Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Kif nirrapporta delitt?

Jekk inti vittma ta’ delitt, tista’ tirrapporta r-reat lill-prosekutur pubbliku jew lill-pulizija, billi tippreżenta kwerela (énklisi jew mínysi). (F’sens strett, énklisi huwa kwerela magħmula mill-vittma nnifisha. F’ċerti sitwazzjonijiet, il-proċedimenti kriminali jinbdew biss jekk ikun hemm tali kwerela (eż. fil-każ ta’ reati kontra l-unur jew ir-reputazzjoni ta’ persuna). Mínysi huwa kwerela jew rapport kriminali magħmul minn parti li ma tkunx il-vittma, fil-każ ta’ reatfejn l-awtoritajiet jistgħu jipproċedu ex ufficio, irrispettivament minn jekk il-vittma tagħmilx kwerela. Fil-prattika, madankollu, it-terminu mínysi jintuża biex jirreferi għaż-żewġ tipi ta’ kwerela. Għalhekk, meta jiġi ppreżentat kwalunkwe tip ta’ kwerela lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, din tingħata numru uniku tar-reġistru tal-kwereli magħruf bħala arithmós vivlíou minýseon— billi tintuża l-kelma minýsi).

Inti tista’ titlob ukoll lil persuna oħra biex tirrapporta r-reat f’ismek. F’dan il-każ, inti trid tiffirma dikjarazzjoni bil-miktub (dílosi jew exousiodótisi), fejn tindika l-persuna li għandha tippreżenta l-kwerela f’ismek. Din id-dikjarazzjoni ma tiġix f’forma standardizzata, iżda trid tiġi ffirmata quddiem uffiċjal ta’ awtorità tal-gvern ċentrali jew lokali jew quddiem avukat (inkluż l-avukat tiegħek stess, jekk diġà jkollok wieħed), li jawtentika l-firma tiegħek. Il-persuna li tirrapporta r-reat f’ismek tista’ tkun avukat jew xi persuna oħra tal-fiduċja tiegħek. Jekk il-każ ikun wieħed fejn il-proċedimenti kriminali jkunu jirrikjedu kwerela mill-vittma, u l-vittma tkun mejta, id-dritt li tiġi ppreżentata kwerela jgħaddi għand il-konjuġi u t-tfal superstiti tagħha jew għand il-ġenituri tagħha (l-Artikolu 118(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Kódikas Poinikís Dikonomías — “KPD”). Jekk il-vittma tkun mietet b’riżultat tar-reat, dawn il-persuni jistgħu jissieħbu wkoll fil-proċedimenti kriminali għalihom infushom bħala parte civile sabiex ifittxu kumpens għad-danni għall-uġigħ u t-tbatija kkawżati lilhom.

Tista’ tirrapporta reat kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub. Jekk tagħżel li tirrapporta reat bil-fomm, l-uffiċjal li jirċievi l-kwerela tiegħek jabozza rapport li jirreġistrah.

Trid tħallas tariffa biex tippreżenta l-kwerela tiegħek; l-ammont tat-tariffa jiġi aġġustat b’mod perjodiku b’deċiżjoni konġunta tal-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru għall-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem. F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, inti titħalla tħallas it-tariffa wara li tippreżenta l-kwerela, iżda fi kwalunkwe każ inti trid tagħmel dan fi żmien 3 ijiem. Jekk ma tħallasx it-tariffa, il-kwerela tiegħek tiġi miċħuda bħala inammissibbli. M’intix meħtieġ li tħallas it-tariffa jekk tkun intitolat(a) għall-għajnuna legali. M’intix meħtieġ li tħallas it-tariffa lanqas jekk tkun vittma ta’ reat kontra l-libertà sesswali jew ta’ sfruttament finanzjarju tal-ħajja sesswali, vjolenza domestika jew diskriminazzjoni razzista (l-Artikoli 81A u 361B tal-Kodiċi Kriminali (Poinikós Kódikas — “PK”) jew jekk ikun hemm ksur tat-trattament ugwali (l-Artikolu 46(2) KPD).

Fil-każ ta’ reati fejn l-awtoritajiet jistgħu jieħu passi kriminali ex ufficio, irrispettivament minn jekk il-vittma tkunx talbet dan, ma hemmx skadenzi għar-rapportar ta’ reat, ħlief li r-reati ta’ gravità intermedja (plimmelímata) jiġu preskritti wara 5 snin. F’ċerti każijiet, madankollu, jistgħu jittieħdu passi kriminali fir-rigward ta’ reat biss jekk inti l-vittma, li tkun ġarrabt ħsara minnu, titlob li jitressqu proċedimenti kriminali. F’dawn is-sitwazzjonijiet, inti trid tippreżenta kwerela (énklisi) fi żmien 3 xhur mid-data meta ssir taf bir-reat u bl-identità tat-trasgressur (jekk tkun taf min hu t-trasgressur).

Ma hemmx formola standard li tista’ tuża biex tippreżenta kwerela.

Il-kwerela tiegħek għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

  • id-dettalji ta’ identifikazzjoni sħaħ tiegħek;
  • it-trasgressur u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu, jekk tafhom;
  • deskrizzjoni komprensiva tal-fatti;
  • kwalunkwe provi dokumentarji disponibbli li jissostanzjaw il-kwerela tiegħek;
  • kwalunkwe xhud li inti tissuġġerixxi jista’ jiġi eżaminat;
  • id-dettalji tal-avukat tiegħek, jekk qabbadt wieħed.

Jekk ma tifhimx jew ma titkellimx bil-Grieg, inti tista’ tippreżenta kwerela b’lingwa li tifhem, jew tingħata l-assistenza lingwistika meħtieġa, suġġett dejjem għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jew kwalunkwe liġi kriminali speċifika oħra. Inti tista’ titlob traduzzjoni tad-dokument mingħajr ħlas (l-Artikolu 58 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-drittijiet tal-vittmi meta jagħmlu kwerela (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri fil-kawża?

Meta tiġi ppreżentata kwerela, din tingħata numru tar-reġistrazzjoni uniku tal-kwerela. Dak in-numru jippermettilek li timmonitorja l-progress tal-kawża billi tuża r-reġistru miżmum fl-uffiċċju tal-prosekutur jew fl-uffiċċju tal-kwereli responsabbli. Inti tista’ titlob u tikseb ukoll ċertifikat dwar il-progress tal-kawża (pistopoiitikó poreías) li jindika l-istadju attwali tal-proċedimenti.

Jekk il-kawża tiegħek taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Ateni (Protodikeío Athinón), meta tasal il-qorti, l-avukat tiegħek jista’ jimmonitorja l-progress tagħha fuq is-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura ta’ Ateni (Dikigorikós Sýllogos Athinón). Din l-opzjoni ma hijiex disponibbli għall-vittmi nfushom, billi huwa meħtieġ l-użu ta’ kredenzjali.

Jien intitolat għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Matul il-proċess inti jista’ jkollok avukat, iżda trid tħallas għas-servizzi tiegħu.

Jekk l-introjtu annwali tal-familja tiegħek ikun anqas minn żewġ terzi tal-introjtu personali minimu annwali definit fil-Ftehim Kollettiv Nazzjonali Ġenerali tax-Xogħol, inti tiġi pprovdut b’avukat bla ħlas, li jħejji u jippreżenta l-kwerela u jirrappreżentak bħala parte civile fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti, bil-kundizzjoni li inti tkun vittma ta’ xi waħda minn dawn li ġejjin: tortura jew reat ieħor kontra d-dinjità tal-bniedem (l-Artikolu 137(A) u (B) tal-Kodiċi Kriminali); diskriminazzjoni jew trattament mhux ugwali, reat kontra l-ħajja, il-libertà personali jew il-libertà sesswali; sfruttament finanzjarju tal-ħajja sesswali; reat kontra l-proprjetà jew id-drittijiet tal-proprjetà; korriment personali; jew reat relatat maż-żwieġ jew mal-familja. Ir-reat irid ikun reat serju (kakoúrgima) jew reat intermedju (plimmélima) fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tal-qorti komposta minn tliet maġistrati (trimeloús plimmeleiodikeío) li jġorr sentenza minima ta’ 6 xhur priġunerija (il-Liġi 3226/2004 (Il-Gazzetta tal-Gvern 24/Α/ 4/4.2.2004), kif emendata u supplimentata bil-Liġijiet 4274/2014 u 4689/2020). Il-persuna li tivvaluta t-talba tiegħek għall-għajnuna legali f’kawża kriminali hija l-imħallef li jkun qiegħed jippresjedi fil-qorti fejn tkun pendenti l-kawża jew li quddiemha jkun se jitressaq appell.

L-avukat li jidher għalik jgħinek tipprepara u tippreżenta d-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex inti tkun tista’ tissieħeb fil-proċedimenti bħala parte civile u jassistik matul l-andament sħiħ tal-proċedimenti.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel nitla’ l-qorti?

Jekk il-prosekutur fil-qorti tal-maġistrati (eisangeléas plimmeleiodikón) jagħmel ordni li tiċħad il-kwerela tiegħek bħala mingħajr bażi fil-liġi, jew infondata b’mod ovvju fuq il-merti tagħha, jew li ma tistax tiġi vvalutata minn qorti, inti tista’ tikkontesta l-ordni quddiem il-prosekutur responsabbli fil-qorti tal-appell (eisangeléas efetón) (l-Artikoli 47 u 48 KPD) fi żmien 3 xhur mid-data tal-ordni — dan il-limitu taż-żmien ma jista’ jiġi estiż għall-ebda raġuni. Sabiex tikkontesta l-ordni, inti trid tħallas tariffa, li tiġi rimborżata jekk il-prosekutur isostniha.

Nista’ nkun involut fil-proċess?

Inti tista’ tipparteċipa fil-proċess biss jekk tkun parti ċivili (politikó enágon) li titlob lill-qorti sabiex tagħtik kumpens għad-danni għat-telf jew għad-dannu morali jew għall-uġigħ u t-tbatija. Inti tista’ titlob sabiex tissieħeb fil-proċedimenti kriminali bħala parte civile billi tapplika għand il-prosekutur pubbliku responsabbli, fil-kwerela tiegħek jew f’dokument separat, sat-tmiem tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess (l-Artikolu 308 KPD), personalment jew permezz ta’ avukat li jkollu awtorizzazzjoni ġenerali jew speċifika f’dak ir-rigward. It-talba ċivili tiegħek tiġi rreġistrata f’rapport mal-awtorizzazzjoni mehmuża tal-avukat (l-Artikolu 83 KPD). Jekk ma tkunx tlabt biex tiġi ttrattat bħala parte civile fil-kwerela tiegħek, xorta tista’ tagħmel dan fil-qorti kriminali (l-Artikolu 82 KPD) qabel ma l-qorti tibda tevalwa l-provi.

Ir-rikors tiegħek sabiex tidħol fil-proċedimenti bħala parte civile tiġi miċħuda bħala inammissibbli jekk ma tkunx tinkludi deskrizzjoni fil-qosor tal-kawża, ir-raġunijiet għat-talba tiegħek u, jekk ma tkunx residenti permanenti fi ħdan il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti, il-ħatra ta’ aġent fi ħdan dik il-ġuriżdizzjoni. L-aġent ikun intitolat li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti jew l-avviżi kollha indirizzati lilek bħala parte civile (l-Artikolu 84 KPD). Sabiex tinstema’ bħala parte civile fil-qorti kriminali, inti trid taħtar avukat awtorizzat u tħallas tariffa b’rata fissa favur l-Istat, li tkopri l-proċedimenti kollha sakemm tingħata sentenza li ma tkunx għadha soġġetta għal appell. L-ammont tat-tariffa jiġi aġġustat b’mod perjodiku b’deċiżjoni konġunta tal-Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi u tal-Ministru tal-Ġustizzja.

Bħala parte civile, inti tkun parti fil-proċedimenti, b’għadd ta’ drittijiet. Tista’ tattendi s-seduti kollha tal-qorti, inklużi s-seduti bil-magħluq, u għandek aċċess għall-atti kollha tal-kawża. Inti tista’ titkellem quddiem il-qorti biex tippreżenta t-talbiet tiegħek u tista’ tikkummenta wkoll wara li xhud ikun ġie eżaminat jew tagħmel sottomissjonijiet jew tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kwalunkwe xhieda mogħtija jew provi mressqa (l-Artikolu 358 KPD). Tista’ tagħmel mistoqsijiet, permezz tal-avukat tiegħek, lit-trasgressur, lix-xhieda u lill-parteċipanti l-oħra (pereż. kwalunkwe perit maħtur fil-kawża). Inti tintalab tixhed bħala xhud (għalkemm mhux b’ġurament), u tista’ tipproponi wkoll xhieda, bil-kundizzjoni li l-qorti tiġi infurmata fi żmien xieraq. Għandek id-dritt li titlob aġġornament tas-seduta jew is-sostituzzjoni ta’ mħallef.

Fi kwalunkwe każ, bħala vittma, inti tista’ tiġi mħarrek mill-qorti bħala xhud. F’dak il-każ inti obbligat tidher quddiem il-qorti. Meta tiġi eżaminat bħala xhud, inti jkollok l-opportunità li tispjega lill-qorti l-fatti fir-rigward tar-reat. L-imħallef jista’ jistaqsik ukoll xi mistoqsijiet addizzjonali.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, inkun jew nista’ nagħżel li nkun: vittma, xhud, parte civile, jew prosekutur privat? X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Tista’ tagħżel jekk tisseħibx fil-proċedimenti kriminali bħala parte civile, u hekk tkun parti fil-proċedimenti sħaħ, bi drittijiet proċedurali sostanzjali, jew sempliċement tixhed bħala xhud materjali, billi l-proċedimenti kriminali qegħdin iseħħu b’mod partikolari bħala riżultat tar-reat imwettaq kontra tiegħek. Il-kunċett ta’ prosekuzzjoni privata ma jeżistix fis-sistema ġudizzjarja Griega.

Nista’ nagħmel stqarrija jew nixhed matul il-proċess? Taħt liema kundizzjonijiet?

Tista’ tissottometti dokumenti, li jinqraw fil-qorti (l-Artikolu 364 KPD) u jkunu inklużi fil-proċess tal-kawża, u tista’ ssejjaħ ukoll xhieda u tinforma b’dan lill-qorti (l-Artikolu 326(2-1) KPD).

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Tista’ tattendi s-seduti pubbliċi matul il-proċedimenti, il-kumpilazzjoni tal-provi, l-istqarrija ta’ difiża tal-imputat, it-trattazzjonijiet tal-avukati u s-sentenza tal-qorti.

Jista’ jkolli aċċess għall-fajls tal-qorti?

Bħala parte civile inti għandek aċċess għall-kontenut tal-proċess tal-kawża u tista’ tikseb kopji tas-sentenza tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 12/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.