Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ungerija

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

X’informazzjoni se nieħu mingħand l-awtorità (pereż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) wara li jkun seħħ ir-reat iżda qabel saħansitra nirrapporta r-reat?

L-Att dwar il-Proċedimenti Kriminali jeħtieġ li l-qorti, il-prosekutur u l-awtorità tal-investigazzjoni jinformaw lill-persuni soġġetti għal attivitajiet ta’ infurzar dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom qabel kwalunkwe att proċedurali.

Ir-reati ġeneralment jiġu rapportati quddiem il-prosekutur pubbliku jew l-awtorità tal-investigazzjoni b’mod orali jew bil-miktub. Ir-rapport jista’ jiġi aċċettat ukoll minn awtorità oħra jew mill-qorti, li tibgħat dak ir-rapport lill-awtorità tal-investigazzjoni. Il-liġi ma tistipula ebda formalità għar-rapportar ta’ reat; ir-reati jistgħu jiġu rapportati b’ittra, bil-posta jew b’ittra elettronika, jew b’mod personali.

Il-proċedimenti kriminali jsiru bl-Ungeriż, iżda vittma li ma tafx bl-Ungeriż ikollha l-possibbiltà li tuża l-ilsien nattiv tagħha jew kwalunkwe lingwa oħra li tagħżel. Anki jekk il-vittma taf titkellem bl-Ungeriż, din tista’ tuża l-lingwa nazzjonali tagħha fil-proċedimenti kriminali. L-ispejjeż tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni ma jingħaddux lill-vittma, u l-vittma ma tistax tiġi obbligata tħallas bil-quddiem jew iġġarrab it-tali spejjeż.

Il-vittma tar-reat tkun intitolata għall-appoġġ mis-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi fil-każ ta’ persuni fiżiċi li kontriehom jitwettqu reat jew trasgressjoni kontra l-proprjetà fit-territorju tal-Ungerija u f’każ li kwalunkwe persuna fiżika li ġġarrab danni bħala konsegwenza diretta ta’ atti jew ta’ reati kriminali kontra l-proprjetà mwettqa fit-territorju tal-Ungerjia, b’mod partikolari ħsara fiżika jew emottiva, xokk mentali jew telf ekonomiku, bil-patt li din tkun: ċittadin tal-Ungerija, ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-UE, ċittadin ta’ kwalunkwe pajjiż mhux tal-UE li jirresjedi legalment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, persuna apolida li tirresjedi legalment fit-territorju tal-Ungerija, vittma ta’ traffikar tal-bnedmin jew kwalunkwe persuna oħra meqjusa eliġibbli permezz ta’ trattati internazzjonali konklużi bejn l-istat rispettiv tan-nazzjonalità tagħha u l-Ungerija jew fuq il-bażi ta’ reċiproċità.

L-Istat jipprovdi servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi wara li jivvaluta l-ħtiġijiet tagħhom, li jistgħu jinkludu: l-iffaċilitar tal-protezzjoni tal-interessi tal-vittmi, l-għoti ta’ għajnuna monetarja istantanja, l-għoti ta’ prova ta’ status ta’ vittma, protezzjoni tax-xhieda, u l-provvista ta’ akkomodazzjoni protetta. Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet definiti legalment, il-vittma tkun intitolata għal kumpens mill-istat ukoll.

Barra minn hekk, il-protezzjoni personali ta’ vittma tista’ tiġi ordnata jekk ikunu ppjanati jew jitwettqu atti ta’ vjolenza kontra persuni jew reati li joħolqu periklu kollettiv għall-persuni kontra l-vittmi bħala impediment jew xkiel għall-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedimenti kriminali jew għall-infurzar ta’ drittijiethom u għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom jew jekk reat bħal dan ikun probabbli. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati jew reġistrati quddiem il-qorti, il-prosekutur ġenerali jew l-awtorità tal-investigazzjoni li tmexxi l-proċediment kriminali.

Biex tiġi żgurata l-prevenzjoni jew l-interruzzjoni tar-reati kontra l-integrità fiżika jew il-libertà ta’ persuna, il-protezzjoni personali tkopri l-protezzjoni tad-dar privata tal-vittma jew ta’ post ta’ residenza ieħor tagħha kif ukoll is-sigurtà fir-rotot tat-triq u l-parteċipazzjoni sikura fil-proċedimenti kriminali u f'atti uffiċjali oħra.

Il-protezzjoni personali tiġi pprovduta b’mod partikolari permezz ta’ servizz regolari ta’ pattulja, b’mezzi tekniċi, b’konnessjonijiet ta’ komunikazzjoni kontinwa, bil-provvista ta’ lbies protettiv u, jekk metodi oħra ta’ protezzjoni personali ma jkunux effettivi, minn persunal tal-għassa, li jista’ jiġi pprovdut fil-post ġestit mill-korp tal-infurzar tal-liġi awtorizzat biex jordna u jipprovdi protezzjoni personali.

Jekk il-protezzjoni ta’ vittma li tieħu sehem fi proċedimenti kriminali ta’ gravità eċċezzjonali ma tkunx tista’ tiġi żgurata permezz ta’ protezzjoni personali, u l-vittma tikkoopera mal-awtorità u tkun f’sitwazzjoni mhedda u, għalhekk, ikun hemm bżonn li jiġu pprovduti arranġamenti speċjali ta’ salvagwardja, il-vittma tista’ tieħu sehem ukoll fi programm ta’ protezzjoni tax-xhieda li jipprovdi arranġamenti speċjali ta’ salvagwardja jekk jiġu ssodisfati kundizzjonijiet addizzjonali speċifiċi.

F’ċerti każijiet, il-vittma tkun intitolata għal rappreżentazzjoni permezz ta’ ħabib f’litigazzjoni u, jekk tkun qed taġixxi bħala prosekutur privat sostitut, tkun intitolata għal għajnuna legali. Bħala regola ġenerali, il-kundizzjoni ta’ dawn hi li l-vittma tkun teħtieġhom, jiġifieri, b’kunsiderazzjoni tal-introjtu tal-persuni li jgħixu taħt l-istess saqaf, l-introjtu nett fix-xahar tal-vittma ma jaqbiżx l-ammont minimu rispettiv ta’ pensjoni ta’ rtirar determinat fuq il-bażi ta’ relazzjoni tax-xogħol (HUF 28 500 fl-2017) u din ma jkollha ebda assi li jista’ jkopri s-servizz legali.

Il-vittma tista’ tkun intitolata li tissieħeb f’kawża ċivili biex tfittex kumpens għad-danni li jirriżultaw minn reat kriminali kontra l-konvenut fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti kriminali. Biex tiżgura li tkun koperta t-talba ċivili tagħha, tista’ tressaq mozzjoni għal sekwestru kontra l-proprjetà tal-konvenut li jiġi ordnat mill-qorti jekk ikun hemm motivazzjonijiet raġonevoli għaliex jiġi supponut li s-sodisfazzjon tat-talba mhux se jitħalla jiġi eżegwit. Il-qorti tiddeċiedi dwar it-talba ċivili f’sentenza, li tilqa’ jew tiċħad il-mozzjoni. Jekk din tkun iġġib magħha dewien konsiderevoli għall-konklużjoni tal-proċedura, jew jekk il-konvenut joħroġ liberat, jew jekk l-aġġudikazzjoni tal-mozzjoni fuq il-merti tagħha fil-proċedimenti kriminali tiġi prekluża minħabba kundizzjonijiet oħra, il-qorti tordna l-infurzar tat-talba ċivili b’mezzi legali oħra.

Il-vittma għandha d-dritt li tieħu sehem fi proċedura ta’ medjazzjoni mal-konvenut taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Il-proċedura ta’ medjazzjoni ma tistax issir mingħajr il-kunsens tal-vittma, u anki f’każ li l-kunsens tal-vittma ma jkunx awtomatiku u jiddependi minn ħafna kundizzjonijiet oħra.

L-ispejjeż li joħorġu minn buthom il-vittma u r-rappreżentant tagħha li jiġġarrbu matul il-kawża huma spejjeż tal-proċedimenti kriminali, u hekk ukoll ikunu l-ispejjeż tal-vittma li jiġġarrbu b'rabta mal-preżenza tagħha bħala xhud. Filwaqt li dawk imsemmija l-ewwel ma jitħallsux bil-quddiem mill-Istat, dawn tal-aħħar jitroddu lura wara l-azzjoni proċedurali. Il-konvenut jiġi ordnat iġarrab l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali jekk il-konvenut jiġi ddikjarat ħati.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti drittijieti?

L-Att dwar il-Proċedimenti Kriminali jipprovdi għall-protezzjoni tad-drittijiet fir-rigward tal-proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ungerija indipendentement min-nazzjonalità u mill-post ta’ residenza. Is-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi jipprovdi l-istess servizzi liċ-ċittadini ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-UE bħaċ-ċittadini Ungeriżi.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Il-vittma tiġi notifikata individwalment biss dwar id-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni jekk ir-reat ma jiġix rapportat mill-vittma. Barra minn hekk, l-Att dwar il-Proċedimenti jiddefinixxi sitwazzjonijiet u deċiżjonijiet li dwarhom trid tiġi notifikata l-vittma.

Il-vittma għandha d-dritt li tiġi notifikata fuq talba tagħha, b’rabta mar-reat li jikkonċernaha, dwar il-ħelsien jew il-ħarba tal-persuna detenuta, il-libertà kondizzjonata, ir-rilaxx finali jew il-ħarba kif ukoll l-interruzzjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena l-ħabs tal-persuna sentenzjata għal priġunerija, il-ħelsien jew il-ħarba tal-persuna sentenzjata għal arrest taħt kustodja kif ukoll l-interruzzjoni tal-eżekuzzjoni tal-arrest taħt kustodja, il-ħelsien jew il-ħarba tal-persuna taħt trattament mediku involontarju, il-ħelsien, it-tluq mingħajr permess u l-liv ta’ adattament tal-persuna taħt trattament mediku involontarju u, fil-każ tal-edukazzjoni għal trasgressuri żgħażagħ, il-ħelsien temporanju jew permanenti, it-tluq mill-istituzzjoni mingħajr permess u l-interruzzjoni tal-edukazzjoni għal trasgressuri żgħażagħ.

Il-vittma trid tiġi notifikata dwar id-deċiżjonijiet li ġejjin b’mod partikolari: l-assenjament ta’ espert, is-sospensjoni tal-investigazzjoni, il-konklużjoni tal-investigazzjoni, it-terminazzjoni tal-investigazzjoni, l-akkuża, l-omissjoni parzjali tal-akkuża, it-twaqqigħ tal-akkużi, u l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li fiha dispożizzjonijiet li jappartjenu b’mod dirett għall-vittma, kif ukoll l-adozzjoni ta’ deċiżjoni konklużiva.

Il-vittma trid tiġi informata dwar il-post u d-data tal-azzjonijiet proċedurali kollha fejn hi tista’ tieħu sehem. Azzjonijiet bħal dawn jinkludu s-smigħ ta’ espert matul l-investigazzjonijiet, l-ispezzjonijiet, ir-rikostruzzjonijiet, il-preżentazzjonijiet għall-identifikazzjoni, kif ukoll il-proċessi u s-sessjonijiet miftuħa matul il-proċeduri tal-qorti.

Matul l-investigazzjoni, il-vittma tista’ ssir taf dwar u, bi ħlas, tikseb, kopji ta’ kwalunkwe perizja u fajls dwar l-azzjonijiet investigattivi li matulhom tista’ tkun preżenti, u tista’ tikseb kopji ta’ dokumenti oħra jekk dan ma jkunx imur kontra l-interessi tal-investigazzjoni. Wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni, il-vittma titħalla teżamina kwalunkwe dokument li jappartjeni għar-reat kriminali mwettaq kontriha.

Matul l-investigazzjoni, il-vittma tista’ tippreżenta appell jew kwerela kontra kull deċiżjoni li jkun fiha dispożizzjonijiet li jappartjenu għaliha b’mod dirett. Il-vittma tista’ tippreżenta kwerela kontra, fost affarijiet oħra, deċiżjonijiet li jiċħdu r-rapport tagħha tar-reat jew deċiżjonijiet li jissospendu jew jitterminaw l-investigazzjoni.

Jekk ir-rapport tar-reat jiġi miċħud jew l-investigazzjoni tiġi terminata, u f’ċerti każijiet meta jitressqu akkużi formali fir-rigward ta’ parti mill-atti tal-akkuża u l-kwerela tal-vittma ma waslitxgħar-riżultat mixtieq, il-vittma tista’ taġixxi bħala prosekutur privat sostitut fi ħdan skadeza stipulata bil-liġi. Il-vittma tista’ taġixxi wkoll bħala prosekutur privat sostitut jekk il-prosekutur ma jistabbilixxix, bħala riżultat tal-investigazzjoni, reat kriminali li jkun soġġett għal prosekuzzjoni pubblika jew jekk il-prosekutur ma jkunx ħa taħt ir-responsabbiltà tiegħu r-rappreżentazzjoni tal-prosekuzzjoni mingħand il-prosekutur privat. Vittma li taġixxi bħala prosekutur privat sostitut tista’, permezz tal-avukat tagħha, tressaq mozzjoni għal prosekuzzjoni, u b'hekk tista’ tippreżenta akkuża waħedha kontra l-konvenut.

Matul il-proċedura tal-qorti, il-vittma tista’ tappella biss kontra l-aġġudikazzjoni tat-talba ċivili fil-merti tagħha, iżda mhux kontra d-deċiżjoni fil-merti tagħha. Matul il-proċedura tal-qorti, il-vittma tista’ taġixxi bħala prosekutur privat sostitut jekk il-prosekutur iwaqqa’ l-akkuża.

Għandi dritt għal servizzi ta' interpretazzjoni jew ta' traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Il-proċedimenti kriminali jsiru bl-Ungeriż, iżda li ma tkunx taf il-lingwa Ungeriża ma jkunx raġuni li tagħti lok għal diskriminazzjoni. Fil-proċedimenti kriminali tista’ tuża, kemm meta titkellem kif ukoll meta tikteb, il-lingwa nattiva, reġjonali jew tal-minoranza tiegħek jew lingwa oħra li int tindika li titkellem. F’dawn il-każijiet, int tkun intitolat(a) għal interpretu u għat-traduzzjoni ta’ dokumenti uffiċjali indirizzati lilek mingħajr ħlas.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

L-awtorità tistinka biex tikkomunika miegħek b’mod sempliċi u li jinftiehem faċilment kemm b’mod orali kif ukoll bil-miktub. Informazzjoni dwar drittijietek u twissijiet dwar l-obbligi tiegħek jiġu komunikati b’mod li jinftiehem faċilment b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjoni u tal-ħiliet personali tiegħek. Matul il-komunikazzjoni verbali, l-awtorità hi meħtieġa tiżgura wkoll jekk int fhimtx l-informazzjoni komunikata lilek, u, jekk le, l-awtorità tispjega t-tali informazzjoni jew twissija lilek. Jekk int minorenni jew persuna b’diżabbiltà, l-awtorità trid toqgħod attenta b’mod partikolari meta tikkomunika miegħek. Jekk għandek indeboliment tas-smigħ, inti nieqes/nieqsa mis-smigħ u mid-dawl jew għandek indeboliment tat-taħdit, tista’ titlob interpretu tal-lingwa tas-sinjali jew tista’ tagħmel dikjarazzjoni bil-miktub minflok seduta.

Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ għall-vittmi?

Fil-livell tal-istat, il-funzjonijiet ta’ protezzjoni tal-vittmi u ta’ għajnuna legali jiġu eżerċitati mill-uffiċċji tal-gvern tal-belt kapitali u tad-19-il kontea. Jekk int vittma ta’ reat, l-aġenziji tal-gvern jipprovdulek assistenza personalizzata mingħajr ħlas, li bħala parti minnha int tirċievi

  • informazzjoni dwar id-drittijiet u l-possibbiltajiet tiegħek;
  • appoġġ emottiv;
  • assistenza prattika u pariri legali f’każijiet sempliċi;
  • konferma tal-istatus tiegħek bħala vittma;
  • għajnuna monetarja istantanja tista’ tiġi pprovduta wkoll fuq il-bażi ta’ applikazzjoni ppreżentata fi żmien 5 ijiem mid-data tat-twettiq tar-reat relatat.

Bħala parti mill-għajnuna legali, l-uffiċċji tal-gvern jipprovdulek pariri legali mingħajr ħlas f’każijiet li fihom il-fatti tal-każ ikunu pjuttost ċari, u jekk tkun fi bżonn finanzjarju, jistgħu jiġu pprovduti lilek servizzi legali (eż. tfassil ta’ dokumenti) permezz ta’ assistenza legali barra mill-kuntest tal-proċedimenti kriminali u tar-rappreżentazzjoni permezz ta’ ħabib f’litigazzjoni fi ħdan il-kuntest tal-proċedimenti kriminali.

Tista’ ssib id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċji tal-gvern ta’ Budapest u tal-kontej fuq http://www.kormanyhivatal.hu/ u aktar informazzjoni dwar l-appoġġ għall-vittmi u l-għajnuna legali fuq https://igazsagugyiinformaciok.kormany.hu/aldozatsegito-szolgalathttp://igazsagugyihivatal.gov.hu/jogi-segitsegnyujtas.

Minbarra l-organizzazzjonijiet tal-istat ta’ appoġġ għall-vittmi, int tista’ tirrikorri wkoll għal diversi organizzazzjonijiet ċivili jekk sfajt vittma ta’ reat, pereżempju:

  • L-Assoċjazzjoni tal-Karità ĊURKETT ABJAD , membru tal-Victim Support Europe, tipprovdi appoġġ finanzjarju, legali, psikoloġiku u ieħor kif ukoll għajnuna lill-vittmi ta’ reati u lil qrabathom, primarjament dawk li huma fil-bżonn minħabba s-sitwazzjoni soċjali tagħhom (http://fehergyuru.eu/),
  • is-Servizz Telefoniku Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar il-Kriżijiet (Országos KríziskezelÅ‘ és Információs Telefonszolgálat) jipprovdi għajnuna lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, ta’ abbuż tat-tfal, ta’ prostituzzjoni u ta’ traffikar tal-bnedmin u, jekk ikun hemm bżonn, jista’ jorganizza l-akkomodazzjoni tagħhom (http://bantalmazas.hu/),
  • L-NGO ESZTER Ambulanza (ESZTER Alapítvány és Ambulancia) tipprovdi trattament psikoloġiku u riablitazzjoni mingħajr ħlas għal tfal u għal adulti f’kundizzjoni ta’ abbuż u trawmatizzanti, u tipprovdi informazzjoni u pariri legali (http://eszteralapitvany.hu/),
  • L-NGO NANE tal-Assoċjazzjoni tad-Drittijiet tan-Nisa topera helpline mingħajr ħlas u tipprovdi assistenza legali personali kif ukoll konsulenza psikoloġika u soċjali għall-vittmi adulti u minorenni ta’ vjolenza domestika (http://nane.hu/).

Il-pulizija tirreferini awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Jekk tmur għand il-pulizija bħala vittma ta’ reat, int tirċievi notifika bil-miktub tas-servizz rilevanti ta’ appoġġ għall-vittmi mingħand il-pulizija, u tiġi informat(a) bl-opportunitajiet tiegħek ta’ appoġġ għall-vittmi u, fuq talba, il-pulizija toħroġ iċ-ċertifikat neċessarju li jingħata lilek jew jintbagħat lis-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Matul il-proċedimenti kriminali, id-drittijiet personali tiegħek u d-dritt għar-rispett ta’ dawk involuti jridu jiġu mħarsa, u kwalunkwe divulgazzjoni żejda ta’ data dwar il-privatezza tiegħek hi projbita. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ li int tixhed, int tista’ titlob li d-data tiegħek tiġi ġestita b’mod kunfidenzjali u, minn dak iż-żmien ’l hemm, din tiġi divulgata biss lill-awtorità li tipproċedi bil-kawża.

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

Mhix kundizzjoni ġenerali ta’ eliġibbiltà għas-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi pprovdut mill-istat li int tippreżenta rapport dwar ir-reat kriminali mwettaq kontrik; minkejja dan, int tkun intitolat(a) li tirċievi għajnuna monetarja (kumpens, għajnuna monetarja istantanja) biss jekk ikollok prova bil-miktub tal-ftuħ tal-proċedimenti kriminali.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

Int tista’ tikseb protezzjoni personali wara l-ftuħ tal-proċedimenti kriminali. Jekk int tinsab f’sitwazzjoni mhedda minħabba l-parteċipazzjoni tiegħek fi proċedimenti kriminali, int tista’ titlob lill-awtorità li tipproċedi bil-kawża li int, bħala vittma jew xhud, kif ukoll il-membri tal-familja u l-qraba tiegħek, tiġu pprovduti bi protezzjoni personali. Il-protezzjoni personali tista’ tintalab mill-awtorità tal-investigazzjoni li tipproċedi bil-kawża, mill-prosekuzzjoni jew mill-qorti, u d-deċiżjoni tittieħed mill-pulizija li tipprovdi l-protezzjoni personali.

Jekk int tinstema’ bħala xhud u t-testimonjanza tiegħek tkun relatata maċ-ċirkustanzi sostanzjali ta’ kawża partikolarment serja, int tista’ tiġi ddikjarat(a) protett(a) b’mod speċjali jekk l-evidenza mistennija mit-testimonjanza tiegħek ma tkunx tista’ tiġi sostitwita u jekk l-esponiment tal-identità tiegħek b’rabta mal-parteċipazzjoni tiegħek fil-protezzjoni jixħet f’riskju serju l-ħajja, il-persuna jew il-libertà personali tiegħek jew ta’ qrabatek.

L-imħallef li jinvestiga jiddeċiedi dwar id-dikjarazzjoni tax-xhud bħala protett b’mod speċjali, li tista’ titressaq għal mozzjoni mill-prosekuzzjoni, u b’hekk hu int li trid titlob dan it-tip ta’ protezzjoni fil-prosekuzzjoni. Jekk int tiġi ddikjarat(a) xhud protett b’mod speċjali, int tista’ tiġi interrogat(a) biss mill-imħallef li jinvestiga u ma tistax titħarrek biex tidher fil-proċess, u l-isem, id-data personali u l-post ta’ residenza tiegħek jiġu mmaniġġjati b’mod kunfidenzjali u ma jiġux divulgati lill-konvenut u lill-avukat difensur tiegħu.

Int tista’ tkun protett(a) ukoll fi ħdan il-qafas ta’ Programm ta’ Protezzjoni speċjali. Jekk tieħu sehem fi Programm bħal dan, int tista’ tiġi mħarrek/mħarrka biex tidher matul l-azzjonijiet proċedurali jew tiġi notifikat(a) dwar dawn, jew jintbagħtulek id-dokumenti biss permezz tal-korp responsabbli għall-protezzjoni tiegħek, u l-indirizz ta’ dak il-korp jiġi indikat bħala l-post ta’ residenza tiegħek. Ħadd, lanqas l-awtoritajiet, ma jista’ jiġi pprovdut b’kopji ta’ dokumenti li fihom informazzjoni dwarek, sakemm il-korp responsabbli għall-protezzjoni tiegħek ma jkunx ta l-permess tiegħu għal dan. F’dan il-każ, int tista’ tiċħad milli tixhed billi tagħti jew timplika informazzjoni dwar l-identità jew il-post ta’ residenza tiegħek.

Jekk twettaq kontrik att kriminali punibbli bi priġunerija, int tista’ tressaq mozzjoni quddiem il-qorti biex din tordna li l-konvenut ma jersaqx lejk għal perjodu ta’ bejn għaxar u sittin jum.

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli? Min jista’ joffrili protezzjoni?

Matul il-proċedimenti kriminali, il-qorti, il-prosekutur u l-awtorità tal-investigazzjoni l-ħin kollu ser ikunu qed jeżaminaw jekk intix vittma li għandha bżonn protezzjoni speċjali fuq il-bażi tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-personalità u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tiegħek u n-natura jew iċ-ċirkustanzi tar-reati kriminali, li dwarha jista’ jiġi stabbilit li għandha ħtiġijiet speċjali matul il-proċedimenti kriminali. Bażikament, f’dan il-każ, il-qorti, il-prosekuzzjoni jew l-awtorità tal-investigazzjoni li tmexxi l-proċedimenti kriminali tista’ tordna l-miżuri li jipprovdu l-protezzjoni personali tiegħek, billi jiġi stipulat li l-protezzjoni personali u l-Programm ta’ Protezzjoni definit fit-Taqsima 7 tiġi pprovduta mill-pulizija, filwaqt li l-ordni ta’ trażżin jista’ jinħareġ mill-qorti.

Hemm xi ħadd li jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar ħsara mit-trasgressur?

Iva. Hi funzjoni fundamentali tal-qorti, tal-prosekuzzjoni u tal-awtorità tal-investigazzjoni li tipprevjeni t-twettqi ta’ aktar reati kriminali mit-trasgressur. Dan l-għan jinkiseb permezz ta’ miżuri koerċittivi li jiffokaw fuq il-konvenut u fuq il-karatteristiċi personali tiegħu li jinvolvu t-telf jew ir-restrizzjoni tal-libertà tal-konvenut (eż. ordni ta’ trażżin, limitazzjoni tal-ħinijiet barra d-dar) u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ miżuri li jiżguraw il-kura u l-protezzjoni dovuti li huma bbażati fuq il-kunsiderazzjoni speċjali tal-interessi tiegħek bħala vittma.

Ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi biex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Iva. Fil-proċedimenti kriminali, l-azzjonijiet proċedurali li jinvolvu l-parteċipazzjoni tiegħek bħala xhud iridu jitħejjew u jitwettqu mill-qorti, mill-prosekuzzjoni u mill-awtorità tal-investigazzjoni b’tali mod li dawn ma jiġux ripetuti b’mod indebitu u li int ma tiltaqax mal-konvenut għalxejn. Għal dan l-għan, pereżempju, il-konfront tiegħek mal-konvenut jista’ jiġi omess fuq talba tiegħek jew ex officio, il-konvenut jista’ jitneħħa mill-awla matul l-interrogazzjoni tiegħek, u int tista’ ssirlek l-interrogazzjoni permezz tat-telekomunikazzjoni (anki bid-distorsjoni tal-karatteristiċi tal-wiċċ jew tal-vuċi tiegħek).

X'tip ta' protezzjoni hu disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Jekk int vittma li għandha bżonn ta’ protezzjoni speċjali fuq il-bażi tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-personalità u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tiegħek jew in-natura jew iċ-ċirkustanzi tar-reat kriminali, il-proċedimenti kriminali jsiru bl-akbar attenzjoni għalik, u kwalunkwe azzjoni proċedurali li taffettwak (b’kunsiderazzjoni tal-interessi tal-proċedimenti) titħejja u tiġi implimentata filwaqt li kemm jista’ jkun jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tiegħek.

Jien minorenni – għandi xi drittijiet speċjali?

F’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-20 ta’ Novembru 1989, l-ordinament ġuridiku tal-Ungerija jqis li persuna hi minorenni jekk hi ma tkunx għadha għalqet it-18-il sena.

Fi proċedimenti kriminali li jaffettwaw lil vittmi li huma minorenni, hu rekwiżit ġenerali għall-awtoritajiet u għall-korpi ġudizzjarji li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-drittijiet tat-tfal stabbiliti f’konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ għoti ta’ kunsiderazzjoni primarja lill-“aħjar interessi tat-tfal” f’deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-minorenni.

Fi proċedimenti kriminali, il-vittmi minorenni għandhom drittijiet addizzjonali meta mqabbla mal-adulti, u tiġi pprovduta protezzjoni ulterjuri lilhom. Jekk il-vittma jkollha anqas minn 18-il sena fiż-żmien tal-ftuħ tal-proċedimenti kriminali, din titqies li hi “vittma bi ħtiġijiet speċjali” mingħajr ma tiġi ppreżentata talba separata għal dak l-għan.

Hi regola ġenerali għall-vittmi bi ħtiġijiet speċjali li l-azzjonijiet proċedurali jridu jitħejjew u jiġu implimentati bl-akbar attenzjoni għall-vittma u b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħha kemm jista’ jkun.

Vittmi li jkollhom anqas minn 18-il sena jkollhom drittijiet speċjali addizzjonali meta mqabbla mal-adulti:

  1. Iridu jsiru proċedimenti kriminali rapidi għal reati kriminali mwettqa kontra l-ħajja u s-saħħa fiżika jew is-saħħa u l-libertà sesswali u għal reati sesswali kif ukoll għal reati kriminali kontra l-interessi ta’ tfal u tal-familja jew għal reati kriminali vjolenti kontra persuni oħra, jekk l-interessi tal-minorenni jiġġustifikaw li l-proċedimenti kriminali għandhom jiġu konklużi mill-aktar fis possibbli. Proċedimenti kriminali rapidi jkunu ġustifikati b’mod partikolari meta l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-vittma jkun inxteħet f’riskju sinifikanti jew meta l-konvenut ikun responsabbli għat-trobbija, għas-superviżjoni jew għall-indokrar tal-vittma fil-mument tal-proċedimenti jew inkella jgħix fl-ambjent tal-vittma.
  2. Għandha tingħata attenzjoni addizzjonali fi kwalunkwe komunikazzjoni orali u bil-miktub magħha. Il-minorenni jridu jiġu informati dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’mod li jkun xieraq għall-età u għall-maturità tagħhom u, jekk ikun hemm bżonn, dawn iridu jingħataw kjarifika u spjegazzjoni speċjali.
  3. It-tutur ta’ minorenni jrid jiġi notifikat bit-taħrika, u dik in-notifika trid tiġi notifikata flimkien ma’ talba għall-iżgurar tal-attendenza tal-minorenni.
  4. Ir-rappreżentant legali, is-sostenitur u t-tutur tal-minorenni jistgħu jkunu preżenti matul l-eżaminazzjoni tal-minorenni bħala xhud. Il-persuna li takkumpanja lix-xhud hi intitolata għar-rimborż tal-istess spejjeż bħax-xhud.
  5. Ix-xhieda ta’ minorenni ma tistax tiġi testjata b’eżaminazzjoni strumentali tal-kredibbiltà (poligraff).
  6. Jekk l-obbligu għal kooperazzjoni personali ma jkunx stipulat bil-liġi, id-drittijiet tal-minorenni jistgħu jiġu eżerċitati wkoll mir-rappreżentant legali tiegħu.
  7. L-eżaminazzjoni tista’ tiġi ordnata biex issir permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni b’ċirkwit magħluq (vidjokonferenza). F’dan il-każ, il-vittma titqiegħed f’kamra separata u tista’ tikkomunika ma’ dawk li huma preżenti fil-post tal-proċess permezz ta’ apparat li fl-istess ħin jittrażmetti vidjo u vuċi (vidjokonferenza).
  8. Ex officio jew fuq talba, il-qorti tista’ teskludi lill-pubbliku mill-proċess biex tipproteġi lill-minorenni li jieħu sehem fil-proċedimenti.
  9. Jekk il-prosekutur jixtieq jinterroga lil vittma bi bżonnijiet speċjali bħala xhud fi proċedimenti kriminali imwettaq minħabba reat kriminali mwettaq kontra l-libertà sesswali, reat sesswali jew reat kontra l-persuna ta’ qarib, il-vittma tista’ tiġi interrogata biss minn persuna tal-istess sess, dment li din tintalab mill-vittma u ma taffettwax b’mod avers l-interessi tal-proċedimenti.

Vittmi li jkollhom anqas minn 14-il sena għandhom drittijiet speċjali ulterjuri minbarra dawn ta’ hawn fuq:

  1. Il-vittma tista’ tinstema’ bħala xhud biss jekk l-evidenza mistennija mit-testimonjanza ma tkunx tista’ tiġi sostitwita. Il-vittma trid tieħu sehem fil-konfront jekk dan ma jikkawżalhiex ansjetà.
  2. Taħrikiet u avviżi dwar l-interrogazzjoni tax-xhud iridu jiġu notifikati permezz tat-tutur tagħha. Il-fatt tat-taħrika u tal-avviż irid jiġi komunikat lir-rappreżentant legali tal-minorenni.
  3. Qabel il-preżentazzjoni tal-akkuża, l-imħallef li jinvestiga jisma’ lill-minorenni jekk ikun hemm motivazzjonijiet validi biex jiġi supponut li l-interrogazzjoni f’seduta pubblika tkun taffettwa b’mod avvers l-iżvilupp personali tal-minorenni. Is-smigħ tax-xhud mill-imħallef tal-investigazzjoni jista’ jiġi mozzjonat għall-prosekutur mir-rappreżentant legali, mit-tutur u mill-avukat li jaġixxi f’isem ix-xhud. Dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati bil-liġi, il-prosekutur iressaq mozzjoni għas-smigħ tal-minorenni b’dan il-mod. Il-konvenut u l-avukat tal-konvenut ma jistgħux ikunu preżenti matul is-sessjoni organizzata mill-imħallef li jinvestiga.
  4. Il-post tas-smigħ tax-xhud ikun kamra mfassla apposta għas-smigħ ta’ minorenni. Derogi minn dan ikunu permessi f’każijiet eċċezzjonali biss. Is-smigħ jista’ jsir ukoll permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni b’ċirkwit magħluq (vidjokonferenza).
  5. Is-smigħ ta’ xhud li jkollu anqas minn 14-il sena jrid jiġi reġistrat bl-użu ta’ apparat li jirreġistra l-vidjo jew l-awdjo. Fil-każ ta’ minorenni ta’ aktar minn 14-il sena, dan ikun permess biss bil-patt li jingħata ħlas bil-quddiem għall-ispejjeż.
  6. Il-minorenni ma jistax jiġi mħarrek għal smigħ pubbliku jekk ikun instema’ mill-imħallef li jinvestiga qabel l-akkuża.
  7. Jekk il-minorenni ma jkunx instema’ mill-imħallef li jinvestiga qabel l-akkuża, iżda, aktar tard, is-smigħ bħala xhud isir neċessarju, il-minorenni jista’ jinstema’ biss barra mill-proċess. F’każ li l-minorenni jkun għalaq l-14-il sena matul il-proċess, dan jista’ jinstema’ wkoll mill-qorti fil-proċess f’każ ġustifikat b’raġunijiet speċjali. In-notifika tal-konvenut u tal-avukat tal-konvenut tista’ ma ssirx fiż-żewġ każijiet.

Il-membru tal-familja tiegħi miet kaġun tar-reat – x’inhuma drittijieti?

Vittmi li jmutu qabel jew wara l-ftuħ tal-proċedimenti kriminali jistgħu jiġu sostitwiti minn qarib li jiġi minnhom direttament, minn konjuġi, minn sieħeb, minn aħwa, minn rappreżentant legali jew minn persuna dipendenti sostnuta fuq il-bażi ta’ ftehim jew ta’ leġiżlazzjoni li tista’ teżerċita d-drittijiet tal-vittma.

F’każ ta’ diversi persuni li jkunu intitolati jagħmlu dan, il-persuni kkonċernati jistgħu jinnominaw persuna li teżerċita d-drittijiet tal-vittmi. Fin-nuqqas ta’ ftehim bħal dan, il-persuna li l-ewwel tkun aġixxiet fil-proċedimenti tista’ teżerċita d-drittijiet tal-vittma.

Il-membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat – x’inhuma drittijieti?

Jekk l-obbligu għal kooperazzjoni personali ma jkunx stipulat bil-liġi, id-drittijiet tal-vittma jistgħu jiġu eżerċitati wkoll mir-rappreżentant legali tagħha. Avukat jew qarib kbir biżżejjed jista’ jaġixxi bħala rappreżentant fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni.

Jekk l-ilmentatur jagħmel ilment verbali, persuna kbira biżżejjed nominata mill-ilmentatur tista’ tkun preżenti matul is-smigħ għall-fini tal-għoti tal-appoġġ tagħha (inkluż appoġġ lingwistiku), dment li l-preżenza tal-persuna ma taffettwax b’mod avvers l-interessi tal-proċedimenti.

F’każ ta’ atti investigattivi li fihom il-preżenza tiegħek tkun obbligatorja jew li fihom int tista’ tkun preżenti, ir-rappreżentant u s-sostenitur tiegħek u, jekk ma tmurx kontra l-interessi tal-proċedimenti, persuna li tkun kbira biżżejjed nominata minnek jistgħu jkunu preżenti wkoll maġenbek. Ir-regola ta’ hawn fuq hi applikabbli għas-smigħ tal-vittma u għall-eżaminazzjoni tal-vittma bħala xhud.

F'każ ta’ mewt tal-prosekutur privat sostitut, dan jista’ jiġi sostitwit minn qarib li jiġi minnu direttament, minn konjuġi, minn sieħeb, minn aħwa, minn rappreżentant legali jew minn persuna dipendenti sostnuta fuq il-bażi ta’ ftehim jew ta’ leġiżlazzjoni fi żmien tletin jum.

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? Taħt liema kundizzjonijiet? Ser inkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

L-għan ewlieni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni hu li tiżgura kumpens għall-konsegwenzi tar-reat mill-konvenut b’mod li jkun aċċettabbli għall-vittma wkoll. Għaldaqstant, fi proċeduri ta’ medjazzjoni, għandhom isiru sforzi biex jintlaħaq ftehim xieraq bejn il-konvenut u l-vittma għall-kumpens għad-danni.

Dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet previsti bil-liġi, il-prosekutur jew, jekk il-kawża tkun quddiem il-qorti, l-imħallef jista’ jipposponi l-proċedimenti għal massimu ta’ sitt xhur u jordna medjazzjoni.

Il-medjazzjoni tista’ tiġi ordnata għall-proċedimenti kriminali jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • titressaq mozzjoni mill-konvenut jew mill-vittma jew jekk dawn jaqblu li jagħmluha b’mod volontarju;
  • il-proċedimenti kriminali nfetħu għal reat imwettaq kontra l-ħajja u s-saħħa fiżika jew is-saħħa, id-dinjità tal-bniedem u drittijiet fundamentali tal-bniedem oħra, reat tat-traffiku jew reat kontra l-proprjetà jew id-drittijiet intellettwali u r-reat ikun punibbli b’mhux aktar minn ħames snin priġunerija;
  • skont il-Kodiċi Kriminali, wara proċedura ta’ medjazzjoni li tirnexxi, il-proċedimenti kriminali jistgħu jiġu terminati jew il-penali tista’ titnaqqas mingħajr limitazzjoni;
  • il-persuna suspettata tammetti l-ħtija tagħha qabel ma tiġi akkużata u tkun qablet li u kapaċi tipprovdi restituzzjoni bil-mezzi u sal-punt aċċettati mill-vittma;
  • il-proċedimenti kriminali jistgħu jintemmu fid-dawl tan-natura tar-reat, tal-mod li bih twettaq u taċ-ċirkustanzi personali tal-akkużat, jew jekk ikun hemm motivazzjonijiet raġonevoli li l-qorti tista’ tevalwa r-restituzzjoni pprovduta mill-akkużat fil-qafas tal-impożizzjoni tal-piena.

Il-vittma tista’ tippreżenta mozzjoni biex tiġi ordnata medjazzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti. Madankollu, proċedura ta’ medjazzjoni tista’ tiġi ordnata biss darba f’kull kawża, u b'hekk jekk il-proċedura ta’ medjazzjoni tiġi konkluża mingħajr suċċess għal kwalunkwe raġuni, ma tistax terġa’ ssir.

Medjatur imħarreġ għal dan l-għan u mħaddem mill-Istat ikun responsabbli għat-twettiq kif suppost tal-proċedura ta’ medjazzjoni. Fil-proċedura ta’ medjazzjoni, il-vittma tista’ tagħżel li tiltaqa’ mal-akkużat b’mod esklużiv fil-preżenza tal-medjatur, u f’dan ir-rigward il-persuna tal-medjatur tipprovdi garanzija adegwata għas-sigurtà personali tal-vittma.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tgħid x’inhuma drittijieti?

  • L-Att XIX tal-1998 dwar il-Proċeduri Kriminali;
  • L-Att C tal-2012 dwar il-Kodiċi Kriminali;
  • L-Att LXIV tal-1991 dwar il-Promulgazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal Iffirmata fi New York fl-20 ta’ Novembru 1989;
  • L-Att CXXXV tal-2005 dwar l-Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati u l-Kumpens mill-Istat;
  • L-Att LXXX tal-2003 dwar l-Għajnuna Legali;
  • L-Att LXXXV tal-2001 dwar il-Programm ta’ Protezzjoni għal dawk li Jieħdu Sehem fi Proċedimenti Kriminali u l-Ġurisdizzjoni ta’ Appoġġ;
  • L-Att CXXIII tal-2006 dwar l-Attivitajiet ta’ Medjazzjoni Applikabbli f’Kawżi Kriminali;
  • Id-Digriet Nru 64/2015 tal-Ministru tal-Intern tat-12 ta’ Diċembru 2015 dwar il-Kompiti tal-Pulizija Relatati mal-Appoġġ għall-Vittmi;
  • Id-Digriet ta’ Governanza Nru 34/1999 tas-26 ta’ Frar 1999 dwar il-Kundizzjonijiet tal-Ordnijiet u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-Protezzjoni Personali ta’ dawk li Jieħdu Sehem fi Proċedimenti Kriminali u tal-Membri tal-Awtoritajiet li Jipproċedu;
  • Id-Digriet Konġunt Nru 23/2003 tal-Ministru tal-Intern u tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-Regoli Dettaljati tal-Investigazzjoni Mwettqa minn Awtoritajiet tal-Investigazzjoni taħt il-Ministru tal-Intern u r-Regoli dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Atti Investigattivi b’Mezzi Oħra għajr il-Minuti;
  • Id-Digriet Nru 25/2016 tal-Ministru tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Diċembru 2016 dwar ir-Rimborż mill-Istat ta’ Spejjeż Imħallsa mill-Konvenut u mill-Avukat Difensur minn Buthom, u dwar l-Ispjejeż u t-Tariffi tal-Persuni li Jieħdu Sehem fi Proċedimenti Kriminali;
  • Id-Digriet Nru 14/2008 tal-Ministru tal-Ġustizzja u l-Infurzar tal-Liġi tas-27 ta’ Ġunju 2008 dwar ir-Rimborż tax-Xhieda;
  • Id-Digriet Konġunt Nru 21/2003 tal-Ministru tal-Ġustizzja, tal-Ministru tal-Intern u tal-Ministru tal-Finanzi tal-24 ta’ Ġunju 2003 dwar il-Ħlas bil-Quddiem tal-Ispejjeż tal-Proċedimenti Kriminali;
  • L-Ordni Nru 2/2013 tal-Kwartieri Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-31 ta’ Jannar 2013 dwar il-Kompiti tal-Pulizija Relatati mal-Appoġġ għall-Vittmi.

L-aħħar aġġornament: 04/09/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.