Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ungerija

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Il-vittma tista’ tappella kontra s-sentenza jekk hi tkun ukoll prosekutur privat sostitut, prosekutur privat jew parti ċivili, jew jekk is-sentenza jkun fiha dispożizzjoni li tippermetti appelli. Il-parti ċivili tista’ tippreżenta appell kontra d-dispożizzjoni li taġġudika t-talba ċivili fil-merti tagħha. Jekk ikun hemm xi dispożizzjoni oħra inkluża fis-sentenza li tikkonċerna lill-vittma, din tista’ tappella kontra t-tali dispożizzjonijiet.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tinqata' s-sentenza?

Jekk jiġi ppreżentat appell kontra s-sentenza fl-ewwel jew fit-tieni istanza, il-vittma tkun intitolata li tkun preżenti matul il-proċess u s-sessjoni pubblika li ssir quddiem il-qorti tat-tieni jew tat-tielet istanza, li taċċessa d-dokumenti pprovduti matul il-proċedimenti, li tippreżenta mozzjonijiet u oġġezzjonijiet, u li tindirizza lill-qorti wara l-argument tal-għeluq tal-prosekutur pubbliku.

Inkun intitolat(a) għal appoġġ jew għal protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija f’dak li għandu x’jaqsam mal-appoġġ għall-vittmi taqa’ fir-responsabbiltajiet tad-Deputat Segretarjat tal-Istat għall-Ġustizzja u għal-Leġiżlazzjoni tad-Dritt Privat tal-Ministeru tal-Ġustizzja u tad-Deputat Segretarju tal-Istat għall-Ġestjoni tal-Metodoloġija tal-Ġustizzja tal-Ministeru tal-Ġustizzja, filwaqt li fir-rigward tal-protezzjoni tal-vittmi din taqa’ fir-responsabbiltajiet tal-Ministeru tal-Intern.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jiġi sentenzjat?

Il-ġudizzju, li minnu l-vittma tista’ ssir taf x’inhu l-kontenut tas-sentenza, jiġifieri n-natura, it-tip, il-firxa u l-kontenut tal-piena jew tal-miżuri imposti kontra l-konvenut, irid jiġi notifikat lill-vittma mill-qorti.

Se nkun infurmat jekk it-trasgressur jinħeles (inkluż ħelsien kmieni jew kundizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Il-vittma jew, fil-każ ta’ mewtha, il-persuna li teżerċita drittijietha, hi intitolata li tkun informata malli tagħmel talba dwar dawn li ġejjin b’rabta mar-reat li jikkonċerna lill-vittma:

a) il-ħelsien jew il-ħarba tal-konvenut minn detenzjoni ta’ qabel il-proċess,

b) il-libertà kondizzjonali jew ir-rilaxx finali jew il-ħarba kif ukoll l-interruzzjoni tal-eżekuzzjoni tat-terminu tal-priġunerija tal-persuna sentenzjata għal terminu ta' priġunerija,

c) ir-rilaxx jew il-ħarba tal-persuna sentenzjata għal arrest taħt kustodja kif ukoll l-interruzzjoni tal-eżekuzzjoni tal-arrest taħt kustodja,

d) ir-rilaxx jew il-ħarba tal-persuna taħt trattament mediku involontarju temporanju,

e) ir-rilaxx, it-tluq bla permess u l-liv ta’ adattament tal-persuna taħt trattament mediku involontarju, u

f) fil-każ ta’ edukazzjoni għal trasgressuri żgħażagħ, il-ħelsien temporanju jew permanenti, it-tluq mill-istituzzjoni mingħajr permess u l-interruzzjoni tal-edukazzjoni ta’ trasgressuri żgħażagħ.

Inkun involut(a) f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew nippreżenta appell?

L-aħħar jum tal-priġunerija jiġi ddeterminat mill-istituzzjoni penali u, dakinhar, din torganizza l-ħelsien tal-persuna kundannata. Jekk l-istituzzjoni penali tippreżenta mozzjoni għal-libertà provviżorja tal-persuna kundannata, l-imħallef li jagħti l-piena jorganizza smigħ li dwaru ma tiġix notifikata l-vittma u li fih din ma tistax tieħu sehem. Il-vittma ma tistax tagħmel dikjarazzjoni u ma tistax tappella kontra d-deċiżjoni tal-qorti meħuda rigward il-libertà kondizzjonali.

L-aħħar aġġornament: 04/09/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.