Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ungerija

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trasgressur? (pereż. kawża l-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

Primarjament fi ħdan il-proċedimenti kriminali, il-vittma tista’ tinforza t-talba tagħha għad-danni li jirriżultaw bħala konsegwenza tal-att soġġett għall-akkuża bħala pretendent ċivili. F’dan il-każ, il-proċedura mwettqa bħala parti mill-proċedimenti kriminali għall-infurzar ta’ talba ċivili tissejjaħ proċedura ta’ adeżjoni. It-talbiet ċivili jistgħu jiġu inforzati b’mezzi legali oħra wkoll. Il-fatt li l-vittma ma ħaditx azzjoni bħala pretendent ċivili ma jipprekludix il-possibbiltà ta’ infurzar tat-talba. Fil-kundizzjonijiet speċifikati fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, talba ċivili tista’ tiġi infurzata wkoll mill-prosekutur minflok mill-vittma.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur biex iħallasni d-danni / kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?

Il-proċedimenti ta’ infurzar jistgħu jitnedew fi żmien 30 jum mill-iskadenza tal-issodisfar tal-obbligi stabbiliti mill-qorti. F’dan ir-rigward, il-qorti toħroġ fajl ta’ infurzar fuq il-bażi tal-parti tad-deċiżjoni meħuda fil-proċedimenti kriminali li tikkonċerna t-talba ċivili.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? Taħt liema kundizzjonijiet?

L-istat ma jistax iħallsek avvanz. Madankollu, jekk twettaq reat kriminali vjolenti intenzjonat kontrik u, bħala konsegwenza ta’ dan, int korrejt fiżikament u saħħtek ġiet affettwata b’mod ħażin, int tista’ tirċievi kumpens mingħand l-istat. Il-kumpens mill-istat hu indipendenti mit-talba ċivili, iżda jekk it-telf jew id-danni tiegħek jiġu kkumpensati minn sorsi oħra (pereż. minn qorti jew minn assiguratur) fi żmien tliet snin mid-data meta saret finali d-deċiżjoni dwar il-merti tal-applikazzjoni tiegħek għal kumpens, int tkun meħtieġ(a) trodd lura l-kumpens imħallas mill-istat.

Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

Int intitolat(a) għal kumpens mill-istat jekk jitwettaq reat kriminali vjolenti intenzjonat kontrik li rriżulta f’dannu serju għall-integrità u għas-saħħa fiżiċi tiegħek.

Int tista’ tkun intitolat ukoll għal kumpens mill-Istat jekk int qarib li tiġi mill-viċin jew dipendenti tat-tali vittma jew jekk int ħallast għall-funeral tal-vittma deċeduta.

Huma biss vittmi li jinsabu fil-bżonn skont is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom jew kundizzjonijiet oħra stabbiliti bil-liġi li jistgħu jkunu eliġibbli għal kumpens mill-istat.

Int tista’ tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek għal kumpens mill-istat lil kwalunkwe servizz ta’ appoġġ għall-vittmi (uffiċċju distrettwali tal-gvern). Meta tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tiegħek, l-awtorità teżamina r-rabta kawżali bejn l-ammont tad-danni u r-reat kriminali.

Normalment, l-applikazzjonijiet għal kumpens ikunu jistgħu jiġu ppreżentati fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jitwettaq ir-reat, u l-ammont massimu ta’ kumpens fl-2017 hu ta’ HUF 1 599 105.

Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

Jekk ir-rapport kriminali tiegħek jiġi rifjutat, l-investigazzjoni tintemm jew il-konvenut jiġi lliberat mill-akkużi fuq il-bażi ta’ esklużjoni speċifikata mil-liġi (jiġifieri: taħt l-età, inkapaċità mentali serja, koerċizzjoni jew theddid, żball, difiża leġittima, neċessità estrema jew kmand mingħand persuna superjuri), int tkun intitolat(a) għal kumpens mill-istat.

Il-kumpens mill-istat hu indipendenti mit-talba ċivili, iżda jekk it-telf jew id-danni tiegħek jiġu kkumpensati minn sorsi oħra (pereż. minn qorti jew minn assiguratur) fi żmien tliet snin mid-data meta saret finali d-deċiżjoni dwar il-merti tal-applikazzjoni tiegħek għal kumpens, int tkun meħtieġ(a) trodd lura l-kumpens imħallas mill-istat.

Jekk tinfurza d-dritt ċivili tiegħek barra mill-proċedimenti kriminali, il-kwistjoni ta’ responsabbiltà kriminali u dik ta’ kumpens isiru separati minn xulxin, jiġifieri, iż-żewġ proċedimenti jistgħu jwasslu għal sentenzi b’kontenut differenti.

Jien intitolat(a) għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?

Bħala vittma ta’ reat jew ta’ trasgressjoni, int tista’ tkun intitolat(a) għall-ħlas ta’ għajnuna monetarja istantanja għall-fini ta’ rimedjar tas-sitwazzjoni ta’ kriżi f'perjodu qasir ħafna wara r-reat jew it-trasgressjoni. Int tista’ tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek lis-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi (f’uffiċċju distrettwali tal-gvern), u l-kundizzjoni għar-riċevuta tal-kumpens hi li r-reat jiġi rapportat lill-pulizija. Il-ħlas tal-għajnuna monetarja istantanja jiġi deċiż fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u jista’ jiġi pprovdut lill-vittmi bla ma jiġi vvalutat jekk humiex fil-bżonn. Madankollu, matul il-proċedimenti, irid jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi personali tal-vittma li jirriżultaw mir-reat kriminali jiġġustifikawx dan it-tip ta’ għajnuna monetarja. L-għajnuna monetarja istantanja mhix kumpens u mhix maħsuba biex tikkumpensa jew timmitiga d-dannu kkawżat mir-reat kriminali. Tista’ tiġi pprovduta għall-kopertura tal-ispejjeż tal-ikel, tal-akkomodazzjoni, tal-ivvjaġġar, tal-ilbies, tal-mediċini u tal-funeral tal-vittma. L-ammont tal-għajnuna monetarja istantanja jiġi determinat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni tal-vittma li tirriżulta mir-reat kriminali u mit-tul ta’ żmien li matulu l-vittma ma tkunx tista’ ssolvi l-problemi finanzjarji tagħha waħedha. L-ammont massimu tal-għajnuna fl-2017 hu ta’ HUF 106 607.

L-aħħar aġġornament: 04/09/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.