Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Lussemburgu

Il-kontenut ipprovdut minn
Lussemburgu

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Kull sentenza finali għandha l-awtorità ta’ res judicata malli tinqata’. B’hekk, din titqies li tirrappreżenta l-verità dment li ma titħassarx bl-eżerċizzju ta’ rimedju legali previst mil-liġi. Normalment l-imħallef jiddeċiedi dwar il-kawżi kriminali u ċivili fl-istess sentenza.

Minħabba d-dritt għal proċess ġust, din l-awtorità ta’ res judicata tapplika biss għal dawk li kienu partijiet fil-proċess kriminali u għall-elementi tad-deċiżjoni li dawk il-partijiet setgħu jasserixxu l-każ tagħhom fuqhom. Bħala vittma, tista’ tappella biss jekk kont parti għall-proċedimenti, billi ssiħibt fihom bħala parti ċivili.

F’din il-kapaċità, hu possibbli li tappella, iżda biss fir-rigward tal-interessi ċivili tiegħek u jekk ikollok interess fit-teħid ta’ azzjoni, jiġifieri jekk il-qorti ċaħdet it-talba tiegħek għal kumpens jew jekk int tqis li l-ammont mogħti ma jkunx biżżejjed.

B’hekk, ma tistax tappella għaliex ma taqbilx mas-sentenza imposta jew għaliex il-qorti lliberat lill-konvenut. Il-Prosekutur tal-Istat biss jista’ jippreżenta appell dwar l-aspett kriminali tal-proċedimenti.

Ikkonsulta lill-avukat tiegħek biex tistabbilixxi jekk tkunx idea tajba li tippreżenta appell. Jekk l-avukati tiegħek jaqblu, l-appell irid jiġi ppreżentat fi żmien 40 jum fir-Reġistru tal-qorti li qatgħet is-sentenza.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tinqata' s-sentenza?

Wara li tinqata’ s-sentenza, tista’ tirċievi kopja tagħha.

Hu possibbli wkoll li tippreżenta appell, iżda biss jekk kont parti fil-proċedimenti, billi sseħibt bħala parti ċivili u biss fir-rigward tal-interessi ċivili tiegħek (ara l-punt 1).

Jekk tkun ippjanata libertà kondizzjonali, tista’ tinforma lill-Prosekutur Pubbliku Ġenerali, li jkun inkarigat mill-eżerkuzzjoni tas-sentenza, li int toġġezzjona.

Tista’ tibqa’ tkun rappreżentat minn avukat.

Jien intitolat(a) għal appoġġ jew għal protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Bħala parti ċivili, għandek id-dritt għal għajnuna legali għal kwalunkwe kwistjoni relatata mal-eżekuzzjoni tas-sentenza.

Bħala vittma ta’ reat intenzjonat li jirriżulta f’korriment fiżiku, tista’, b’ċerti kundizzjonijiet, titlob lill-Ministeru tal-Ġustizzja għal kumpens li jitħallas mill-Istat, meta ma tkunx tista’ tiġi kkumpensat mill-awtur tar-reat.

Il-pulizija u s-sistema ġudizzjarja għandhom obbligu li joffrulek protezzjoni bħala l-vittma. Kwalunkwe deċiżjoni rigward il-libertà kondizzjonata ta’ persuna kkundannata b’parole tista’ tkun soġġetta għal patti u għal kundizzjonijiet speċifiċi, li jkunu relatati b’mod partikolari mal-protezzjoni tas-soċjetà u tal-vittma.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trażgressur jiġi kkundannat?

Fuq talba, għandek id-dritt li tikseb informazzjoni dwar kwalunkwe sentenza finali fil-prosekuzzjoni.

Rigward is-sentenza imposta fuq it-trażgressur, jekk jogħġbok kun af li d-deċiżjoni ta’ sentenzjar trid issemmi d-dispożizzjonijiet tal-liġi li huma applikati, mingħajr ma tirriproduċi l-patti, il-fatti li jikkostitwixxu r-reat stipulat fl-atti tal-akkuża jew is-sentenza jew is-sentenzi imposti (l-Artikolu 195 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Għal kwalunkwe kwistjoni relatata mal-eżekuzzjoni tas-sentenzi, int tista’ tikkuntattja lis-Servizz tal-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ġenerali.

Fil-Lussemburgu, persuna kkundannata fil-proċedimenti finali tkun fil-Ħabs ta' Schrassig jew fil-Ħabs ta' Givenich.

Se nkun infurmat jekk it-trażgressur jinħeles (inkluż ħelsien kmieni jew kundizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, wara talba speċifika lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ġenerali, tista’ tiġi infurmat bil-ħelsien jew il-ħarba ta’ trażgressur jekk ikun hemm periklu jew riskju identifikat ta’ ħsara għalik, sakemm din in-notifika ma tinvolvix riskju ta’ identità tad-dannu għat-trażgressur.

Inkun involut f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew nippreżenta appell?

Le.

L-aħħar aġġornament: 08/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.