Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

X’informazzjoni nirċievi mingħand l-awtorità wara li jkun seħħ reat (pereż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) iżda qabel ma nirrapporta r-reat?

Malli jiġu notifikati bir-reat, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika u d-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali (CID) jridu javżawk li, bħala l-parti vittma ta’ reat, inti intitolat(a) taħtar avukat biex jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilek, u li inti intitolat(a) taċċessa għajnuna legali mill-Istat Taljan (l-Artikolu 101 tal-Kodiċi Taljan tal-Proċedura Kriminali (Codice di procedura penale jew c.p.p.)

Wara l-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni, inti tiġi pprovdut(a) b’informazzjoni, f’lingwa li tifhem, relatata ma’:

  • il-proċeduri għall-preżentazzjoni ta’ rapport jew ta’ kwerela, ir-rwol li int se taqdi fl-investigazzjoni u fil-proċess, id-dritt tiegħek li tiġi mgħarraf / mgħarrfa bid-data u bil-post tal-proċess, u dwar l-akkużi, u, jekk tissieħeb fi proċedimenti bħala parti ċivili, id-dritt tiegħek li tirċievi notifika tas-sentenza, inkluż bħala sommarju
  • l-intitolament tiegħek għal parir legali u għal għajnuna legali, imħallsa mill-Istat Taljan
  • kif teżerċita d-dritt tiegħek għal servizzi ta’ interpretazzjoni u għat-traduzzjoni ta’ dokumenti tal-kawża
  • kwalunkwe miżura ta’ protezzjoni li tista’ tkun disponibbli għalik
  • id-drittijiet tiegħek rikonoxxuti bil-liġi jekk inti tirresjedi fi Stat Membru differenti tal-UE minn dak fejn seħħ ir-reat
  • kif tiġi rimborżata kwalunkwe spiża mġarrba bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-proċedimenti kriminali
  • il-possibbiltà li tfittex kumpens għal ħsara jew għal dannu mġarrba bħala riżultat tar-reat
  • il-possibbiltà li tikseb soluzzjoni għall-proċedimenti billi tirtira l-ilment jew permezz ta’ medjazzjoni
  • id-drittijiet li ser ikollok fil-proċedimenti fejn il-konvenut jitlob sospensjoni tal-proċedimenti bi probation jew f’dawk li fihom tapplika eżenzjoni mill-piena minħabba n-natura trivjali tar-reat
  • faċilitajiet tal-kura tas-saħħa fiż-żona lokali, faċilitajiet residenzjali, ċentri ta’ refuġju u ta’ kenn

(Artikolu 90bis c.p.p.)

Jien ma ngħixx fil-pajjiż fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti d-drittijiet tiegħi?

Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx bit-Taljan, int għandek id-dritt li tuża lingwa li taf meta tippreżenta rapport jew tagħmel ilment quddiem l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-qorti distrettwali tal-prim’istanza (tribunale). Bl-istess mod, int għandek id-dritt li, fuq talba, il-konferma tar-riċevuta tar-rapport jew tal-ilment tiegħek tiġi tradotta f’lingwa li taf (Artikolu 107‑ter tal-Linji Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Disposizioni di Attuazione del Codice di Procedura Penale jew disp.att.)).

Jekk għandek residenza jew domiċilju fl-Italja, il-Prosekutur Pubbliku jibgħat ir-rapporti jew l-ilmenti relatati mar-reati mwettqa fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea lill-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell (Corte di appello), biex dan ikun jista’ jgħaddihom lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti (Artikolu 108ter disp.att.).

Jekk jogħġbok ara wkoll:

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Wara l-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni, inti tiġi pprovdut(a) b’informazzjoni, f’lingwa li inti tifhem, relatata ma’:

  • id-dritt tiegħek li tirċievi informazzjoni relatata mal-istatus tal-proċedimenti, u tal-entrati fir-Reġistru Uffiċjali tar-Reati Rrapportati
  • id-dritt tiegħek li tiġi informat(a) dwar talba għall-għeluq tal-proċedimenti
  • kif tikkontesta kwalunkwe ksur ta’ drittijietek
  • l-awtoritajiet li mingħandhom tista’ tikseb informazzjoni dwar il-kawża tiegħek
  • kif tiġi rimborżata kwalunkwe spiża mġarrba bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-proċedimenti kriminali

Fil-proċedimenti għal reati vjolenti kontra l-persuna, jekk int titlob hekk, tiġi informat(a) minnufih, permezz tas-CID, dwar it-tħejjijiet għar-rilaxx jew għat-terminazzjoni ta’ ordni ta’ detenzjoni, u tiġi informat(a) ukoll fil-ħin, bl-istess mod, jekk il-konvenut jaħrab mid-detenzjoni ta’ qabel il-proċess jew mill-ħabs, u jekk hu jonqos b’mod deliberat milli jikkonforma ma’ ordni ta’ detenzjoni, sakemm dan ma jkunx jixħet lit-trasgressur f’riskju propju (Artikolu 90ter c.p.p.).

Għandi dritt għal servizzi ta' interpretazzjoni jew ta' traduzzjoni mingħajr ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

L-awtorità tal-prosekuzzjoni tinnomina traduttur meta dokument ikollu bżonn jiġi tradott f’lingwa barranija jew fi djalett li ma jistax jinftiehem faċilment, jew interpretu meta int tkun trid jew ikollok tagħmel dikjarazzjoni u ma titkellimx bit-Taljan. Id-dikjarazzjoni tista’ ssir bil-miktub u tiddaħħal fir-rapport, bit-traduzzjoni pprovduta minn traduttur.

L-awtorità tinnomina interpretu, minn jeddha fejn xieraq, jekk int ma titkellimx jew ma tifhimx it-Taljan u trid tinstema’ x-xhieda tiegħek, u f’każijiet li fihom int tkun tixtieq tieħu sehem f’seduta u titlob l-assistenza ta’ interpretu.

Fejn possibbli, l-assistenza ta’ interpretu tista’ tinkiseb ukoll bl-użu ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni remota, dment li l-interpretu ma jkunx meħtieġ ikun preżenti fiżikament biex int teżerċita drittijietek kif xieraq jew biex tifhem bis-sħiħ il-proċedimenti.

Jekk int ma titkellimx jew ma tifhimx bit-Taljan, għandek id-dritt għal traduzzjoni b’xejn tad-dokumenti jew ta’ partijiet minnhom li jkun fihom informazzjoni relatata mal-eżerċizzju ta’ drittijietek. It-traduzzjonijiet jistgħu jiġu pprovduti f’forma verbali jew fil-forma ta’ sommarju, jekk l-awtorità tal-prosekuzzjoni ma tqisx li din tkun ta’ ħsara għad-drittijiet tiegħek (Artikolu 143bis c.p.p.).

Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx bit-Taljan, int għandek id-dritt li tuża lingwa li taf meta tippreżenta rapport jew tagħmel ilment quddiem l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-qorti distrettwali tal-prim’istanza. Bl-istess mod, int għandek id-dritt li, fuq talba, il-konferma tar-riċevuta tar-rapport jew tal-ilment tiegħek tiġi tradotta f’lingwa li taf (Artikolu 107ter disp.att).

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

L-awtorità tal-prosekuzzjoni tinnomina traduttur meta dokument ikollu bżonn jiġi tradott f’lingwa barranija jew fi djalett li ma jistax jinftiehem faċilment, jew interpretu meta int tkun trid jew ikollok tagħmel dikjarazzjoni u ma titkellimx bit-Taljan. Jekk int minorenni, tista’ tiġi ordnata perizja mill-imħallef, inkluż fuq mozzjoni tiegħu stess, jekk ma jkunx hemm ċertezza rigward l-età tiegħek (hu mifhum li, f’każ ta’ dubju, int tiġi preżunt(a) minorenni għall-finijiet ta’ applikazzjoni tal-linji gwida proċedurali). L-istess perizja tista’ tintuża biex jiġi ddeterminat jekk għandekx xi diżabilità.

Artikolu 351(1-ter) c.p.p.

Fil-proċedimenti għal reati li jaqgħu taħt l-Artikoli 572, 600, 600-bis, 600-ter, 600-quater, 600-quater.1, 600-quinquies, 601, 602, 609-bis, 609-quater, 609-quinquies, 609-octies, 609-undecies u 612-bis tal-Kodiċi Kriminali Taljan, jekk is-CID jeħtieġ xhieda sommarja mingħand minorenni, dan irid ifittex l-assistenza ta’ psikologu kwalifikat jew ta’ psikjatra tat-tfal kwalifikat, nominat mis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika. L-istess japplika meta tkun meħtieġa xhieda sommarja mingħand adulti fi stat partikolarment vulnerabbli. F’kull każ hu garantit li, fejn tkun meħtieġa xhieda sommarja, individwi partikolarment vulnerabbli ma jkollhomx xi kuntatt mal-persuna li tkun qed tiġi investigata u ma jintalbux jagħtu xhieda sommarja ripetutament, sakemm dawn ma jirriżultawx assolutament neċessarji għall-investigazzjoni.

Artikolu 362(1bis) c.p.p.

Fi proċedimenti għal reati skont l-Artikoli 351 (1ter), is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jrid ifittex l-assistenza ta’ espert fil-psikoloġija jew fil-psikjatrija tat-tfal meta jisma’ x-xhieda tal-minorenni. L-istess japplika meta tkun meħtieġa xhieda sommarja mingħand adulti fi stat partikolarment vulnerabbli. F’kull każ hu garantit li, fejn tkun meħtieġa xhieda sommarja, individwi partikolarment vulnerabbli ma jkollhomx xi kuntatt mal-persuna li tkun qed tiġi investigata u ma jintalbux jagħtu xhieda sommarja ripetutament, sakemm dawn ma jirriżultawx assolutament neċessarji għall-investigazzjoni.

Artikolu 498(4) sa (4 quater) c.p.p.

4. L-eżaminazzjoni tal-minorenni bħala xhieda, inklużi l-mistoqsijiet u l-oġġezzjonijiet tal-partijiet, issir mill-imħallef li jippresjedi. Meta jagħmel l-eżaminazzjoni, l-imħallef li jippresjedi jista’ jfittex l-assistenza ta’ wieħed mill-qraba tal-minorenni jew ta’ psikologu kwalifikat tat-tfal. Wara li jisma’ lill-partijiet, jekk l-imħallef li jippresjedi jqis li l-minorenni ma jġarrabx tbatija matul interrogazzjoni diretta, dan jordna li x-xhieda għandha tipproċedi bil-mod spjegat fit-taqsimiet preċedenti. L-ordni tista’ tiġi revokata matul l-interrogazzjoni.

4bis Jekk parti minnhom titlob hekk, jew jekk l-imħallef li jippresjedi jqis li hemm bżonn li jsir hekk, japplikaw il-proċeduri spjegati fl-Artikolu 398(5a).

4-b Fi proċedimenti għal reati li jaqgħu taħt l-Artikoli 572, 600, 600a, 600b, 600c, 600d, 601, 602, 609-a, 609-b, 609-c, 609-g u 612-a tal-Kodiċi Kriminali Taljan, il-vittmi tar-reat(i) li jkunu minorenni jew adulti b’marda mentali jiġu interrogati, b'talba tagħhom jew b'talba tal-avukat tagħhom, bl-użu ta’ ħġieġa mera u permezz ta’ sistema ta’ intercom.

4quater. Mingħajr ħsara għat-taqsimiet ta’ qabel, jekk il-parti vittma ta’ reat tkun fi stat partikolarment vulnerabbli u jkollha bżonn tiġi interrogata, l-imħallef, jekk il-vittma jew inkella l-avukat tagħha jitlob hekk, jordna t-teħid ta’ miżuri kawtelatorji.

Artikolu 398(5quater) c.p.p.
Mingħajr ħsara għat-taqsima 5ter, jekk il-parti vittma ta’ reat tkun fi stat partikolarment vulnerabbli u jkollha bżonn tiġi interrogata, japplikaw id-dispożizzjonijiet taħt l-Artikolu 498(4-quater).

Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ għall-vittmi?

Jiġi pprovdut appoġġ lill-vittmi ta’ reat mill-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa fir-reġjun, minn faċilitajiet residenzjali, minn ċentri ta’ refuġju, ta’ kenn u minn faċilitajiet oħra ġestiti minn organizzazzjonijiet lokali u reġjonali. Ġeneralment, ħafna mir-reġjuni jkollhom network ta’ assoċjazzjonijiet li jikkonsisti f’organizzazzjonijiet lokali, fl-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku, fil-qrati distrettwali u fis-servizzi tas-saħħa li joffru appoġġ b’xejn lill-vittmi ta’ kwalunkwe tip ta’ reat.

Il-pulizija tirreferini awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Iva. B’mod partikolari jekk int vittma ta’ ċerti tipi ta’ reat (pereżempju traffikar, abbuż fil-familja, attakk sesswali), hemm organizzazzjonijiet ferm stabbiliti li jidħlu f’kuntatt mas-servizzi ta’ infurzar tal-liġi li jipprovdulek l-informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta’ refuġju jew residenzjali disponibbli biex jieħdu ħsiebek.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Jekk int partikolarment vulnerabbli, hu garantit li f’kull każ, fejn tkun meħtieġa xhieda sommarja, int ma jkollok ebda kuntatt mal-persuna li tkun qed tiġi investigata u ma tintalabx tagħti xhieda sommarja ripetutament, sakemm dawn ma jirriżultawx assolutament neċessarji għall-investigazzjoni.

Barra minn hekk, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 196 tat-30 ta’ Ġunju 2003 (Kodiċi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali) fih regoli speċifiċi għall-proċessar ta’ data ġudizzjarja, immirati lejn il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà ta’ din. Minbarra dan, hu meqjus li ladarba int, bħala vittma, tassumi l-istatus ta’ parti vittma ta’ reat fi proċedimenti kriminali, tkun meħtieġ(a) tixhed il-qorti. Il-kodiċi jipprovdi regoli rigward il-modi li bihom dan irid iseħħ, li għandhom l-għan li jipprevjenu milli int ikollok tirrepeti x-xhieda tiegħek diversi drabi (seduta ta’ qabel il-proċess - incidente probatorio) u regoli li jħarsu d-dritt tiegħek bħala vittma biex ma jkollok ebda kuntatt mal-parti investigata/mal-persuna akkużata. Jekk int vittma taħt it-18-il sena, l-istampa tiegħek ma tistax tidher f’gazzetti, u lanqas ismek. Il-punt imsemmi l-aħħar japplika għal vittmi li għalqu t-18-il sena u aktar ukoll. Is-sistema għandha l-għan li tipprevjeni t-tixrid tad-data personali tiegħek u ta’ informazzjoni li tista’ tidentifikak.

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

L-aċċess għal servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi mhuwiex kontinġenti għar-rapportar tar-reat.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli?

F’ċerti ċirkustanzi, previsti mil-liġi (Artikoli 273 u 274 c.p.p.), li tabilħaqq jistgħu jinkludu, inter alia, is-sitwazzjoni perikoluża li fiha int tista’ ssib ruħek bħala parti vittma ta’ reat (periklu li jirriżulta b’mod partikolari mill-possibbiltà li t-trasgressur ikompli jġib ruħu b’mod illegali), l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-awtur jiġi soġġett għal miżuri superviżorji. Pereżempju, dan jista’ jitneħħa minnufih mid-dar tal-familja; jista’ jiġi pprojbit milli jmur f’postijiet li int iżżur ta’ spiss, u jista’ jiġi pprojbit milli jgħix f’ċerti postijiet. Inkella, jista’ jitqiegħed taħt arrest domiċiljari jew f’detenzjoni ta’ qabel il-proċess.

Int għandek id-dritt li tiġi informat(a) dwar it-talbiet ta’ revoka jew ta’ sostituzzjoni tal-miżuri superviżorji imposti fuq it-trasgressur, tippreżenta dikjarazzjonijiet tad-difiża b’oppożizzjoni fi żmien jumejn, jew li tgħid dak li taħseb (Artikolu 299 c.p.p.). Int għandek ukoll id-dritt li tiġi informat(a) dwar l-ordnijiet tal-qorti li jinbidlu, jiġu revokati jew sostitwiti l-miżuri superviżorji fis-seħħ kontra l-persuna suspettata.

Speċjalment meta tkun partikolarment vulnerabbli, minorenni jew vittma ta’ ċerti reati, jistgħu jiġu ordnati prekawzjonijiet proċedurali oħra wkoll, b’mod partikolari:

  • jekk int partikolarment vulnerabbli, hu garantit li f’kull każ, fejn tkun meħtieġa xhieda sommarja, int ma jkollok ebda kuntatt mal-persuna li tkun qed tiġi investigata u ma tintalabx tagħti xhieda sommarja ripetutament, sakemm dawn ma jirriżultawx assolutament neċessarji;
  • jekk int minorenni u s-CID jeħtieġ xhieda sommarja mingħandek, dan irid ifittex l-assistenza ta’ psikologu kwalifikat jew ta’ psikjatra tat-tfal kwalifikat, nominat mis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika (Artikolu 351(1‑ter) c.p.p.);
  • jekk int minorenni u s-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jeħtieġ xhieda mingħandek, dan irid ifittex l-assistenza ta’ psikologu kwalifikat jew ta’ psikjatra tat-tfal kwalifikat. Jekk int partikolarment vulnerabbli, hu garantit li f’kull każ, fejn tkun meħtieġa xhieda sommarja, int ma jkollok ebda kuntatt mal-persuna li tkun qed tiġi investigata u ma tintalabx tagħti xhieda sommarja ripetutament, sakemm dawn ma jirriżultawx assolutament neċessarji għall-investigazzjoni (Artikolu 362(1-bis) c.p.p.);
  • L-eżami ta’ minorenni bħala xhieda jsir mill-imħallef li jippresjedi u dan jista’ jfittex l-assistenza ta’ wieħed mill-qraba tal-minorenni jew ta’ psikologu kwalifikat tat-tfal. (Artikolu 498 c.p.p.);
  • Jekk parti titlob hekk, jew l-imħallef li jippresjedi jqis li hu neċessarju li jsir hekk, meta waħda mill-partijiet li tkun se tixhed tkun minorenni, il-qorti tista’ toħroġ ordni li tistabbilixxi l-post, il-ħin u l-proċeduri partikolari għas-seduta ta’ qabel il-proċess, fejn din tkun neċessarja u xierqa għall-protezzjoni tal-persuni involuti. Is-seduta tista’ ssir xi mkien ieħor li ma jkunx il-qorti tal-prim’istanza, u l-qorti tista’ tagħmel użu minn faċilitajiet speċjalizzati, jew, jekk dawn ma jkunux disponibbli, mid-dar tal-persuna li qed tixhed;
  • id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda jridu jiġu reġistrati fis-sħuħija tagħhom bl-użu ta’ midja fonografika jew awdjoviżiva. Jekk ma jkun hemm ebda tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew persunal tekniku disponibbli, għandhom jiġu pprovduti perizji jew konsulenza teknika;
  • f’każijiet relatati ma’ reati vjolenti, il-vittmi tar-reati li jkunu minorenni jew adulti b’marda mentali jiġu interrogati, fuq talba tagħhom jew fuq talba tal-avukat tagħhom, bl-użu ta’ ħġieġ mera u ta’ sistema ta’ intercom.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

(Ara aktar ’il fuq)

Hemm xi ħadd li jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar ħsara mit-trasgressur?

Jekk ikun hemm xi rekwiżiti ta’ protezzjoni speċjali, il-liġi teħtieġ li l-vittmi ta’ reat issirilhom valutazzjoni individwali biex jiġi ddeterminat jekk kieku jibbenefikawx, u jekk iva, kemm, minn miżuri speċjali matul il-proċedimenti. Tingħata attenzjoni partikolari jekk int minorenni u/jew partikolarment vulnerabbli. Huwa l-imħallef li jiddetermina jekk hux int tirċivix miżuri ta’ protezzjoni adattati matul il-proċedimenti kriminali. Matul l-investigazzjoni, l-interrogazzjonijiet tiegħek iridu jsiru f’postijiet xierqa u jsiru minn professjonisti kwalifikati. Jekk il-vittmi jinkludu minorenni, il-qorti tal-minorenni trid tiġi informata biex tivvaluta s-sitwazzjoni u l-miżuri ta’ protezzjoni. Biex tipproteġik minn reati oħra, il-qorti tal-prim’istanza tista’ timponi restrizzjonijiet fuq il-libertà tat-trasgressur (kustodja l-ħabs, projbizzjoni milli jżur postijiet li int iżżur ta’ spiss, tneħħija mid-dar tal-familja). L-applikazzjoni ta’ miżuri bħal dawn trid tiġi komunikata lilek (Artikolu 282-quater c.p.p.). Int tista’ titlob ukoll li l-imħallef, meta jordna li t-trasgressur jitneħħa mid-dar tal-familja, jew inkella li wara, jordna wkoll li t-trasgressur iħallas manteniment fix-xahar (Artikolu 282bis c.p.p.). Il-kwartieri ġenerali provinċjali rilevanti tal-pulizija (Questura) ikollhom uffiċċju li jeżerċita setgħat simili.

Ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi biex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Il-vittmi ta’ reati vjolenti, jekk ikunu minorenni jew fi stat partikolarment vulnerabbli, għandhom id-dritt li jixhdu filwaqt li jkun hemm miżuri protettivi fis-seħħ. B’mod partikolari, jistgħu jsiru arranġamenti li jipprevjenu milli int tidħol f’kuntatt mat-trasgressur matul l-investigazzjoni jew il-proċess. Barra minn hekk, jekk int partikolarment vulnerabbli, ikun possibbli li jintużaw reġistrazzjonijiet awdjoviżivi tad-dikjarazzjonijiet tiegħek, anki meta dawn ma jkunux assolutament neċessarji.

Linji gwida għal riferiment
(l-Artikolu 413 c.p.p.): Applikazzjoni mill-individwu investigat jew mill-vittma tar-reat

  1. L-individwu investigat jew il-vittma tar-reat jistgħu japplikaw mal-Prosekutur Ġenerali biex joħroġ ordni ta’ riferiment skont l-Artikolu 412(1) (jekk is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika ma jipproċedix bil-prosekuzzjoni jew ma jitlobx l-għeluq sal-iskadenza prevista mil-liġi jew kif estiża mill-imħallef).
  2. Jekk jiġi ordnat riferiment, il-Prosekutur Ġenerali jmexxi investigazzjonijiet preliminari neċessarji u jagħmel kwalunkwe talba fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni tar-rikors, kif previst fl-Artikolu 412(1).

X'tip ta' protezzjoni hu disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Stat ta’ vulnerabbiltà partikolari f’vittma jista’ jiġi inferit, minbarra mill-età u minn kwalunkwe diżabilità fiżika jew insuffiċjenza psikoloġika, mit-tip ta’ reat, u mill-proċeduri u miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Biex tiġi vvalutata l-vulnerabbiltà, jiġi kkunsidrat jekk il-każ jinvolvix reat vjolenti kontra l-persuna jew reat ta’ mibegħda razzjali, jekk hux relatat mal-kriminalità organizzata jew mat-terroriżmu, inkluż f’livell internazzjonali, jew mat-traffikar tal-bnedmin, jekk seħħx bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni, u jekk il-vittma hix emozzjonalment, psikoloġikament jew ekonomikament dipendenti fuq it-trasgressur (Artikolu 90 quater c.p.p.).

Jekk int partikolarment vulnerabbli, ikunu permessi reġistrazzjonijiet awdjoviżivi tad-dikjarazzjonijiet tiegħek fi kwalunkwe każ, anki meta dan ma jkunx assolutament neċessarju.

REKWIŻITI EVIDENZJALI F’KAŻIJIET SPEĊIFIĊI ‑ F’każijiet relatati ma’ reati ta’ abbuż kontra membri tal-familja u konjuġi, soġġettar jew żamma fi skjavitù, prostituzzjoni ta’ tfal, pornografija ta’ tfal, pornografija virtwali, inizjattivi tat-turiżmu mmirati lejn l-isfruttament ta’ prostituzzjoni tat-tfal, traffikar tal-bnedmin, xiri u bejgħ ta’ skjavi, attakk sesswali, reati aggravati, atti sesswali ma’ minorenni, attakk sesswali fi grupp, solleċitament ta’ minorenni u stalking, jekk int fi stat partikolarment vulnerabbli u hemm talba biex int tixhed, jekk int diġà għamilt dikjarazzjonijiet matul is-seduta ta’ qabel il-proċess jew f’seduta ta’ kontroeżami mal-persuna li kontrieha jkunu se jintużaw dawn id-dikjarazzjonijiet, jew jekk ikun hemm rekords bil-miktub tad-dikjarazzjonijiet tiegħek, int tkun meħtieġ(a) tixhed biss jekk din ix-xhieda tkun relatata ma’ fatti u ma’ ċirkustanzi differenti minn dawk diskussi fid-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħek, jew jekk l-imħallef jew waħda mill-partijiet iqisu li hemm bżonn li dan isir fuq il-bażi ta’ rekwiżiti speċifiċi.

XHIEDA SOMMARJA - jekk is-CID jeħtieġ xhieda sommarja mingħand il-vittmi fi stat ta’ vulnerabbiltà partikolari, anki jekk ikollhom aktar minn 18-il sena, dan irid ifittex l-assistenza ta’ psikologu kwalifikat jew ta’ psikjatra tat-tfal kwalifikat, nominat mis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika. F’kull każ hu ggarantit li, fejn tkun meħtieġa xhieda sommarja, individwi partikolarment vulnerabbli ma jkollhomx xi kuntatt mal-persuna li tkun qed tiġi investigata u ma jintalbux jagħtu xhieda sommarja ripetutament, sakemm dawn ma jirriżultawx assolutament neċessarji għall-investigazzjoni (Artikolu 351(1-ter)).

KUMPILAZZJONI - jekk is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jeħtieġ xhieda sommarja mingħand il-vittmi fi stat ta’ vulnerabbiltà partikolari, anki jekk ikollhom aktar minn 18-il sena, dan irid ifittex l-assistenza ta’ psikologu kwalifikat jew ta’ psikjatra tat-tfal kwalifikat. F’kull każ hu garantit li, fejn tkun meħtieġa xhieda sommarja, individwi partikolarment vulnerabbli ma jkollhomx xi kuntatt mal-persuna li tkun qed tiġi investigata u ma jintalbux jagħtu xhieda sommarja ripetutament, sakemm dawn ma jirriżultawx assolutament neċessarji għall-investigazzjoni (Artikolu 362(1-bis)).

EŻAMI TAX-XHIEDA: L-eżami tax-xhieda tiegħek, inklużi l-mistoqsijiet u l-kontrorepliki tal-partijiet, jitmexxa mill-imħallef li jippresjedi. Meta jagħmel l-eżami tax-xhieda, l-imħallef li jippresjedi jista’ jfittex l-assistenza ta’ wieħed mill-qraba tiegħek jew ta’ psikologu kwalifikat tat-tfal. Wara li jisma’ lill-partijiet, jekk l-imħallef li jippresjedi jqis li int ma tkunx se ġġarrab tbatija matul interrogazzjoni diretta, dan jordna li x-xhieda għandha tipproċedi bil-mod spjegat fit-taqsimiet preċedenti. L-ordni tista’ tiġi revokata matul l-interrogazzjoni (Artikolu 498 c.p.p.).

Jekk parti minnhom titlob hekk, jew jekk l-imħallef li jippresjedi jqis li hemm bżonn li jsir hekk, ikunu japplikaw il-proċeduri spjegati fl-Artikolu 398(5-bis) (seduta għas-smigħ tax-xhieda qabel il-proċess, ara hawn taħt).

SEDUTA GĦAS-SMIGĦ TAX-XHIEDA QABEL IL-PROĊESS - (Artikolu 398(5-bis)) Jekk parti titlob hekk, jew jekk l-imħallef li jippresjedi jqis li hemm bżonn li jsir hekk, għandhom japplikaw il-proċeduri li ġejjin: fil-każ ta’ investigazzjonijiet relatati ma’ reati ta’ abbuż kontra membri tal-familja jew konjuġi, soġġettar jew żamma fi skjavitù, prostituzzjoni ta’ tfal, pornografija ta’ tfal, pornografija virtwali, inizjattivi tat-turiżmu mmirati lejn l-isfruttament ta’ prostituzzjoni tat-tfal, traffikar tal-bnedmin, xiri u bejgħ ta’ skjavi, attakk sesswali, reati aggravati, atti sesswali ma’ minorenni, attakk sesswali fi grupp, solleċitament ta’ minorenni jew stalking, jekk hemm adulti fi stat partikolarment vulnerabbli fost dawk li jridu jixhdu, il-qorti tista’ toħroġ ordni li tistabbilixxi l-post, il-ħin u l-proċeduri partikolari għas-smigħ tax-xhieda, fejn din tkun neċessarja u xierqa għall-protezzjoni tal-persuni involuti. Is-seduta tista’ ssir xi mkien ieħor li ma jkunx il-qorti tal-prim’istanza, u l-qorti tista’ tagħmel użu minn faċilitajiet speċjalizzati, jew, jekk dawn ma jkunux disponibbli, mid-dar tal-persuna li qed tixhed. Id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda jridu jiġu reġistrati fis-sħuħija tagħhom bl-użu ta’ midja fonografika jew awdjoviżiva. Jekk ma jkun hemm ebda tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew persunal tekniku disponibbli, għandhom jiġu pprovduti perizji jew konsulenza teknika. Jitħejja wkoll rapport miktub tal-eżami, fil-forma ta’ sommarju. Traskritt tar-reġistrazzjoni jkun disponibbli biss fuq talba tal-partijiet.

Jekk int fi stat partikolarment vulnerabbli u jkun hemm bżonn li ssirlek interrogazzjoni, l-imħallef, jekk int jew l-avukat tiegħek titolbu dan, jordna t-teħid ta’ miżuri protettivi (Artikolu 498(4-quater) c.p.p.).

Fil-proċedimenti relatati mar-reati msemmija aktar ’il fuq, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, inkluż fuq talba tiegħek jew fuq it-talba tal-persuna investigata, jista’ jitlob li int tixhed fis-seduta ta’ qabel il-proċess, anki f’każijiet fejn dan ma jkunx indikat bħala rekwiżit. Jekk int tinsab fi stat partikolarment vulnerabbli, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, inkluż fuq talba tiegħek jew fuq it-talba tal-persuna investigata, jista’ jitlob li int tixhed fis-seduta ta’ qabel il-proċess (Artikolu 392 c.p.p.).

Il-kumpilazzjoni li teħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ vittmi fi stat partikolarment vulnerabbli tista’ ssir permezz tal-proċedura fdata ta’ seduta qabel il-proċess, strument li għandu l-għan li, inter alia, jipprevjeni milli ġġarrab ħsara ulterjuri (vittimizzazzjoni sekondarja) minħabba l-involviment kostanti tiegħek fil-proċess legali.

GĦAJNUNA LEGALI ‑ Jekk int vittma ta’ reati relatati ma’ abbuż ta’ membri tal-familja u ta’ konjuġi, ma’ mutilazzjoni tal-ġenitali tan-nisa, ma’ attakk sesswali, ma’ atti sesswali ma’ minorenni, ma’ attakk sesswali fi grupp u ma’ stalking, int dejjem tkun intitolat(a) għal għajnuna legali b’xejn, anki meta l-introjtu tiegħek ikun ogħla mil-limitu stabbilit bil-liġi għall-intitolament għal din. Jekk int minorenni, l-istess japplika jekk tkun vittma ta’ reati relatati ma’ soġġettar jew ma’ żamma f’servitudni jew fi skjavitù, ma’ prostituzzjoni tat-tfal, ma’ pornografija tat-tfal, ma’ inizjattivi tat-turiżmu mmirati lejn l-isfruttament ta’ prostituzzjoni tat-tfal, mat-traffikar tal-bnedmin, max-xiri u l-bejgħ ta’ skjavi u mal-korrompiment ta’ minorenni.

Jien minorenni. Għandi drittijiet speċjali?

(Ara aktar ’il fuq)

Il-membru tal-familja tiegħi miet kaġun tar-reat - x’inhuma drittijieti?

Jekk il-vittma tar-reat tisfa deċeduta, l-aktar qraba li jiġu minn viċin il-vittma jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilha bil-liġi.

(Artikolu 90(3) c.p.p.).

Il-membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat - x’inhuma drittijieti?

(Ara aktar ’il fuq)

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Ser inkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

Il-Medjazzjoni Kriminali għandha l-bażi tagħha fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000, li jippermetti li vittma tiftaħ kawża direttament kontra t-trasgressur biex titlob kumpens għall-interessi tagħha li ġew preġudikati. Din is-setgħa hi eżegwibbli biss b’rabta ma’ reati li kontriehom tista’ tippreżenta kwerela (reati anqas serji).

Biex tinfetaħ u ssir medjazzjoni kriminali, ikun meħtieġ il-kunsens tal-partijiet biex jintlaħaq qbil sodisfaċenti. Matul il-proċedimenti, il-Kummissarju tal-Paċi (“giudice di pace”, bit-Taljan) jrid jippromwovi l-konċiljazzjoni bejn il-partijiet sa fejn possibbli. Reati taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Kummissarju tal-Paċi li, min-natura tiegħu stess, huwa adattat għall-medjazzjoni, jinkludu: malafama, libell, attakk komuni, swat, korrimenti personali minuri, vandaliżmu.

Barra minn hekk, il-partijiet għall-proċedimenti kriminali jew l-avukati tagħhom jistgħu japplikaw b’mod dirett mal-Uffiċċju tal-Medjazzjoni fid-dawl tad-definizzjoni alternattiva tal-proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Kummissarju tal-Paċi kif previst fl-Artikolu 35 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000, jew fid-dawl ta’ sentenza li r-reat spiċċa bis-saħħa tal-miżuri kompensatorji meħuda mit-trasgressur.

Għal reati li fir-rigward tagħhom tista’ tippreżenta kwerela, int għandek permess li tapplika għal ċitazzjoni li tesiġi li l-individwu suspettat li wettaq ir-reat jidher quddiem Kummissarju tal-Paċi. L-applikazzjoni trid tiġi ffirmata minnek bħala l-parti vittma ta’ reat, jew mir-rappreżentant legali tiegħek, u mill-avukat tiegħek. Il-firma tiegħek tiġi attestata mill-avukat tiegħek. Jekk int minorenni taħt l-età ta’ 14-il sena, għandek marda mentali jew inkapaċità, l-applikazzjoni trid tiġi ffirmata mill-ġenitur, mit-tutur sħiħ, mit-tutur limitat jew mit-tutur speċjali tiegħek. Il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għandha l-istess effetti bħall-preżentazzjoni ta’ kwerela (Artikolu 21).

Preżentazzjoni tal-applikazzjoni: l-applikazzjoni trid tintbagħat minn qabel lis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika billi titwassal lis-segretarjat tiegħu, u mbagħad tiġi ppreżentata, mill-applikant, bl-evidenza tal-imsemmi twassil, quddiem l-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti għall-Kummissarju tal-Paċi lokali, fi żmien tliet xhur mir-rapportar tar-reat. Jekk diġà ppreżentajt kwerela fir-rigward tal-istess inċident, trid issemmi dan fl-applikazzjoni, tehmeż kopja tal-kwerela u tippreżenta kopja oħra lis-segretarjat tas-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika. F’dan il-każ, il-Kummissarju tal-Paċi jordna l-akkwiżizzjoni tal-kwerela oriġinali (Artikolu 22).

Sħubija fi proċedimenti bħala parti ċivili Jekk int tixtieq li tissieħeb fil-proċedimenti bħala parti ċivili, trid tagħmel dan, b’penali ta’ telfa, meta jiġi ppreżentat ir-rikors. It-talba motivata għal kumpens jew għad-danni fir-rikors essenzjalment hi ekwivalenti għas-sħubija fil-proċedimenti bħala parti ċivili (l-Artikolu 23).

Ir-rikors ikun inammissibbli:

  1. jekk jiġi ppreżentat tard;
  2. jekk jiġi ppreżentat f’każijiet oħra għajr dawk previsti;
  3. jekk ma jkunx fih l-informazzjoni meħtieġa jew ma jkunx iffirmat;
  4. jekk id-deskrizzjoni tal-inċident jew l-identifikazzjoni tas-sorsi tal-evidenza ma tkunx suffiċjenti;
  5. jekk ma jkun hemm ebda evidenza li s-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika ġie informat.

Talbiet mis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika (Artikolu 25): Fi żmien għaxart ijiem mill-preżentazzjoni tar-rikors, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jippreżenta t-talbiet tiegħu lill-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti għall-Kummissarju tal-Paċi. Jekk iqis li l-applikazzjoni hi inammissibbli, jew li jidher ċar li hi infondata, jew li hi ppreżentata quddiem Kummissarju tal-Paċi mingħajr ebda ġurisdizzjoni fir-reġjun, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika ma jaċċettax iċ-ċitazzjoni, jew jiddikjara l-att ta’ imputazzjoni li jikkonferma jew ibiddel l-akkuża li tinsab fl-appell.

Ladarba tgħaddi d-data ta’ skadenza, il-Kummissarju tal-Paċi jipproċedi anki jekk is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika ma jkunx ippreżenta talbiet. Jekk ma jqisx li l-applikazzjoni hi inammissibbli, jew infondata biċ-ċar, u fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu, il-Kummissarju tal-Paċi joħroġ digriet li jħarrek lill-partijiet għal seduta fi żmien 20 jum mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

Applikazzjoni ppreżentata minn waħda minn diversi partijiet vittmi ta’ reat ma żżommx lill-oħrajn milli jieħdu sehem fil-proċedimenti, bl-assistenza ta’ avukat u bl-istess drittijiet bħall-applikant ewlieni. Il-partijiet vittmi ta’ reat li jkunu involuti jistgħu jissieħbu fil-kawża ċivili qabel id-dikjarazzjoni tal-ftuħ tas-seduta. Jekk għas-seduta ma jattendux il-partijiet vittmi ta’ reat li jkunu ġew imħarrka kif xieraq, dan hu ekwivalenti għal rinunzja tad-dritt biex jiġi ppreżentat ilment, jew għal irtirar tal-ilment, jekk diġà jkun ġie ppreżentat.

Seduta quddiem il-qorti: Tal-anqas sebat ijiem qabel id-data skedata għas-seduta quddiem il-qorti, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jew int bħala l-parti vittma tar-reat tippreżentaw iċ-ċitazzjoni mal-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti għall-Kummissarju tal-Paċi bin-notifiki rilevanti.

L-imħallef, meta r-reat ikun wieħed li kontra tiegħu tista’ tiġi ppreżentata kwerela, jippromwovi konċiljazzjoni bejn il-partijiet. F’dan il-każ, fejn ikun ta’ benefiċċju għall-finijiet ta’ konċiljazzjoni, l-imħallef jista’ jiddeferixxi s-seduta għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahrejn u, fejn ikun hemm bżonn, jista’ juża wkoll miżuri ta’ medjazzjoni pprovduti miċ-ċentri u mill-faċilitajiet pubbliċi jew privati fir-reġjun. Fi kwalunkwe każ, dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet matul il-konċiljazzjoni ma jistgħu jintużaw bl-ebda mod għall-finijiet ta’ deliberazzjoni (Artikolu 29).

Jekk tintlaħaq soluzzjoni, għandu jitfassal rapport li jikkonferma l-irtirar tal-kwerela jew ir-rinunzja tal-applikazzjoni u l-aċċettazzjoni relatata. Ir-rinunzja tal-applikazzjoni għandha l-istess effetti bħall-irtirar tal-kwerela.

Il-medjazzjoni tista’ twasslek biex tirtira l-kwerela, li mbagħad iwassal għal dikjarazzjoni li l-kawża twaqqgħet minħabba nuqqas ta’ kawża għal azzjoni. Barra minn hekk, eżitu pożittiv tal-medjazzjoni, peress li din tista’ twassal għal kumpens għall-ħsara kkawżata mir-reat, jista’ jirriżulta f’deċiżjoni li r-reat spiċċa bħala konsegwenza tal-kumpens mogħti mit-trasgressur qabel is-seduta quddiem il-qorti jew minħabba n-natura minuri tar-reat.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tgħid x’inhuma drittijieti?

Ir-regoli għall-protezzjoni tal-vittmi jinsabu fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 212 tal-15 ta’ Diċembru 2015, li jimplimenta d-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ reat, fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 204 tad-9 ta’ Novembru 2007, fid-Digriet Nru 222 tat-23 ta’ Diċembru 2008 (li jimplimenta d-Digriet Leġiżlattiv Nru 204/2007), fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 122 tas-7 ta’ Lulju 2016 fid-dritt Ewropew 2015-2016 (kumpens għall-vittmi ta’ reat kriminali) u f’sensiela ta’ miżuri regolatorji oħra relatati mal-vittmi ta’ tipi partikolari ta’ reati.

L-aħħar aġġornament: 13/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.