Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Lussemburgu

Il-kontenut ipprovdut minn
Lussemburgu

Kif nista' nkun involut fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

X'inhuma drittijieti bħala xhud?

Jien minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Nista' nikseb għajnuna legali?

Kif nista' nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

Kif nista' nagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat jew nirċievi kumpens mingħand l-Istat?

Jeżistu opportunitajiet biex nasal għal ftehim/għal konċiljazzjoni jew biex issir medjazzjoni bejni u bejn min ikun wettaq ir-reat?

Jien barrani. Id-drittijiet u l-interessi tiegħi kif inhuma protetti?

Aktar tagħrif

Kif nista' nkun involut fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Tista' tkun involut fil-proċess quddiem il-qorti kriminali bħala vittma mingħajr l-ebda stejtus speċjali u bħala parti ċivili. Bħala parti ċivili, tista' tagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat u għandek ukoll xi drittijiet addizzjonali bħall-vittma.

Bħala vittma, tista':

  • jkollok traduzzjoni tad-dokumenti u interpretazzjoni tad-dibattiti tal-qorti bla ħlas, kemm-il darba ma tifhimx bl-ilsien użat fis-smigħ tal-qorti; tattendi għas-seduti kollha ta' smigħ pubbliku; tattendi għal smigħ li jsir fil-privat jekk tkun issejjaħt bħala xhud; tkun obbligat li tkun preżenti biss meta jkollok tixhed;
  • tissejjaħ biex tixhed waqt is-smigħ meta jseħħu argumenti bil-fomm – tirċievi taħrika bil-miktub mingħand il-prosekutur pubbliku u twieġeb għall-mistoqsijiet tal-qorti u tal-avukati tad-difiża;
  • tirċievi kopja bla ħlas tax-xhieda tiegħek, mill-ewwel jew fi żmien xahar minn meta jsir is-smigħ;
  • tkun irrappreżentat minn avukat;
  • tkun assistit mis-servizzi tal-assistenza lill-vittmi;
  • tipparteċipa fil-proċeduri bħala parti ċivili qabel ma jitressqu l-akkużi mill-prosekutur pubbliku.

Bħala parti ċivili, tista':

  • tirċievi taħrika bil-miktub biex tattendi għas-smigħ fejn ikunu se jseħħu argumenti bil-fomm;
  • jkollok id-dritt li tattendi għas-seduti kollha ta' smigħ, pubbliċi u privati; tkun obbligat li tkun preżenti biex tesponi l-fatti min-naħa tiegħek, u ġeneralment titkellem wara li jkunu nstemgħu x-xhieda;
  • tiddiskuti dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-interess ċivili tiegħek, u tixhed dwar il-fatti; l-avukat tiegħek jista' jinterroga lill-periti tal-qorti u lix-xhieda tad-difiża;
  • jkollok id-dritt li tirċievi kopja tal-fajl tal-kawża permezz tal-avukat tiegħek, sabiex tkun tista' tħejji l-argumenti tiegħek għal waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali;
  • jkollok id-dritt li, sal-waqt meta tagħmel id-dikjarazzjonijiet tiegħek quddiem il-qorti u qabel ma l-imħallef jsprimi l-ġudizzju tiegħu dwar il-merti tal-każ, titlob li tingħata lura l-infiq li tkun għamilt minħabba l-proċeduri, u l-ispejjeż li tkun dħalt għalihom, speċjalment b'rabta mal-periti tal-qorti u max-xhieda, jekk min ikun wettaq ir-reat jiġi lliberat mill-akkużi jew inti tirtira mill-proċeduri, l-ispejjeż tiegħek tħallashom inti stess. Madanakollu, il-qorti tista' teħilsek minn dak l-obbligu għal kollox jew parzjalment wara li tqis is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek.

X'inhuma drittijieti bħala xhud?

Meta tissejjaħ biex tixhed waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali, trid tattendi għas-smigħ tal-qorti u tgħid lill-imħallef dak kollu li taf dwar li jkun ġara.

Waqt il-proċess, tkun bilqiegħda fuq in-naħa ta' wara tal-awla tal-qorti sabiex jiġi evitat li jkollok kuntatt dirett mal-imputati.

Bħala xhud, tista' tilob għal rimbors tal-ispejjeż li tkun għamilt biex titla' tixhed.

Jien minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Jekk inti minorenni, tgawdi minn xi drittijiet addizzjonali:

  • li jekk il-protezzjoni tal-interessi tiegħek ma tkunx iggarantita għal kollox minn għall-inqas wieħed mir-rappreżentanti legali tiegħek, ikollok rappreżentant speċjali li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-interessi tiegħek u li jeżerċita drittijietek bħala parti ċivili;
  • li waqt is-seduti tas-smigħ tkun akkumpanjat minn adult li tagħżlu int.

Nista' nikseb għajnuna legali?

Jekk m'għandekx biżżejjed riżorsi finanzjarji, għandek id-dritt għal għajnuna legali bla ħlas mogħtija mill-Kunsill tal-Avukatura, jekk tkun tridha u jekk inti:

  • ċittadin tal-Lussemburgu;
  • ċittadin barrani b'awtorizzazzjoni biex tgħammar fil-pajjiż;
  • ċittadin ta' Stat Membru tal-UE;
  • ċittadin ta' pajjiż terz bid-dritt għall-għajnuna egali fil-Lussemburgu skont trattat internazzjonali.

Sabiex jiġi stabbilit x'riżorsi għandek, jingħata kas tad-dħul gross tiegħek u tar-riżorsi ta' dawk li toqgħod magħhom. Minbarra f'każ li ma jkollokx biżżejjed riżorsi finanzjarji, tista' tingħata l-għajnuna legali wkoll għal raġunijiet serji oħrajn li jkollhom x'jaqsmu mas-sitwazzjoni soċjali, tal-familja jew materjali tiegħek.

Kif nista' nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

M'hemm l-ebda miżuri speċifiċi ta' protezzjoni waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Waqt is-seduti tas-smigħ, l-imputati jkunu bilqiegħda ħdejn l-avukati filwaqt li inti, bħala vittma jew parti ċivili, tkun bilqiegħda fuq in-naħa ta' wara tal-awla tal-qorti sabiex ma jkunx hemm kuntatt dirett bejnek u bejn l-imputat.

Kif nista' nagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat jew nirċievi kumpens mingħand l-Istat?

Biex tagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat, trid tipparteċipa fil-proċeduri bħala parti ċivili. Jekk il-parteċipazzjoni tiegħek filproċeduri sseħħ waqt is-smigħ, trid tagħmel dan permezz ta' dikjarazzjoni, li tkun iffirmata wkoll mill-iskrivan tal-qorti, jew permezz ta' talba lill-qorti. Waqt l-argumentazzjoni bil-fomm, inti u l-avukat tiegħek titolbu li l-imputat jiġi kkundannat u li tingħata riparazzjoni għad-dannu li tkun ġarrabt.

Tista' wkoll tagħmel talba biex tingħata kumpens mingħand l-Istat. Jekk jogħġbok ikkonsulta l-iskeda informattiva dwar il-kumpens għall-vittmi tal-kriminalità fil-Lussemburgu (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u b'ilsna oħrajn) tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

Jeżistu opportunitajiet biex nasal għal ftehim/għal konċiljazzjoni jew biex issir medjazzjoni bejni u bejn min ikun wettaq ir-reat?

Mhux possibbli li ssir medjazzjoni ladarba jkunu bdew il-proċeduri pubbliċi.

Jien barrani. Id-drittijiet u l-interessi tiegħi kif inhuma protetti?

Jekk inti barrani, tista' b'mod partikulari tgawdi mid-drittijiet addizzjonali li ġejjin:

  • li jkollok interpretu bla ħlas jekk ma tkun titkellem l-ebda wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Lussemburgu: il-Lussemburgiż, il-Franċiż u l-Ġermaniż;
  • li jkollok għajnuna legali mingħajr ħlas jekk ma jkollokx biżżejjed riżorsi finanzjarji u jekk inti ċittadin barrani b'awtorizzazzjoni biex tgħammar fil-pajjiż, ċittadin ta' Stat Membru tal-UE jew ċittadin ta' pajjiż terz bid-dritt għall-għajnuna legali fil-Lussemburgu skont trattat internazzjonali.

Aktar tagħrif

  • Il-Kodiċi tal-Investigazzjoni Kriminali (Code d’Instruction Criminelle) – bil-Franċiż
  • Il-Liġi tat-12 ta' Marzu 1984 dwar l-indemnifikazzjoni tal-vittmi ta' delitti vjolenti li jirriżultaw f'dannu fuq il-persuna u dwar id-deterrenza tal-insolvenza qarrieqa (Loi modifiée du 12 mars 1984 relative à l’indemnisation de certaines victimes de dommage corporels résultant d’une infraction et à la répression de l’insolvabilité frauduleuse) – bil-Franċiż
L-aħħar aġġornament: 08/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna