Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

X’informazzjoni nirċievi mill-awtoritajiet wara li jkun seħħ id-delitt (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) iżda anki qabel ma nirrapporta d-delitt?

Sabiex jgħin lill-vittmi ta’ delitti u jipprovdi gwida dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernawhom, il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (BMJV) ippubblika skeda informattiva għall-vittmi ta’ delitti u manwal għall-vittmi, u żviluppa l-pjattaforma http://www.hilfe-info.de/.

L-iskeda informattiva għall-vittmi ta’ delitti hija disponibbli f’aktar minn 25 lingwa fuq il-paġna ewlenija tal-BMJV u permezz tal-pjattaforma “hilfe-info.de”. Tipprovdi informazzjoni konċiża dwar kif issib organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi, dwar kif tirrapporta delitt, dwar kif tikseb informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali, dwar ix-xhieda, u dwar l-ispejjeż, ir-rappreżentanza legali u l-kumpens.

Il-manwal għall-vittmi (Opferfibel) jipprovdi deskrizzjoni aktar dettaljata tad-drittijiet tal-partijiet leżi fi proċedimenti kriminali, inklużi ittri standard u indirizzi ta’ kuntatt.

Aktar informazzjoni dwar assistenza psikosoċjali possibbli tinsab f’fuljett apposta, li huwa disponibbli wkoll online bil-Ġermaniż u bl-Ingliż.

Sabiex jipprovdi aċċess online għal informazzjoni ewlenija, il-BMJV żviluppa pjattaforma nazzjonali għall-protezzjoni tal-vittmi. Informazzjoni dwar assistenza u konsulenza, kumpens u t-tmexxija ta’ proċedimenti kriminali tinsab fuq http://www.hilfe-info.de/. Lokalizzatur ta’ ċentri ta’ konsulenza jagħti informazzjoni lill-vittmi dwar fejn jistgħu jiksbu għajnuna malajr fiż-żona lokali tagħhom bit-telefon, online jew personalment.

Il-pjattaforma “Hilfe-Info.de” tipprovdi informazzjoni speċifika għal vittmi ta’, pereżempju, vjolenza fl-ambjent personali tagħhom u vjolenza sesswali, ċiberkriminalità jew atti terroristiċi. Tippreżenta persuni ta’ kuntatt bħall-Kummissarju tal-Gvern Federali għall-vittmi u s-superstiti ta’ atti terroristiċi fil-Ġermanja, Edgar Franke.

Interfaċċa ta’ għajnuna tippermetti lill-utenti jsibu s-servizzi ta’ appoġġ it-tajbin direttament u malajr. L-intervisti bil-vidjow u bl-awdjo, kif ukoll vidjows illustrattivi, jispjegaw diversi forom ta’ għajnuna.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ id-delitt (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti d-drittijiet tiegħi?

Tista’ tirrapporta d-delitt lil għassa tal-pulizija jew lil prosekutur pubbliku Ġermaniż. Il-prosekutur pubbliku mbagħad jeżamina jekk huwiex possibbli li titressaq prosekuzzjoni fil-Ġermanja. Jekk dan ma jkunx il-każ jew jekk mhux possibbli li titressaq prosekuzzjoni fil-Ġermanja għal raġunijiet oħra, il-prosekutur pubbliku jibgħat il-każ lill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru l-ieħor tal-UE fejn twettaq ir-reat.

Jekk nirrapporta delitt, x’informazzjoni nirċievi?

Tirċievi konferma bil-miktub tar-rapport tiegħek, li jkun fiha sommarju qasir tad-dikjarazzjoni tiegħek dwar il-ħin, il-post u r-reat irrappurtat.

Jekk tlabt dan fir-rapport tiegħek, tkun mgħarraf jekk l-investigazzjoni tkunx ingħalqet, bil-post u l-ħin tal-proċess, bl-akkużi miġjuba kontra l-akkużat u bl-eżitu tal-proċedimenti ġudizzjarji.

Barra minn hekk, bħala vittma tad-delitt tkun infurmat fuq talba jekk il-persuna kkundannata ġietx ordnata biex ma tikkuntattjakx jew ma tersaqx lejk.

Jekk turi interess leġittimu jew diġà għamilt dikjarazzjoni korrispondenti fil-proċedimenti għall-inklużjoni tiegħek bħala parti ċivili, tista’ tiġi infurmat ukoll jekk il-persuna akkużata jew ikkundannata ġietx arrestata jew miżmuma, jew meħlusa, jew jekk ir-reġim tal-ħabs tagħha ġiex rilassat jew ingħatatx liv mill-ħabs għall-ewwel darba. Tkun infurmat bi kwalunkwe rilassament ulterjuri tar-reġim tal-ħabs jew tal-liv mill-ħabs jekk ikollok interess leġittimu u l-persuna kkundannata ma jkollhiex interess prevalenti.

Tkun innotifikat ukoll jekk il-persuna kkundannata taħrab mid-detenzjoni. F’dan il-każ, tkun infurmat ukoll bil-miżuri meħuda għall-protezzjoni tiegħek.

Għandi dritt għal servizzi ta’ interpretazzjoni jew ta’ traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Meta tirrapporta delitt tirċievi l-għajnuna li għandek bżonn biex tipproduċi r-rapport tiegħek f’lingwa li tifhem, mingħajr l-ebda spiża. Fuq talba, tirċievi konferma bil-miktub tar-rapport fil-lingwa tiegħek.

Jekk meħtieġ, tingħata interpretu bla ħlas meta tkun interrogat waqt l-investigazzjoni u matul l-istadju tal-proċess, u wkoll jekk tieħu sehem attiv fil-proċedimenti bħala parti ċivili.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

It-tfal jiġu interrogati minn intervistaturi ta’ esperjenza li huma mħarrġa b’mod speċjali. Proċedimenti li jinvolvu reati mwettqa minn adulti kontra tfal jew żgħażagħ (każijiet ta’ protezzjoni tal-minorenni) huma ttrattati minn maġistrati u prosekuturi mis-sistema tal-minorenni li huma mħarrġa u għandhom esperjenza fl-edukazzjoni u t-trobbija taż-żgħażagħ.

Persuna li għandha diżabilità fis-smigħ jew fit-taħdit tista’ tagħżel li l-komunikazzjoni ssir bil-fomm, bil-miktub jew permezz ta’ faċilitatur maħtur mill-qorti (eż. interpretu tal-lingwa tas-sinjali). Il-qorti għandha tipprovdi l-mezzi tekniċi xierqa għal komunikazzjoni orali u bil-miktub.

Persuna nieqsa mid-dawl jew b’vista parzjali tista’ tippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub u dokumenti oħra lill-qorti f’forma li tkun tista’ tinqara minnha, b’mod partikolari bil-Braille. Fuq talba tagħhom, is-sottomissjonijiet tagħhom u dokumenti oħra relatati mal-proċedimenti ġudizzjarji għandhom normalment isiru aċċessibbli u għandhom jingħataw ukoll aċċess għall-fajl tal-kawża mingħajr ma jġarrbu spejjeż addizzjonali.

Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ għall-vittmi?

Fi proċedimenti kriminali, bħala vittma ta’ delitt, tista’ tirċievi assistenza legali minn avukat, bħal avukat tax-xhud għax-xhieda tiegħek jew bħala parti ċivili intitolata li tintervjeni fil-proċedimenti anki qabel ma tiddikjara x-xewqa tiegħek li tintervjeni fihom. Tista’ tkun rappreżentat minn avukat li jispeċjalizza fil-konsulenza ta’ partijiet leżi jew tkun akkumpanjat minn persuna li tafda waqt l-interrogazzjoni, sakemm dan ma jippreġudikax l-iskop tal-investigazzjoni.

Minbarra assistenza legali, huwa wkoll possibbli li tirċievi għajnuna psikosoċjali qabel, waqt u wara l-proċess, li l-qorti tipprovdi bla ħlas lil tfal vittmi ta’ delitti sesswali u vjolenti, kif ukoll lil vittmi adulti partikolarment vulnerabbli ta’ reati vjolenti u sesswali serji. Għal aktar informazzjoni, ara l-iskeda informattiva dwar l-għajnuna psikosoċjali.

Fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-istati federali (Länder) huma responsabbli biex jipprovdu appoġġ ġenerali għall-vittmi. Ħafna Länder diġà ħatru rappreżentanti tal-vittmi jew waqqfu punti uniċi ta’ servizz għall-vittmi ta’ vjolenza. Huma jaġixxu taħt l-awtorità tagħhom stess, skont il-qasam ta’ responsabbiltà definit. Aktar informazzjoni dwar il-kummissarji tal-vittmi, is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jew is-servizzi ta’ konsulenza, kif ukoll it-tipi ta’ għajnuna disponibbli, tinsab fuq http://www.hilfe-info.de/ u fl-iskeda informattiva “Id-Dritt Tiegħi għal Appoġġ u Assistenza”.

Il-pulizija jirreferuni awtomatikament għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi?

Il-pulizija tgħidlek jekk intix intitolat għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, li jvarjaw minn konsulenza permezz ta’ akkomodazzjoni protetta għal terapija.

Int liberu li tiddeċiedi jekk tiħux dawn is-servizzi jew le. Ir-riferiment mhuwiex awtomatiku.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Id-data personali u l-informazzjoni dwarek jiġu kondiviżi biss ma’ organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi fuq talba tiegħek u bil-kunsens espliċitu tiegħek.

Għandi nirrapporta delitt qabel ma nkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

Le, is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jipprovdu appoġġ irrispettivament minn jekk irrapportajtx delitt.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni hemm disponibbli? Min jista’ joffrili protezzjoni?

Jekk inti espost għal riskji bħala riżultat tax-xhieda tiegħek fi proċedimenti kriminali, hemm modi differenti kif tiġi protett:

F’tali każijiet, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jippermetti li d-dettalji personali jinżammu kompletament jew parzjalment kunfidenzjali.

Bħala regola ġenerali, int għandek tipprovdi dettalji sħaħ tal-identità u l-indirizz tiegħek meta tagħti x-xhieda tiegħek.

Jekk hemm indikazzjonijiet ċari u tanġibbli li l-iżvelar tal-post ta’ residenza tiegħek jista’ jipperikola d-drittijiet legali tiegħek jew dawk ta’ persuni oħra, pereżempju għax għandek raġuni biex tinkwieta li xi ħadd se jkun qiegħed isegwik jew hemm raġuni biex temmen li int jew oħrajn tistgħu tiġu affettwati ħażin, pereżempju biex tiġi evitata jew influwenzata d-dikjarazzjoni vera tiegħek, ma għandekx għalfejn tindika l-post tar-residenza tiegħek. Tista’ mbagħad tipprovdi indirizz ieħor li fih tista’ tiġi kkuntattjat u fejn l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jibagħtu l-korrispondenza (eż. taħrika tal-qorti), pereżempju l-indirizz ta’ avukat jew ta’ organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi. Jekk ikun hemm riskju għall-ħajja u l-persuna jew għal-libertà tiegħek, tista’ saħansitra titħalla żżomm l-identità tiegħek kompletament sigrieta. Id-dokumenti relatati mal-indirizz proprja tad-dar jew l-identità tiegħek jinħażnu separatament mill-fajls tal-kawża mill-prosekutur pubbliku sakemm ir-riskju jkun għadda.

Il-protezzjoni tax-xhieda mill-pulizija hija wkoll possibbiltà jekk:

  • qed tixhed bħala xhud fil-proċedimenti u;
  • id-dikjarazzjoni tiegħek hija essenzjali;
  • il-persuna tiegħek, ħajtek, saħħtek, il-libertà jew il-valuri materjali importanti tiegħek huma f’riskju;
  • taċċetta l-miżuri ta’ protezzjoni tal-vittma; u
  • il-miżuri jkunu adattati għas-sitwazzjoni tiegħek,

int u l-qraba tiegħek tistgħu, jekk meħtieġ, tkunu inklużi fi programm ta’ protezzjoni tal-vittma. Il-programm jinkludi b’mod espliċitu l-possibbiltà li tbiddel temporanjament l-identità tiegħek.

Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika, tista’ titlob lill-qorti kompetenti tal-familja biex tagħtik l-użu uniku tad-dar tal-familja kondiviża fil-futur u biex l-awtur tar-reat ikun ipprojbit li javviċinak jew jikkuntattjak. Il-pulizija tista’, bħala l-ewwel miżura qabel digriet tal-qorti, tneħħi lill-awtur tar-reat mid-dar tal-familja jew tarrestah. Jekk minorenni huwa vittma ta’ vjolenza fil-familja, il-ġenitur għandu jikkuntattja mhux biss lill-pulizija iżda wkoll lill-uffiċċju tal-benessri taż-żgħażagħ (Jugendamt) bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-għajnuna u miżuri ta’ protezzjoni għall-minorenni.

Ikun hemm xi ħadd li jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk ninsabx f'riskju ta’ aktar ħsara mill-awtur tar-reat?

Il-miżuri protettivi jinżammu sakemm ikun għad hemm riskju. Jekk isiru magħrufa indikazzjonijiet ta’ riskju ġdid jew estiż, il-pulizija tieħu l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa.

Ikun hemm xi ħadd li jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar ħsara mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Matul il-proċedimenti kriminali, il-pulizija, il-prosekutur pubbliku u l-qorti għandhom dejjem iqisu l-vulnerabbiltà speċifika tax-xhieda li huma fl-istess ħin partijiet leżi.

X’tip ta’ protezzjoni hija disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

B’mod partikolari, jittieħdu l-miżuri li ġejjin għall-protezzjoni ta’ vittmi vulnerabbli:

  • Fejn ikun hemm riskju urġenti ta’ preġudizzju serju għall-aħjar interessi tax-xhud matul l-investigazzjoni u fl-istadju tal-proċess, ix-xhieda jiġu interrogati permezz ta’ links vidjow u awdjo, sabiex ix-xhud ma jkollux għalfejn ikun fl-istess kamra mal-persuna akkużata.
  • Il-pubbliku jista’ jiġi eskluż mill-awla jekk jiġu indirizzati ċirkostanzi li jinvolvu l-ħajja personali tal-parti leża.
  • Mistoqsijiet malafamanti jew mistoqsijiet dwar il-ħajja privata ta’ persuna huma ammissibbli biss jekk huma essenzjali.

Jiena minorenni. Għandi drittijiet speċjali?

Jekk għandek inqas minn 18-il sena, il-liġi tipprevedi li tiġi interrogat minn imħallef u possibilment irreġistrat fuq vidjow jew audio tape. Jekk int vittma ta’ delitt sesswali jew vjolenti, ir-reġistrazzjoni tista’ tiġi ppreżentata fil-proċess u użata bħala evidenza, li tista’ anki tiffrankalek milli jkollok tattendi l-qorti u terġa’ tiġi interrogat fl-istadju tal-proċess.

Il-prosekutur pubbliku huwa meħtieġ li jħaffef investigazzjonijiet bħal dawn.

Bħala xhud minorenni, m’intix soġġett għall-interrogazzjoni mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fis-seduta prinċipali. L-interrogazzjoni ssir mill-imħallef li jippresjedi biss. Jekk il-prosekutur pubbliku jew id-difiża għandhom mistoqsijiet għalik, normalment huma għandhom jistaqsuhom permezz tal-qorti.

Membru tal-familja miet kaġun ta’ delitt. X’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Il-qraba ta’ persuni li mietu jistgħu jressqu azzjoni ċivili fi proċedimenti kriminali u, f’dan il-kuntest, huma intitolati għal assistenza legali.

Huma eliġibbli wkoll għall-għajnuna fil-forma ta’ assistenza psikosoċjali.

Jekk qarib imut kaġun ta’ delitt vjolenti, il-kumpens huwa disponibbli skont l-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi (ara wkoll kumpens - kumpens għall-vittmi).

Membru tal-familja kien vittma ta delitt. X’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Il-qraba jistgħu wkoll jagħmlu użu mill-possibbiltà li jikkuntattjaw korpi konsultattivi speċjalizzati biex jiksbu informazzjoni u pariri.

Il-ġenituri jistgħu wkoll ifittxu parir bla ħlas u b’mod anonimu mill-hotline tal-ġenituri 0800 1110550.

Jekk qarib tiegħek għandu jixhed bħala xhud u int m’intix xhud fil-proċedimenti, tista’ takkumpanjah u tassistih waqt l-interrogazzjoni.

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Inkun sikur waqt il-medjazzjoni?

Jekk int u l-akkużat taqblu, fil-Ġermanja huwa possibbli li tiddaħħal fis-seħħ proċedura ta’ medjazzjoni magħrufa bħala “ġustizzja restorattiva” (Täter-Opfer-Ausgleich). Il-prosekutur pubbliku u l-qorti għandhom jeżaminaw, f’kull stadju tal-proċedimenti, il-possibbiltajiet biex jintlaħaq ftehim bejn l-akkużat u l-vittma tad-delitt u, f’każijiet xierqa, li jaħdmu lejn tali soluzzjoni. Madankollu, l-awturi ta’ reati jew il-vittmi jistgħu wkoll jikkuntattjaw direttament huma stess servizz tal-ġustizzja restorattiva. Il-proċedura tal-ġustizzja restorattiva nnifisha sseħħ barra l-proċedimenti kriminali, ħafna drabi bil-parteċipazzjoni ta’ medjaturi mħarrġa apposta. Bħala regola, huma inizjalment ikollhom diskussjonijiet separati mal-partijiet dwar ir-rieda tagħhom li jikkooperaw u l-ideat tagħhom rigward il-kumpens. Prerekwiżit għal ġustizzja restorattiva huwa, fil-prinċipju, li ż-żewġ naħat ikunu lesti li jikkooperaw. Fl-istess ħin, l-akkużat għandu jaċċetta wkoll grad ta’ responsabbiltà għall-att ħażin imwettaq. Pagamenti fi flus jew riparazzjonijiet oħra huma spiss miftiehma bħala parti minn tali ġustizzja restorattiva.

Barra minn hekk, sabiex tkun tista’ tressaq prosekuzzjoni privata, proċedura ta’ medjazzjoni minn qabel imwettqa f’korpi ta’ arbitraġġ provinċjali hija prerekwiżit għal ċerti reati, bħal dħul mingħajr permess fil-proprjetà privata, malafama, ksur tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza u offiża fuq il-persuna.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tistipula x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Il-lista (mhux eżawrjenti) fiha l-punti ewlenin tal-leġiżlazzjoni li tistipula dispożizzjonijiet dwar id-dritt kriminali, ċivili u proċedurali. Il-links jidderiġuk lejn it-testi legali:

  • Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung– StPO) – bil-Ġermaniż u bl-Ingliż
  • L-Att dwar il-Kostituzzjoni tal-Qrati (Gerichtsverfassungsgesetz– GVG) – bil-Ġermaniż
  • Il-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch– StGB) – bil-Ġermaniż u bl-Ingliż
  • L-Att dwar l-Armonizzazzjoni tal-Protezzjoni tal-Vittmi (Zeugenschutzharmonisierungsgesetz– ZSHG) – bil-Ġermaniż
  • L-Att dwar il-Protezzjoni Kontra l-Vjolenza (Gewaltschutzgesetz) – bil-Ġermaniż
  • Il-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch) – bil-Ġermaniż u bl-Ingliż
  • L-Att dwar ir-Residenza (Aufenthaltsgesetz) – bil-Ġermaniż
  • L-Att dwar il-Qorti tal-Minorenni (Jugendgerichtsgesetz) – bil-Ġermaniż u bl- Ingliż
  • L-Att dwar l-Allowances tal-Qorti (Justizvergütungs- und -Entschädigungsgesetz) – bil-Ġermaniż
  • Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung) – bil-Ġermaniż
  • L-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi (Opferentschädigungsgesetz) – bil-Ġermaniż u bl-Ingliż
L-aħħar aġġornament: 20/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.