Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Hi biss vittma li tissieħeb fil-proċedimenti bħala parti ċivili li jkollha dritt awtonomu li tappella, u fi kwalunkwe każ dan ikun limitat għall-protezzjoni tal-interessi ċivili tiegħek stess.

Skont il-Liġi Taljana Nru 46/2006, parti ċivili ma jibqax ikollha dritt ġenerali li tappella; int tista’ tappella biss quddiem il-Qorti ta’ Kassazzjoni (Corte di Cassazione).

Int tista’ tippreżenta appell fil-każijiet li ġejjin:

  • kontra aspetti tal-kundanna relatati mal-kawża ċivili;
  • kontra sentenza ta’ ħelsien rigward aspetti ċivili tal-kawża biss;
  • kontra aspetti tas-sentenza li jikkonċernaw id-dritt tiegħek għad-danni u għall-ispejjeż.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tinqata' s-sentenza?

F’termini ta’ rieżami, jekk int, bħala vittma, isseħibt bħala parti ċivili, il-proċess li jiġi konkluż fis-sentenza li tixtieq titlob rieżami tagħha, int intitolat(a), ladarba jibda l-istadju tas-smigħ, li tintervjeni rigward l-ammissibbiltà tat-talba nfisha. Dan japplika anki f’każijiet li fihom int tkun ftaħt appell straordinarju kontra sentenza fuq talba tal-partijiet, filwaqt li jiġi rikonoxxut f’sentenza speċjali li hu possibbli li titlob u tikseb sentenza li t-trasgressur jrodd lura l-ispejjeż legali.

Jien intitolat(a) għal appoġġ jew għal protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 9 tal-11 ta’ Frar 2015 jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Nru 2011/99/UE, li hi bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u tirregola l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni biex jiġi garantit li l-miżuri adottati għall-protezzjoni ta’ persuna kontra att kriminali, li jista’ jagħmel ħsara lil dik il-persuna jew jipperikolalha ħajjitha, is-saħħa fiżika jew mentali tagħha, id-dinjità tagħha, il-libertà personali jew l-integrità sesswali tagħha, jinżammu anki f’każ li l-persuna tmur tgħix fi Stat Membru ieħor. Id-Direttiva tispeċifika li ordni Ewropea ta' protezzjoni tista’ tinħareġ biss meta qabel tkun ġiet adottata miżura ta’ protezzjoni fl-Istat mittenti, li timponi fuq il-persuna li tikkawża ħsara waħda jew aktar minn fost dawn il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li ġejjin: projbizzjoni milli tidħol f’ċerti lokalitajiet, postijiet jew żoni definiti fejn tirresjedi jew iżżur il-persuna protetta; projbizzjoni jew regolamentazzjoni tal-kuntatt mal-persuna protetta; projbizzjoni jew regolamentazzjoni tal-avviċinament tal-persuna protetta f’distanza iqsar minn dik stipulata. Malli tirċievi ordni Ewropea ta’ protezzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, mingħajr dewmien żejjed, irid jirrikonoxxi dik l-ordni u jadotta kwalunkwe miżura li tkun disponibbli skont id-dritt nazzjonali tiegħu f’każ simili biex jiżgura l-protezzjoni tal-persuna protetta.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jinstab ħati?

Ladarba jiġu konklużi d-deliberazzjonijiet, l-imħallef li jippresjedi jabbozza u jiffirma l-parti operattiva tas-sentenza u jitfassal sommarju konċiż tar-raġunijiet fil-fatt u fil-liġi li fuqhom hi bbażata s-sentenza. Is-sentenza ssir pubblika matul is-seduta b'qari tal-parti operattiva tagħha. Il-qari tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u tal-parti operattiva tas-sentenza hu ekwivalenti għal notifika tas-sentenza għall-partijiet preżenti matul is-seduta jew li għandhom ikunu hemm. L-imħallef jiddikjara kundanna jekk l-akkużat jinstab ħati tar-reat mingħajr ebda dubju raġonevoli. Bis-sentenza, l-imħallef jispjega s-sentenza imposta u kwalunkwe miżura ta’ prevenzjoni (misure di sicurezza). Jekk it-trasgressur ikkundannat ikun insolventi, l-imħallef jordna lir-rappreżentant ċivili tiegħu jħallas il-penali finanzjarja. Barra minn hekk, l-imħallef jordna lit-trasgressur ikkundannat biex iħallas l-ispejjeż tal-proċess. Il-pubblikazzjoni tal-kundanna fil-gazzetti tiġi ordnata mill-imħallef fuq talba tal-parti ċivili u sseħħ bl-ispejjeż tat-trasgressur ikkundannat, u jekk ikun hemm bżonn tar-rappreżentant ċivili tiegħu wkoll.

Is-sentenza jkun fiha:

  1. l-intestatura “in nome del popolo italiano” [“f’isem il-poplu Taljan”] u indikazzjoni tal-awtorità li toħroġha;
  2. id-dettalji personali tat-trasgressur u informazzjoni personali oħra li sservi biex jiġi identifikat u dettalji ġenerali tal-partijiet privati l-oħra għall-kawża;
  3. l-akkuża;
  4. indikazzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet;
  5. spjegazzjoni konċiża tar-raġunijiet fil-fatt u fil-liġi li fuqhom hi bbażata d-deċiżjoni, b’indikazzjoni tal-evidenza li tifforma l-bażi tad-deċiżjoni u spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex l-imħallef iqis li l-evidenza kuntrarja mhix affidabbli;
  6. il-parti operattiva, b’indikazzjoni tal-artikoli tal-istatuti applikati;
  7. id-data u l-firma tal-imħallef.

Is-sentenza tiġi ppreżentata fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti wara l-pubblikazzjoni. Jekk din ma tiġix ippubblikata fi żmien tletin jum, jew, soġġetta għal skadenza oħra, li ma taqbiżx id-90 jum mill-ħruġ tagħha, notifika li nqatgħet is-sentenza tiġi komunikata lis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika u lill-partijiet privati li jkollhom dritt li jappellaw, kif ukoll lill-avukat tad-difiża tat-trasgressur meta tinqata’ s-sentenza.

Niġi informat(a) jekk it-trasgressur jinħeles (inkluż ħelsien kmieni jew kundizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

L-Artikolu 90-ter tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Codice di procedura penale) jistabbilixxi li, għal reati vjolenti kontra l-persuna, int trid tiġi informat(a) minnufih, jekk tkun tlabt hekk, dwar it-tħejjijiet għar-rilaxx jew għat-terminazzjoni ta’ ordni ta’ detenzjoni, u jekk l-imputat jaħrab mid-detenzjoni ta’ qabel il-proċess jew mill-ħabs, u jekk it-trasgressur sentenzjat jonqos milli jikkonforma b’mod deliberat.

Inkun involut(a) f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew nippreżenta appell?

Mhix prattika ġenerali li l-vittma tiġi kkonsultata qabel jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet.

L-aħħar aġġornament: 13/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.