista' nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

X'servizzi u x'assistenza nista' ningħata waqt l-istħarriġ tad-delitt?

Jeżistu opportunitajiet biex nasal għal soluzzjoni/għal konċiljazzjoni jew biex issir medjazzjoni bejni u bejn min ikun wettaq ir-reat?

Il-każ tiegħi kif jissokta wara li jintemm l-istħarriġ?

Nista' nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq mingħajr ma jitla' quddiem il-qorti?

Jien barrani. Kif inhuma protetti d-drittijiet u l-interessi tiegħi?

Aktar tagħrif

Kif u fejn nista' nirrapporta delitt?

Jekk sfajt vittma ta' delitt tista' tirrapportah għand il-pulizija. Ir-rapport jistgħu jagħmluh minflokok il-konjuġi, il-ġenituri, ħutek jew it-tutur. Tista' wkoll tgħarraf lill-pulizija jekk tkun sirt taf b'delitt anki meta ma tkunx il-vittma ta' dak id-delitt.

Tista' tirrapporta delitt bil-fomm, billi tmur fl-eqreb għassa tal-pulizija, jew bil-kitba billi tħalli r-rapport fl-għassa tal-pulizija jew billi tibgħat ittra. Jekk tagħżel li tibgħat rapport bil-miktub, tista' tabbozzah int stess jew titlob l-għajnuna ta' avukat. M'hemm l-ebda formola li trid timxi magħha bilfors, iżda r-rapport irid ikun bl-Ingliż jew bil-Malti. Trid tinkludi d-dettalji personali tiegħek. Fil-prinċipju jiġu aċettati wkoll rapporti anonimi, iżda l-pulizija tibda tistħarreġ rapport bħal dan biss kemm-il darba d-delitt ikun wieħed serju ħafna.

Mhemm l-ebda żmien sa meta trid tirrapporta delitt. Madanakollu, il-liġi tgħid li jekk ikun għadda ċertu perjodu ta' żmien minn mindu jkun seħħ id-delitt, ma jkunux jistgħu jinbdew proċeduri kriminali kontra min ikun wettqu. Il-perjodu jiddependi minn x'delitt ikun, u jvarja minn tliet xhur għar-reati l-inqas serji (e.g. tgħajjir bil-fomm) għal għoxrin sena għal delitti partikularment serji (e.g. qtil). Wara dak il-perjodu, xorta waħda tista' tagħmel rapport imma l-pulizija ma jistħarrġux id-delitt. Anki jekk jistħarrġuh, il-qorti tillibera lil min ikun wettaq id-delitt mill-akkużi.

Fil-każ ta' ċerti reati żgħar, tkun trid tagħmel rapport speċjali għand il-pulizija. Dawn huma l-każi fejn mingħajr tali lment il-pulizija ma jitħallewx jibdew jistħarrġu. L-ilmenti s-soltu, għalkemm mhux bilfors, isiru bil-miktub. Tista' titlob lil avukat biex jiktiblek l-ilment. Fl-ilment trid tinkludi: id-dettalji personali tiegħek (l-isem, l-indirizz, in-numru tal-karta tal-identità), tagħrif dwar min ikun wettaq ir-reat, deskrizzjoni ta' dak li ġara, u lista ta' xhieda u tal-indirizzi tagħhom li tkun tixtieq li l-pulizija tkellimhom. Huwa rrakkomandat ukoll li tinkludi referenza għad-dispożizzjoni legali li taħseb li kiser min wettaq ir-reat, iżda dan mhux obbligatorju.

Kif nista' nkun naf x'jagħmlu l-awtoritajiet wara li nirrapporta delitt?

Meta tirrapporta delitt, tingħata numru ta' referenza. Dan in-numru tista' tużah biex tara fiex wasal il-każ. Fil-prattika, tista' tiċċekkja wkoll billi tua d-data meta tkun għamilt ir-rapport. Tista' tirċievi informazzjoni dwar l-istħarriġ billi tmur l-għassa tal-pulizija jew billi ċċempel bit-telefown.

Kif nista' nkun involut fl-istħarriġ ta' delitt?

Waqt l-istħarriġ m'intix obbligat li jkollok avukat, imma minħabba l-proċeduri kumplessi huwa rrakkomandat li jkollok wieħed. Jekk tixtieq tkun irrappreżentat minn avukat, tkun trid tħallas għas-servizzi tiegħu.

Jekk tkun tixtieq, tista' taqsam kwaunkwe informazzjoni rilevanti għall-każ tiegħek mal-pulizija. M'għandek għalfejn tagħti prova tal-ebda aspett tad-delitt, iżda jekk ikollok xi provi li tqishom importanti għall-istħarriġ, inti jew l-avukat tiegħek tistgħu tippreżentawha lill-uffiċjal tal-pulizija li jkun inkarigat mill-każ tiegħek.

X'aktarx li tkun mitlub tidher biex tagħti –xhieda tiegħek.

B'mod ġenerali, waqt l-istħarriġ il-fajl tal-każ ikun kunfidenzjali u jkun disponibbli biss għall-wtoritajiet li jkunu qed jaħdmu fuq il-każ tiegħek.

X'inhuma drittijieti bħala xhud?

Bħala xhud, tista' tirrifjuta li twieġeb għal ċerti mistoqsijiet. Madanakollu, huwa rrakkomandat li twieġeb għallmistoqsijiet kollha sabiex tiffaċilita l-istħarriġ u ma toħloqx is-suspett li qed taħbi xi informazzjoni.

Madanakollu, la inti obbligat twieġeb għal xi domanda u lanqas tipproduċi xi dokument jew elementi li jistgħu jinkriminawk.

Jekk tkun fil-periklu, għandek id-dritt li titpoġġa fi programm għall-protezzjoni tal-vittmi li jipproteġi l-ħajja u l-proprjetà tiegħek u tal-membri tal-familja tiegħek, u li f'każi partikulari jista' jkun jinkludi dispożizzjonijiet għall-ħlas ta' gratifika.

Jien minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Jekk inti minorenni, id-delitt jistgħu jirrappurtawh ġenitur jew tutur minflokok.

Tista' wkoll tingħata konsulenza psikoloġika, pariri u assistenza oħra mingħand l-aġenzija nazzjonali tal-assistenza soċjali għat-tfal u l-familji fil-bżonn, Appoġġ. Is-servizzi jingħataw bla ħlas u ma jiddependux fuq jekk id-delitt jiġix mistħarreġ jew le.

Jekk inti tifel jew tifla u inti dipendenti fuq min allegatament wettaq id-delitt (e.g. min allegatament wettaq id-delitt ikun il-ġenitur tiegħek) tista' tmur toqgħod f'faċilità speċjali pprovduta mill-ministeru responsabbli mis-solidarjetà soċjali, fejn tirċievi għajnuna u appoġġ mingħand psikoloġi u assistenti soċjali kkwalifikati.

Waqt l-istħarriġ tad-delitt, x'tagħrif nista' nikseb mingħand il-pulizija jew mingħand organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi?

L-awtoritajiet li jkunu qed jaħdmu fuq il-każ tiegġek m'humiex obbligati jipprovdulek informazzjoni. Tista' tikseb informazzjoni dwar drittijietek u dwar sehmek fil-proċeduri mingħand l-avukat tiegħek, jekk ikollok wieħed.

Nista' nirċievi għajnuna legali?

Waqt l-istħarriġ tad-delitt il-vittmi ma jkollhomx aċċess għal għajnuna legali bla ħlas.

Kif nista' nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

Jekk il-pulizija tikkonkludi li min ikun wettaq ir-reat ikun persuna perikoluża u li jkun hemm riskju ta' riperkussjonijiet, titlob lill-qorti biex tordna li jinżamm detenut.

Tista' wkoll titlob lill-uffiċjal tal-pulizija li jkun inkarigat mill-każ tiegħek biex ipoġġik fi programm għall-protezzjoni tal-vittmi. Tkun trid tiddikjara li tkun se tixhed kontra min ikun wettaq ir-reat waqt is-smigħ tal-qorti. Jekk l-uffiċjal tal-pulizija jkun konvint li x-xhieda tiegħek jew provi oħra li jkollok ikunu importanti għall-każ, huwa jitlob lill-Avukat Ġenerali biex ipoġġik fi programm għall-protezzjoni tal-vittmi. Il-programm jista' jkopri wkoll lil membri tal-familja tiegħek u qraba oħrajn. Normalment ikun jikkonsisti f'miżuri li jiggarantixxu s-sikurezza personali tiegħek u/jew jipproteġu l-proprjetà tiegħek.

X'servizzi u x'assistenza nista ningħata waqt l-istħarriġ tad-delitt?

Tista' tingħata assistenza medika iżda tkun trid tħallas għaliha jekk ma jkollokx assigurazzjoni valida tas-saħħa. Iċ-ċittadini tas-27 Stat Membru tal-UE, tal-islanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja u tal-isvizzera jistgħu jibbenefikaw mill-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea. Jekk ikun meħtieġ, tista' tingħata wkoll assistenza psikoloġika jew xort'oħra, iżda għal dawn is-servizzi tkun trid tħallas.

Jekk inti vittma tal-vjolenza domestika, tista' tirċievi assistenza bla ħlas mingħand il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika u mingħand l-Appoġġ.

Jeżistu opportunitajiet biex nasal għal soluzzjoni/għal konċiljazzjoni jew biex issir medjazzjoni bejni u bejn min ikun wettaq id-delitt?

Ma jistgħu jsiru la konċiljazzjoni u lanqas medjazzjoni bejnek u bejn min ikun wettaq ir-reat. Teżisti biss il-possibbiltà li jsiru negozjati ta' qabel ma tibda l-kawża bejn il-prosekutur pubbliku u min ikun wettaq ir-reat, iżda inti ma tkunx involut f'din il-proċedura. Jekk in-negozjati ta' qabel ma tibda l-kawża jirnexxu, jintemmu bi ftehim bejn il-prosekutur pubbliku u min ikun wettaq ir-reat, li mbagħad jiġi ppreżentat lill-qorti biex tapprovah.

Il-każ tiegħi kif jissokta wara li jintemm l-istħarriġ?

Fi tmiem l-istħarriġ tittieħed deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm biżżejjed provi biex isir proċess quddiem il-qorti kriminali. Hemm żewġ possibbiltajiet, skont kemm ikun serju d-delitt:

  • jekk id-delitt ma jkunx serju ħafna u jkun stħarrġu uffiċjal tal-pulizija, dan jiddeċiedi jekk jiħux il-każ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati għal proċess.
  • jekk id-delitt ikun serju u jkun stħarrġu maġistrat istruttorju, isir smigħ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Waqt dan is-smigħ il-qorti teżamina l-provi u jekk tiddeċiedi li l-każ għandu jgħaddi għal proċess quddiem il-qorti kriminali, tibagħtu għand l-Avukat Ġenerali li, min-naħa tiegħu, iressqu quddiem il-Qorti Kriminali għall-proċess.

Jekk il-każ tiegħek jinġieb għal proċess quddiem il-qorti kriminali, il-pulizija jibagħtulek notifika. Jekk il-qorti tiddeċiedi li ttellgħek bħala xhud, in-notifika tkun tindika wkoll il-ħin u l-lok fejn tkun trid tixhed.

Nista' nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq mingħajr ma jitla' quddiem il-qorti?

Jekk uffiċjal tal-pulizija jistħarreġ id-delitt u jiddeċiedi li jagħlaq il-każ mingħajr ma jressqu l-qorti, bħala vittma tista' tappella kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Il-Qorti tal-Maġistrati titolbok tikkonferma bil-ġurament l-informazzjoni li tkun tajt fir-rapport u tistqarr li lest tixhed fil-qorti. Ikollok ukoll tħallas ċerta somma speċifikata mill-qorti bħala garanzija li l-intenzjoni tiegħek li tiftaħ il-proċeduri kontra min ikun wettaq ir-reat tkun serja. Il-Qorti tal-Maġistrati teżamina l-provi u jekk issibhom biżżejjed, tordna lill-pulizija biex jissoktaw bil-proċeduri.

Jien barrani. Kif inhuma protetti d-drittijiet u l-interessi tiegħi?

Jekk int barrani u sfajt vittma ta' delitt f'Malta, għandek id-drittijiet kollha spjegati hawn fuq. Barra minn hekk, meta tirrapporta delitt imma ma tkunx titkellem bl-Ingliż jew bil-Malti, tista' tuża l-ilsien matern tiegħek. Il-pulizija jsibulek interpretu jew jagħmlu l-arranġamenti li jkun hemm bżonn sabiex ikunu jistgħu jifhmu bis-sħiħ dak li jkun qed jiġi rrappurtat.

Waqt l-istħarriġ tista' tagħmel użu mill-assistenza ta' interpretu, iżda tkun trid tħallas għas-servizzi tiegħu.

Aktar tagħrif:

L-aħħar aġġornament: 21/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna