Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Kif nirrapporta reat?

  • Rapport jiġi ppreżentat meta individwu li jkollu għarfien dwar reat azzjonabbli pubblikament jinforma lis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jew lil uffiċjal tas-CID dwaru. Ir-rapportar ta’ reat mhuwiex obbligatorju, iżda jsir hekk f’diversi każijiet previsti b’mod espliċitu mil-liġi. Ir-rapport fih id-dettalji essenzjali dwar l-inċident, u jindika d-data li fiha int issir taf bir-reat u s-sorsi tal-evidenza diġà mniżżla. Barra minn hekk, fejn possibbli, ikun fih id-dettalji personali, ir-residenza u kwalunkwe ħaġa oħra li tista’ tgħin biex tiġi identifikata l-persuna suspettata li wettqet ir-reat, kif ukoll id-dettalji personali bħala l-parti vittma tar-reat u d-dettalji ta’ kwalunkwe persuna oħra li tista’ tipprovdi informazzjoni rilevanti biex tgħin fl-istabbiliment ta’ dak li seħħ. Jekk ma jingħatawx dettalji utli li jistgħu jgħinu fl-identifikazzjoni tal-persuna suspettata bir-reat, dan ma jżommx milli jinfetħu proċedimenti kriminali, peress li int tista’ tirrapporta kontra persuni mhux magħrufa, liema rapport irid jiġi ppreżentat lill-uffiċċju rilevanti tal-prosekutur mill-awtoritajiet tal-pulizija, flimkien ma’ dettalji dwar kwalunkwe miżura investigattiva mwettqa biex jiġu identifikati l-awturi tar-reat.
  • Kwerela hija dikjarazzjoni li biha individwu li kien vittma ta’ reat (jew ir-rappreżentant legali tiegħu) jesprimi xewqa li t-trasgressur jiġi mixli. Għandha x’taqsam ma’ reati mhux azzjonabbli pubblikament. Id-dikjarazzjoni trid tiddeskrivi r-reat imwettaq u trid tesprimi x-xewqa ċara tal-kwerelant li jipproċedi bl-allegazzjoni u li tingħata piena lill-parti ħatja. Int tista’ tirtira kwerela li tkun ippreżentajt fl-imgħoddi, ħlief f’każijiet ta’ attakk sesswali jew ta’ atti sesswali ma’ minorenni. Biex il-kwerela titwaqqa’, l-irtirar irid jiġi aċċettat mis-suġġett tal-kwerela li, jekk ikun innoċenti, minflok jista’ jkun jixtieq juri permezz ta’ proċess li hu ma kellu xejn x’jaqsam mar-reat.
  • Tiġi ppreżentata petizzjoni biex jintalab l-intervent tal-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn individwi privati, u din tiġi ppreżentatata minn waħda mill-partijiet involuti jew mit-tnejn li huma. Wara talba għal intervent uffiċjali, l-uffiċjal tal-infurzar tal-liġi jistieden lill-partijiet biex jattendu laqgħa bl-għan li jsir tentattiv favur konċiljazzjoni u jitfassal rapport. Jekk jiġi stabbilit li twettaq reat, l-uffiċjal tal-infurzar tal-liġi jrid jinforma lill-awtoritajiet ġudizzjarji, jekk dan ikun reat azzjonabbli pubblikament; jekk ikun reat azzjonabbli permezz ta’ kwerela, dan jista’, fuq talba, ifittex soluzzjoni preliminari għat-tilwima, li ma tippreġudikax id-dritt sussegwenti tiegħek li tippreżenta kwerela.

Rapporti, kwereli u petizzjonijiet iridu jiġu ppreżentati fl-uffiċċji ta’ fergħa tal-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi (kwartieri ġenerali provinċjali tal-pulizija, għasses tal-pulizija lokali u uffiċċji tal-pulizija militari (Carabinieri)). Rapport jew petizzjoni jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-prosekutur pubbliku wkoll.

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

Wara li tkun ippreżentajt rapport, int tiġi pprovdut(a) b’informazzjoni dwar: l-awtoritajiet li tista’ tikkuntattja jekk tixtieq tikseb informazzjoni dwar il-kawża, ir-rwol li int ser taqdi fl-investigazzjoni u fil-proċess, id-dritt tiegħek li tiġi mgħarraf/mgħarrfa bid-data u bil-post tal-proċess u dwar l-akkuża, u, jekk tingħaqad fi proċedimenti magħquda bħala parti ċivili, id-dritt tiegħek li tirċievi notifika tas-sentenza, inkluż bħala sommarju. Barra minn hekk, int tista’ tirċievi aġġornamenti dwar l-istatus tal-proċedimenti u tal-entrati fir-Reġistru Uffiċjali tar-Reati Rapportati; tiġi avżat(a) dwar kwalunkwe talba biex tingħalaq il-kawża, kif tikkontesta kwalunkwe ksur ta’ drittijietek; u tista’ taqbel dwar soluzzjoni għall-każ billi tirtira l-ilment, fejn possibbli, jew permezz ta’ medjazzjoni (Artikolu 90bis tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Codice di procedura penale jew c.p.p.)).

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess kriminali)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Wara l-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni, int tiġi pprovdut(a), f’lingwa li tifhem, bl-informazzjoni relatata mal-intitolament tiegħek għal pariri legali u għal għajnuna legali, imħallsa mill-Istat Taljan (Artikolu 90-bis). Int tista’ tippreżenta applikazzjoni għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat skont ir-regolamenti stabbiliti bil-liġi dwar l-għajnuna għal dawk anqas privileġġjati (Artikolu 98 c.p.p.). Int tista’ taċċessa wkoll għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat jekk l-introjtu tiegħek ma jaqbiżx il-limitu previst mil-liġi. Biex tkun eliġibbli għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat, trid tippreżenta l-applikazzjoni rilevanti quddiem il-qorti tal-prim’istanza, fil-perjodu li jiġi eżatt wara dak tal-preżentata tar-rapport. Malli jitlesta l-ewwel stadju tal-proċedimenti li l-avukat tad-difiża għandu d-dritt li jattendi għalih, u, fi kwalunkwe każ, qabel l-istedina għall-interrogazzjoni, jew, mhux aktar tard minn meta ssir in-notifika li ġew konklużi l-investigazzjonijiet preliminari, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jrid jinnotifika lill-individwu investigat bil-miktub li nħatarlu avukat tad-difiża mill-qorti, għaliex inkella kwalunkwe att sussegwenti jkun null u bla effett (Artikolu 369bis c.p.p.).

Din in-notifika jrid ikun fiha:

a) l-informazzjoni li hu obbligatorju li wieħed ikollu avukat professjonist għad-difiża fi proċedimenti kriminali, b’informazzjoni dwar id-drittijiet mogħtija bil-liġi lil individwu investigat;

b) l-isem tal-avukat tad-difiża maħtur mill-qorti, l-indirizz u n-numru tat-telefown tiegħu;

c) informazzjoni dwar id-dritt tal-akkużat li jinnomina l-avukat tad-difiża tiegħu stess, bil-parir li, jekk ma jagħmilx dan, dan ikun rappreżentat matul l-investigazzjoni mill-avukat imqabbad mill-qorti;

d) l-indikazzjoni li hu ser ikollu jħallas lill-avukat tad-difiża tiegħu mqabbad mill-qorti, jekk hu ma jissodisfax ir-rekwiżiti biex jikseb għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat, u t-twissija li jekk hu jiġi ddikjarat insolventi, jinfetħu proċedimenti ta’ infurzar;

d-bis) informazzjoni relatata mad-dritt għal interpretu u għat-traduzzjoni ta’ dokumenti importanti;

e) informazzjoni relatata mar-rekwiżiti għall-eliġibbiltà għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat.

L-għajnuna legali mingħajr ħlas hi istituzzjoni bbażata fuq id-dritt għad-difiża mnaqqax fl-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Taljana, li fuq il-bażi tiegħu kulħadd ikollu d-dritt għal assistenza fi kwalunkwe stadju u fi kwalunkwe livell tas-sistema ġudizzjarja, u jippermetti biex il-persuni f’diffikultajiet finanzjarji mhux talli jiksbu, bl-ispejjeż tal-Istat, l-assistenza ta’ avukat u ta’ speċjalisti, inkluż ta’ konsulenti tekniċi, iżda lanqas ma jkollhom iħallsu l-ispejjeż tal-qorti. L-għajnuna legali mingħajr ħlas hi disponibbli għal kawżi kriminali u għal kawżi ċivili marbuta ma’ kawżi kriminali, għal azzjonijiet supplimentari bħall-proċedimenti ta’ infurzar kriminali, tas-sigurtà, ta’ prevenzjoni u ta’ sorveljanza, u finalment għal kawżi ċivili li joriġinaw minn proċedimenti kriminali.

L-eliġibbiltà biex tiġi aċċessata l-għajnuna legali mingħajr ħlas mhix disponibbli għaċ-ċittadini Taljani biss, iżda anki għal ċittadini barranin, anki jekk dawn ikunu soġġetti għal proċedimenti amministrattivi ta’ tkeċċija, ma jkunux residenti fl-Italja jew ikunu apolidi li jgħixu fl-Italja.

Il-partijiet kollha għall-proċedimenti jistgħu japplikaw għal għajnuna legali b'xejn, iżda jekk int vittma ta’ ċerti reati sesswali, ma jkunux japplikaw il-limiti tal-introjtu stipulati mil-liġi.

L-Istat jipproteġi wkoll lil minorenni, li jistgħu jiksbu għajnuna legali mingħajr ħlas, u hekk ukoll il-persuni li jkunu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet preliminari jekk jiġu arrestati, detenuti jew soġġetti għal miżuri ta’ detenzjoni qabel il-proċess.

Biex tkun eliġibbli għall-għajnuna legali mingħajr ħlas, l-introjtu tiegħek ma jistax ikun aktar mill-massimu stipulat bil-liġi, ekwivalenti għal EUR 11 369.24, b’kunsiderazzjoni ta’ żieda ta’ EUR 1 032.90 għal kull persuna oħra li tgħix miegħek.

Nista’ nitlob l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

L-għajnuna legali mingħajr ħlas, istituzzjoni bbażata fuq id-dritt għad-difiża mnaqqax fl-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Taljana, tippermetti lil kull min jissodisfa r-rekwiżiti (b’rabta maċ-ċirkustanzi ta’ diffikultà finanzjarja) għal assistenza fi kwalunkwe stadju u fi kwalunkwe livell tas-sistema ġudizzjarja, mingħand avukat u speċjalisti, inklużi konsulenti tekniċi, bl-ispejjeż tal-Istat; din tippermetti wkoll għal eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti.

Nista’ nappella jekk il-kawża tiegħi tingħalaq qabel nitla' l-qorti?

Jekk int tippreżenta kontestazzjoni għal talba ta’ għeluq tal-kawża, int tkun qed titlob biex ikomplu l-investigazzjonijiet preliminari. Int trid tiddeċiedi s-suġġett tal-investigazzjoni ulterjuri u tal-elementi korrispondenti tax-xhieda, għaliex inkella l-oppożizzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli. Jekk l-oppożizzjoni tiegħek tkun inammissibbli u l-avviż tar-reat ikun infondat, l-imħallef jordna l-għeluq tal-kawża permezz ta’ digriet motivat, u jirritorna d-dokumenti lis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika. Jekk it-talba ma tiġix aċċettata, l-imħallef jiffissa data għas-smigħ fl-awli għalik u għall-persuna investigata, filwaqt li jinforma lis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika dwar dan. L-imħallef jinforma wkoll lill-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell (Corte di Appello) li ġiet skedata s-seduta. Wara s-seduta, l-imħallef, jekk iqis li hemm bżonn li jsiru investigazzjonijiet ulterjuri, jindika dan permezz ta’ ordni lis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, filwaqt li jiffissa skadenza mhux negozjabbli li sa din iridu jitlestew dawn l-investigazzjonijiet. Jekk l-imħallef ma jaċċettax it-talba biex tingħalaq il-kawża, hu jordna lis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika biex jifformula akkuża fi żmien għaxart ijiem. Fi żmien jumejn mill-ħruġ tal-akkuża, l-imħallef joħroġ digriet biex jiskeda s-seduta preliminari.

Jekk int vittma ta’ reat vjolenti kontra l-persuna, barra minn dan, int dejjem ikollok id-dritt li tiġi informat(a) jekk issir talba biex tingħalaq il-kawża, anki jekk int ma titlobx li tiġi informat(a) b’mod espliċitu, u jkollok 20 jum minn meta tirċievi din in-notifika biex tara d-dokumenti u tippreżenta rikors motivat għat-tkomplija tal-investigazzjonijiet preliminari (l-Artikolu 408(3-bis) c.p.p.).

Kif nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Bħala l-vittma tar-reat, int tista’ tinnomina avukat biex jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilek. Biex tiżgura li int tirċievi l-komunikazzjonijiet li int intitolat(a) għalihom skont il-liġi, u biex teżerċita drittijiet speċifiċi, int trid tiddikjara u tindika indirizz għan-notifika. Int trid tikkomunika wkoll kwalunkwe tibdil f’dan l-indirizz matul il-proċedimenti kriminali. Jekk int innominajt avukat, ma għandekx bżonn tipprovdi din l-informazzjoni, billi n-notifiki kollha jintbagħtu lilu.

Int għandek id-dritt li tippreżenta talbiet u tindika elementi tax-xhieda, kemm matul l-istadju tal-investigazzjoni kif ukoll matul il-proċess (Artikolu 90bis c.p.p.). Int tista’ tivverifika wkoll l-entrati fir-Reġistru Uffiċjal tar-Reati Rapportati (Artikolu 335 c.p.p.). Trid tiġi informat(a) meta jitlestew il-perizji, li ma jistgħux jiġu ripetuti (Artikolu 360 c.p.p.). Int tista’ tagħmel ukoll talba lis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika għall-kumpilazzjoni fis-seduta ta’ qabel il-proċess. Tista’ titlob li tiġi notifikat(a) dwar kwalunkwe talba għal differiment tal-investigazzjonijiet jew għall-għeluq tal-kawża, kemm minnufih meta tagħmel ir-rapport kif ukoll wara dan. Int trid titlob b’mod speċifiku biex tiġi informat(a) dwar talba għal differiment tal-investigazzjonijiet (Artikolu 406 c.p.p) u dwar talba għall-għeluq tal-kawża (Artikolu 408 c.p.p.). Meta jsir proċess, int ikollok id-dritt li tiġi informat dwar il-post, d-data u l-ħin tal-ewwel seduta; għas-seduti sussegwenti, int ma tiġix notifikat(a) u trid tikseb id-dati għall-aġġornamenti int stess mill-qorti tal-prim’istanza. M’għandekx l-obbligu li tattendi għas-seduti, ħlief meta jkollok titla’ tixhed. Ladarba jiġu konklużi l-investigazzjonijiet, int ikollok id-dritt li tara d-dokumenti kollha relatati mal-kawża u li tagħmel kopji ta’ dawn. Madankollu, meta jkunu għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet, int ma tistax tagħmel dan, bħala regola, għad li s-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jista’ jawtorizza li jsir hekk jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għall-interess.

Meta jsir proċess kriminali u int tkun affettwat(a) mir-reat imwettaq, int tista’ titlob kumpens u biex tieħu sehem fil-proċess, billi tissieħeb fil-proċedimenti bħala parti ċivili.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien meqjus(a) jew nista’ nagħżel li nkun meqjus(a) bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Il-vittma, bħala l-persuna affettwata mir-reat, għandha d-drittijiet kollha indikati hawn fuq. Barra minn hekk, int tista’ tinstema’ bħala xhud fil-proċess u, jekk ikollok id-dritt għal kumpens għall-ħsara kkawżata mir-reat, int tista’ tiftaħ kawża ċivili fil-proċess kriminali billi tissieħeb fil-proċedimenti bħala parti ċivili.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Mingħajr ħsara għal dak li hu stipulat hawn fuq b'rabta mad-drittijiet u mal-interessi tiegħek bħala l-parti vittma ta’ reat, jekk int taġixxi wkoll bħala xhud, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

Bħala xhud, int trid tidher quddiem l-imħallef u ssegwi l-istruzzjonijiet mogħtija lilek minnu rigward ir-rekwiżiti proċedurali, u twieġeb għall-mistoqsijiet indirizzati lilek b’mod veritier. M’għandekx l-obbligu li tikxef xi ħaġa li tista’ twassal għal prosekuzzjoni kriminali kontrik. Jekk dakinhar tas-seduta tinqala’ problema li tagħmilhielek impossibbli li tattendi, int trid tgħarraf dwar dan fil-ħin, filwaqt li tindika r-raġuni għall-assenza tiegħek. F’dan il-każ, jekk l-imħallef li l-assistenza tiegħek hi ġustifikata, dan joħroġ taħrika oħra għal seduta sussegwenti. Jekk int tiġi mħarrek/mħarrka diversi drabi u tibqa’ ma tidhirx, mingħajr ma tagħti raġuni leġittima, tista’ tingħata skorta obbligatorja u jaf ikollok tħallas ukoll multa lill-Uffiċċju tal-Multi (cassa delle ammende) u l-ispejjeż imġarrba min-nuqqas ta’ dehra tiegħek, skont it-tifsira tal-Artikolu 133 c.p.p. Int obbligat(a) twieġeb għall-mistoqsijiet indirizzati lilek b’mod veritier. L-Artikolu 372 c.p.p. fih dispożizzjonijiet li jippenalizzaw lil xhieda li jirrifjutaw milli jwieġbu, jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz jew ma jiddikjarawx dak li jafu. Jekk ma tridx tixhed jew ma tikkooperax bħala xhud, tista’ tingħata l-piena tal-ħabs. Xhud ma jistax jiġi detenut matul seduta. Jekk tirtira dikjarazzjoni falza, jew tikkonferma l-verità, qabel ma tinqata’ s-sentenza, ma tistax tiġi akkużat(a) b’reat. Ma tiġġarrab ebda piena jekk tixhed falz biex issalva lilek innifsek jew lil qarib tiegħek minn kundanna kriminali (Artikolu 384 c.p.p.).

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Int, bħala l-vittma tar-reat, tista’ tidher bħala xhud ukoll. Id-dikjarazzjonijiet tiegħek jistgħu jintużaw bħala evidenza biex tiġi kkundannata l-persuna akkużata, jekk meta soġġetti għall-iskrutinju dawn ikollhom kredibilità oġġettiva kif ukoll suġġettiva. L-imħallef jista’ jevalwa x-xhieda tiegħek liberament u jista’ jkun ukoll li l-evidenza tiegħek biss li tifforma l-bażi għall-kundanna tal-persuna akkużata. Trid tgħid il-verità, għad li m’għandekx l-obbligu li tinkrimina lilek innifsek (id-dritt għal silenzju). Qraba tal-persuna akkużata mhumiex obbligati li jidhru bħala xhieda, sakemm huma nfushom ma jippreżentawx ir-rapport jew il-kwerela, jew f’każijiet li fihom huma jew qarib ikunu l-vittma tar-reat li jkun is-suġġett tal-proċedimenti. Int tista’ tirrifjuta wkoll milli twieġeb mistoqsijiet li jistgħu jikxfu sigriet professjonali. Jekk tagħmel dikjarazzjonijiet matul l-investigazzjonijiet preliminari, int tkun intitolat(a) għal diversi miżuri protettivi.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

(Ara aktar ’il fuq)

Inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jdaħħal minnufih, fir-reġistru xieraq miżmum mill-uffiċċju tiegħek, avviż ta’ kwalunkwe reat li jkun sar konxju tiegħu, jew li jkun skopra fuq inizjattiva tiegħu stess, u fl-istess ħin, jew malli jkun disponibbli, l-isem tal-persuna li hi suspettata li wettqet ir-reat. Jekk, matul l-investigazzjonijiet preliminari, il-karatterizzazzjoni legali tal-inċident tinbidel, jew jintwera li d-dettalji huma differenti, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jaġġorna l-entrati. L-entrati jiġu komunikati lill-persuna akkużata bir-reat, lilek bħala l-vittma u lill-avukati rispettivi, jekk jintalab li jsir hekk. Meta ssir talba għal informazzjoni dwar entrati fir-Reġistru Uffiċjali ta’ Reati Rapportati, is-segretarjat tal-Prosekutur Pubbliku jipprovdi l-informazzjoni mitluba, jekk jeżistu t-tali entrati u ma jkun hemm xejn x’jipprevjeni rispons. Inkella, dan jiddikjara li ma hemm l-ebda entrata li dwarha tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni. Jekk ikun hemm rekwiżiti speċifiċi rilevanti għall-investigazzjonijiet, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jilqax it-talba, jista’ jordna, permezz ta’ digriet motivat, li l-entrati jibqgħu sigrieti għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur, u li ma jistax jiġi estiż (l-Artikolu 335 c.p.p.).

Is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, jekk ma jkunx se jitlob l-għeluq tal-proċedimenti, meta l-kawża tkun tikkonċerna abbuż ta’ membri tal-familja u ta’ sħab jew stalking, jinnotifika lir-rappreżentant legali tiegħek ukoll jew, jekk ma jkollokx wieħed, lilek stess, li l-investigazzjonijiet preliminari ġew konklużi (l-Artikolu 415-bis c.p.p.).

L-aħħar aġġornament: 13/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.