Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Bħala l-vittma, tista’ taġixxi bħala prosekutur aċċessorju privat (Nebenkläger) u fil-prinċipju tista’ tappella kontra deċiżjoni iżda biss jekk id-deċiżjoni tikkonċerna fatti rilevanti għal prosekuzzjoni aċċessorja privata (Nebenklage). Madankollu, ma tistax tressaq appell sempliċement għax ma taqbilx mal-livell tal-penali.

L-iskadenza għal appell kontra deċiżjoni hija ġimgħa. Jekk int jew l-avukat tiegħek kontu preżenti għall-proċess wara l-eżami tiegħek bħala xhud, l-iskadenza tibda fid-data meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni. Inkella, l-iskadenza tibda fid-data meta ntbagħtitlek id-deċiżjoni.

Bħala prosekutur privat (Privatkläger), għandek l-istess dritt li tappella bħall-prosekutur pubbliku li nieda l-proċedimenti pubbliċi.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?

Tiġi notifikat bl-eżitu tal-proċedimenti tal-qorti jekk tkun tlabt din l-informazzjoni minn qabel. Bħala prosekutur aċċessorju privat, tirċievi wkoll kopja tad-deċiżjoni.

Barra minn hekk, bħala l-vittma ta’ reat u fuq talba tiegħek, tiġi notifikat ukoll jekk il-persuna kkundannata ngħatatx struzzjonijiet biex ma tikkuntattjakx jew biex ma tiltaqax miegħek.

Jekk tista’ turi interess leġittimu, jew diġà wrejt interess leġittimu meta ġiet ammessa l-prosekuzzjoni privata aċċessorja tiegħek, tiġi notifikat ukoll dwar jekk il-persuna kkundannata hix se tiffaċċja miżuri ta’ detenzjoni jew arrest, jekk dawn il-miżuri tneħħewx, jekk il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni ġewx rilassati għall-ewwel darba jew jekk ingħatax liv mill-ħabs. Tiġi notifikat bi kwalunkwe rilassament ulterjuri tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jew liv mill-ħabs jekk tista’ turi interess leġittimu u jekk m’hemm l-ebda interess prevalenti li jistħoqqlu l-protezzjoni tal-persuna kkundannata.

Tiġi infurmat ukoll jekk il-persuna kkundannata taħrab mill-arrest. F’każijiet bħal dawn, tkun infurmat ukoll bil-miżuri meħuda għall-protezzjoni tiegħek.

Jekk, pereżempju, wara li jintemm il-proċess, tixtieq tibda azzjoni ċivili kontra l-persuna kkundannata, għandek id-dritt li jkollok aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-fajls tal-proċess kriminali biex tħejji l-azzjoni ċivili tiegħek. Il-persuna kkundannata tingħata smigħ minn qabel biex jiġi determinat jekk hemmx interess prevalenti li jistħoqqlu l-protezzjoni tagħha li jimpedik milli jkollok aċċess għal dawn il-fajls.

Jekk is-sentenza kriminali tagħtik, bħala l-parti ċivili, proċedura ta’ adeżjoni (Adhäsionsantrag) għal danni jew pagament għall-uġigħ u t-tbatija, b’kopja ta’ dik is-sentenza finali int bħala parti ċivili intitolat li tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Eżekuzzjoni jew lil uffiċjal ġudizzjarju eżekuttiv għal miżuri ta’ eżekuzzjoni.

Inkun intitolat għal appoġġ jew għal protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Int intitolat għal appoġġ psikosoċjali matul u wara l-proċedimenti tal-qorti.

Barra minn hekk, kif diġà msemmi, tibqa’ tirċievi protezzjoni matul il-proċedimenti jekk it-theddida kontrik tippersisti.

X’informazzjoni ningħata jekk l-awtur tar-reat jiġi kkundannat?

Kif spjegat hawn fuq (ara “X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?”), fuq talba tiegħek, inti tiġi infurmat bl-eżitu tal-proċedimenti.

Madankollu, ma tiġix infurmat fejn se tinżamm il-persuna kkundannata waqt il-miżuri ta’ detenzjoni jew arrest.

Niġi informat jekk l-awtur tar-reat jiġi liberat (inkluż rilaxx bikri jew liberazzjoni taħt kundizzjoni) jew jekk jaħrab mill-ħabs?

Tkun infurmat b’dan jekk tkun tlabtu (ara wkoll “X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?” hawn fuq).

Inkun involut f’deċiżjonijiet dwar il-liberazzjoni jew ir-rilaxx kundizzjonali? Pereżempju, nista’ nagħmel dikjarazzjoni jew inressaq appell?

Int ma tkunx involut f’deċiżjonijiet dwar il-liberazzjoni jew ir-rilaxx kundizzjonali, u lanqas ma tista’ tappella kontrihom. Meta tieħu deċiżjonijiet dwar il-liberazzjoni jew ir-rilaxx kundizzjonali, il-Qorti tista’ timponi miżuri biex tipproteġik (pereżempju, ordni ta’ restrizzjoni) jew biex tagħtik kumpens jew riparazzjoni (eż. pagament ta’ danni). Jekk tkun meħtieġa superviżjoni soċjali u ġudizzjarja (Führungsaufsicht) wara li l-persuna kkundannata tinħeles mill-arrest, il-Qorti tista’ wkoll toħroġ ordni ta’ restrizzjoni f’każijiet bħal dawn. Jekk il-persuna kkundannata tmur kontra l-ordni ta’ restrizzjoni, tista’ terġa’ tiġi kkundannata.

L-aħħar aġġornament: 20/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.