Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Fi tmiem il-proċess, il-qorti tikkundanna jew tillibera lill-akkużat skont l-evidenza ppreżentata. Jekk il-qorti ssib lill-akkużat mhux ħati, hija teħilsu mill-akkuża, u jekk inti tkun isseħibt fil-proċedimenti bħala parti ċivili (politikós enágon), hija ma tiddeċidix dwar it-talba tiegħek għal riparazzjoni jew kumpens finanzjarju għad-dannu morali jew l-uġigħ u t-tbatija. F’każ bħal dan, l-akkużat huwa intitolat għal kontrotalba kontra tiegħek biex ifittex kumpens u kwalunkwe spiża li jkun ġarrab b’rabta mal-kawża (l-Artikolu 71 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Kódikas Poinikís Dikonomías — ‘KPD’). Jekk il-qorti ssib lill-akkużat ħati, hija tikkundannah, u tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ kumpens li għandek tirċievi mingħand l-akkużat abbażi tat-talba ċivili tiegħek.

Jekk il-qorti tillibera lill-akkużat, inti tista’ tappella kontra s-sentenza biss jekk tkun ġejt ordnat tħallas lill-akkużat il-kumpens u l-ispejjeż, u f’dak ir-rigward biss, skont l-Artikolu 486(1)(b) KPD. Barra minn hekk, jekk inti tkun parti ċivili, inti tista’ tappella kontra parti mis-sentenza li tkun ċaħdet it-talba tiegħek bħala infondata fil-liġi jew parti li tkun tatek sodisfazzjon jew kumpens finanzjarju (l-Artikolu 488 KPD).

Inkella, inti tista’ titlob lill-prosekutur pubbliku sabiex jappella kontra s-sentenza.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?

Ladarba tidħol fis-seħħ is-sentenza tal-qorti, ir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali ġeneralment jispiċċa. Il-leġislazzjoni Griega ma tagħti lill-vittmi ta’ reat l-ebda dritt ulterjuri fl-istadju meta tiġi eżegwita s-sentenza. Hemm eċċezzjoni waħda biss: jekk inti minorenni vittma ta’ reat kontra l-libertà personali u sesswali, inti għandek id-drittijiet assoċjati kollha, anki jekk ma tkunx isseħibt fil-proċedimenti bħala parti ċivili, inkluż id-dritt li tiġi infurmat mill-prosekutur pubbliku jekk it-trasgressur jinħeles, b’mod proviżorju jew permanenti, jew jekk jingħatalu xi parole meta jkun il-ħabs (l-Artikolu 108A KPD).

Jien intitolat għal appoġġ jew protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Bħala vittma, inti intitolat għal appoġġ u servizzi ta’ kura ġenerali jew speċjalizzati b’xejn u kunfidenzjali, skont il-ħtiġijiet tiegħek, qabel, waqt u għal perjodu ta’ żmien raġonevoli wara t-tmiem tal-proċedimenti kriminali. Dawn id-drittijiet jistgħu jiġu estiżi wkoll għall-membri tal-familja tiegħek, skont il-ħtiġijiet tagħhom u l-gravità tad-danni li jkunu sofrew b’riżultat tar-reat kriminali li jkun twettaq kontra tiegħek. Il-pulizija, jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra li tirċievi l-kwerela tiegħek, tista’ tipprovdilek informazzjoni meta titlobha, jew tirreferik għal: is-servizzi soċjali tal-awtoritajiet tal-gvern lokali tal-ewwel u t-tieni livell; il-faċilitajiet tas-saħħa mentali; iċ-Ċentri tal-Komunità (Kéntra Koinótitas), iċ-ċentri ta’ konsulenza (symvoulevtiká kéntra) tas-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; l-istrutturi ta’ appoġġ taċ-Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali (Ethnikó Kéntro Koinonikís Allilengýis); l-Uffiċċji Indipendenti għall-Protezzjoni ta’ Vittmi Minorenni (Avtotelí Grafeía Prostasías Anílikon Thymáton) tal-Ministeru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem; jew korpi privati u assoċjazzjonijiet professjonali u voluntiera. Jekk inti mara li tkun vittma ta’ reat kontra l-libertà personali jew sesswali tiegħek, jew ta’ sfruttament finanzjarju tal-ħajja sesswali, vjolenza domestika, traffikar tal-bnedmin, akkwist jew kriminalità razzista, it-tfal tiegħek huma wkoll intitolati sabiex jirċievu servizzi ta’ appoġġ u kura (l-Artikolu 61 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt għall-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u kura għall-vittmi (l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

Is-servizzi ġenerali ta’ appoġġ u kura jistgħu jipprovdulek, fost affarijiet oħra, informazzjoni u pariri dwar d-drittijiet tiegħek bħala vittma u l-intitolament tiegħek li titlob kumpens għad-danni kriminali; informazzjoni dwar kif tista’ tipparteċipa fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili jew bħala xhud; informazzjoni dwar jew riferiment dirett għal kwalunkwe servizz ta’ appoġġ speċjalizzat rilevanti li jkun hemm fis-seħħ; appoġġ emozzjonali u psikoloġiku; pariri dwar kwistjonijiet finanzjarji u prattiċi li jirriżultaw mir-reat; jew pariri relatati mal-prevenzjoni tal-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, l-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni.

Is-servizzi ta’ appoġġ u kura speċjalizzati jirreferu lill-vittmi għal kennijiet jew jipprovdu akkomodazzjoni temporanja xierqa oħra għall-vittmi li jkunu jeħtieġu post sigur minħabba riskju imminenti ta’ vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta, intimidazzjoni jew ritaljazzjoni, u jistgħu jipprovdu appoġġ integrat, inkluż appoġġ u konsulenza f’każijiet ta’ trawma, għal vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi, bħall-vittmi ta’ vjolenza razzista jew sesswali, il-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq l-identità jew il-ġeneru, u l-vittmi ta’ vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib (l-Artikolu 62 tal-Liġi 4478/2017, dwar l-appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi (l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jingħata s-sentenza?

Bħala vittma, inti tiġi infurmat dwar il-progress tal-proċedimenti kriminali u nnotifikat dwar id-deċiżjoni tal-qorti mingħajr dewmien bla bżonn, jekk inti titlob dan, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, bil-kundizzjoni li inti tkun isseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili. Jekk tkun isseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili, inti tista’ tingħata informazzjoni dwar il-proċedimenti permezz ta’ email, personalment jew permezz tal-avukat tiegħek (l-Artikolu 59 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt tal-vittmi li jirċievu informazzjoni dwar il-każ tagħhom (l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Ser inkun infurmat jekk it-trasgressur jinħeles (inkluż billi jinħeles qabel iż-żmien jew b’libertà kondizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Inti għandek id-dritt li tiġi infurmat jekk ordni ta’ detenzjoni temporanja tiġi revokata jew mibdula mill-korp ġudizzjarju kompetenti, jew jekk it-trasgressur jinħeles b’mod permanenti, jew ikun ħarab mill-ħabs jew ingħata parole mill-uffiċjali responsabbli tal-faċilità ta’ detenzjoni, inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe miżura li tista’ tittieħed sabiex inti tiġi protett f’każ li t-trasgressur ikun inħeles jew ħarab mill-ħabs. Informazzjoni bħal din trid tingħatalek, soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-prosekutur pubbliku, jekk ikun hemm periklu reali jew potenzjali għas-sigurtà tiegħek, bil-kundizzjoni li ma jinħoloq l-ebda riskju ta’ ħsara għat-trasgressur b’riżultat tad-divulgazzjoni ta’ dik l-informazzjoni (l-Artikolu 59 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt tal-vittmi li jirċievu informazzjoni dwar il-każ tagħhom (l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

Ser inkun involut f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew inressaq appell?

Le. Madankollu, il-Qorti tista’ tirrikjedi r-riparazzjoni tad-dannu mġarrab mill-vittma tal-att kriminali (l-Artikolu 100(3a) tal-Kodiċi Kriminali (Poinikós Kódikas — ‘PK’) bħala alternattiva għal, jew prerekwiżit għas-sospensjoni tas-sentenza, soġġett għal probation jew superviżjoni minn uffiċjal tal-assistenza soċjali (epimelitís koinonikís arogís)(l-Artikolu 100 PK). Il-konformità tat-trasgressur mar-rekwiżiti tal-Qorti tiġi mmonitorjata mill-uffiċjal tal-assistenza soċjali, u f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-prosekutur kompetenti jista’ jitlob lill-qorti li tkun ordnat is-sospensjoni, sabiex tirrevoka l-ordni.

L-aħħar aġġornament: 12/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.