Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

X’informazzjoni nirċievi mingħand l-awtorità wara li jkun seħħ ir-reat kriminali (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) iżda qabel ma nirrapporta r-reat kriminali?

Jekk ir-reat kriminali ma jiġix irrapportat u kkomunikat lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew lill-pulizija jew lill-ġendarmerija, int ma tingħata l-ebda informazzjoni, minħabba li l-awtoritajiet ma jkunux konxji mir-reat kriminali.

Jekk ir-reat kriminali jiġi kkomunikat lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew lill-pulizija jew lill-ġendarmerija permezz ta’ kwalunkwe mezz (għajr għal kwerela minnek bħala l-vittma), tissejjaħ biex tagħti d-dettalji tal-ħsara li ġarrabt u ċ-ċirkostanzi tar-reat kriminali, u tiġi infurmat bid-drittijiet tiegħek f’dak il-punt.

Jekk tirrapporta r-reat kriminali lill-pulizija jew lill-ġendarmerija jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji int stess, aktarx li tiġi interrogat malli l-fatti jiġu rrapportati u tiġi infurmat bid-drittijiet tiegħek.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat kriminali (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif huma mħarsa d-drittijiet tiegħi?

Jekk int ċittadin Franċiż, tista’ tressaq kwerela lil kwalunkwe għassa tal-pulizija jew unità tal-ġendarmerija fi Franza. Il-kwerela tiegħek tiġi indirizzata fi Franza jekk l-awtoritajiet Franċiżi jkollhom il-ġuriżdizzjoni jew jiġi riferut lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat fejn ikun seħħ ir-reat kriminali.

Jekk int ċittadin barrani u kont vittma ta’ reat kriminali mwettaq fi Franza, tista’ tressaq kwerela fi kwalunkwe għassa tal-pulizija jew unità tal-ġendarmerija fi Franza. Matul is-smigħ jew it-tressiq tal-kwerela, tista’ tiġi assistit minn interpretu. Int tiġi infurmat bl-eżitu bi kwalunkwe mezz xieraq, u d-drittijiet tiegħek jiġu protetti bl-istess mod bħad-drittijiet taċ-ċittadini Franċiżi, minħabba li l-liġi tistabbilixxi l-istess regoli dwar vittmi li jinfurmaw u l-ħarsien tad-drittijiet tagħhom, bl-ebda distinzjoni abbażi ta’ nazzjonalità.

Int intitolat għal għajnuna legali jekk int ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li ffirma ftehim internazzjonali ma’ Franza.

Fl-aħħar nett, il-vittmi li jressqu ilment jew jixhdu kontra xi ħadd għall-akkwist jew it-traffikar ta’ bnedmin huma intitolati li jiksbu awtorizzazzjoni provviżorja biex jibqgħu fi Franza, li tintitolahom jaħdmu, sakemm il-preżenza tagħhom ma tikkostitwix theddida għall-ordni pubbliku.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Meta tirrapporta reat, jittiħdulek id-dettalji ta’ kuntatt tiegħek biex tiġi kkuntattjat matul l-investigazzjoni. Tiġi infurmat ukoll bid-drittijiet tiegħek u bil-mod li bihom tista’ teżerċita dawn id-drittijet.

Informazzjoni għall-vittma dwar il-progress tal-investigazzjoni

Tista’ tistaqsi lill-pulizija jew lill-ġendarmerija, lill-prosekutur jew lill-imħallef inkwirenti (jekk il-każ jiġi riferit) dwar il-progress tal-investigazzjoni li taffettwak.

Fil-każ ta’ reat, u għal ċerti atti, jekk inti parti ċivili, tiġi infurmat kull sitt xhur mill-imħallef inkwirenti bil-progress tal-proċedimenti.

L-informazzjoni għall-vittma dwar l-eżitu ta’ investigazzjoni

Meta l-investigazzjoni tintemm, tiġi infurmat bid-deċiżjoni li tkun ittieħdet: liberazzjoni, alternattiva għall-prosekuzzjoni, it-taħrika tal-imputat biex jidher il-qorti. Jekk ikun se jseħħ proċess kriminali, tiġi infurmat bl-akkużi mressqa kontra s-suspettat, bid-data u bil-post tas-smigħ.

Informazzjoni għall-vittma meta l-każ jiġi riferit lil imħallef inkwirenti.

Meta tinfetaħ inkjesta ġudizzjarja, l-investigazzjoni tiġi fdata mill-prosekutur pubbliku lil imħallef inkwirenti. L-imħallef inkwirenti irid jinfurmak li l-investigazzjoni ġudizzjarja nfetħet, li għandek id-dritt li tkun parti ċivili u liema huma l-proċeduri biex teżerċita dak id-dritt. Jekk int minuri, din l-informazzjoni tingħata lir-rappreżentanti legali tiegħek.

Fin-notifika lill-vittma, l-imħallef inkwirenti jinfurmak ukoll li għandek id-dritt, jekk inti parti ċivili, li tkun assistit minn avukat li tagħżel inti jew li jiġi maħtur fuq talba tiegħek mill-president tal-kamra tal-avukati, filwaqt li jiġi ddikjarat li l-ispejjeż ikunu mġarrba minnek sakemm ma għandekx aċċess għal għajnuna legali (ara l-kundizzjonijiet) jew assigurazzjoni tal-ispejjeż legali.

Informazzjoni għall-vittma dwar iċ-ċirkostanzi tal-persuna ssuspettata

Int ma tiġix neċessarjament infurmat jekk l-allegat trażgressur huwiex qed jinżamm arrestat, jew inħelisx mill-ħabs.

Min-naħa l-oħra, dejjem tiġi infurmat dwar il-ħelsien ta’ qabel il-proċess taħt superviżjoni ġudizzjarja tal-allegat trażgressur jekk tinħareġ ordni ta’ trażżin biex tipproteġik.

Għandi dritt għal servizzi ta’ interpretazzjoni jew ta’ traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess kriminali)?

Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx biżżejjed il-Franċiż, l-unità tal-pulizija jew tal-ġendarmerija jsejħu interpretu meta tirrapporta r-reat kriminali. L-interpretu jkun preżenti matul is-smigħ tiegħek, iżda anke waqt li tkellem l-avukat, kif ukoll matul il-proċess kriminali.

Matul l-investigazzjoni, tista’ titlob traduzzjoni tal-partijiet essenzjali tal-atti mingħand l-imħallef inkarigat mill-każ. Din it-traduzzjoni tkun mingħajr ħlas jekk tkun tikkonċerna dokumenti importanti, iżda tkun soġġetta għal pagament jekk tkun relatata ma’ dokumenti oħra.

Xi dokumenti dwar id-drittijiet tal-vittmi diġà ġew tradotti fl-aktar lingwi komuni u għalhekk jagħtuhomlok il-pulizija jew il-ġendarmi.

L-awtorità kif tiżgura li qed nifhem u li qed niġi mifhum(a) (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabbiltà)?

Jekk għandek diżabbiltà li qed tillimita l-komunikazzjoni tiegħek, tiġi assistit minn interpretu msejjaħ mill-uffiċjali jew mill-imħallfin inkwirenti. L-interpretu jakkumpanjak matul is-smigħ, l-interregozzjonijiet bl-avukat, jew matul il-proċess kriminali.

Jekk m’intix kapaċi taqra, id-dokumenti jaqrahomlok xi ħadd.

Jekk int minuri, is-seduta tiġi adattata għall-età u l-livell ta’ maturità tiegħek, u ssir minn interrogaturi mħarrġa b’mod speċjali, xi drabi akkumpanjati minn psikologu. Kull meta possibbli, meta jkun meħtieġ aktar minn smigħ wieħed, ikun l-istess interrogatur li jinterrogak.

F’xi għases tal-pulizija jeżistu kmamar speċifiċi li joħolqu ambjent li jiffavorixxi t-tfal u li jagħmel is-seduta anqas formali.

F’seduta, dejjem tista’ titlob li tkun akkumpanjat minn adult li tagħżel inti.

Fl-aħħar nett, jekk l-investigazzjoni tkun tikkonċerna atti serji, u b’mod partikolari r-reati kriminali kollha ta’ natura sesswali, is-seduta tiġi ffilmjata, jew tal-anqas irrekordjata.

Servizzi ta’ appoġġ lill-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ lill-vittmi?

L-appoġġ għall-vittmi jiġi pprovdut mill-assoċjazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi. L-għan ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet huwa li jipprovdu gwida, assistenza soċjolegali jew appoġġ psikoloġiku lill-vittmi kollha ta’ reat, kemm jekk ikun qed jipparteċipaw fi proċedimenti legali kif ukoll jekk le.

L-assoċjazzjonijiet imexxu l-uffiċċji ta’ appoġġ lill-vittmi f’kull qorti reġjonali, biex jipprovdu assistenza u jappoġġaw lill-vittmi affettwati minn proċedimenti li għadhom għaddejjin.

Barra minn hekk, assoċjazzjonijiet speċjalizzati jistgħu jipprovdu appoġġ xieraq lill-vittmi ta’ reati speċifiċi (pereżempju, vjolenza domestika).

Il-pulizija jirreferuni awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Int tiġi infurmat bi kwalunkwe mezz xieraq dwar id-dritt tiegħek li tkun assistit minn servizz li jappartjeni għal awtorità pubblika jew minn assoċjazzjoni tal-appoġġ għall-vittmi li tingħata d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Il-liġi ma tipprevedix li s-servizzi tal-pulizija jew tal-ġendarmerija jikkuntattjaw lill-assoċjazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi direttament, iżda meta l-uffiċjali tal-benesseri soċjali (assistenti soċjali jew psikologi) ikunu preżenti fuq il-post, jew minħabba li jkunu ntalbu jattendu jew minħabba li jkollhom uffiċċju on-call, huma jistgħu jassistuk fil-proċess.

Kull Direttorat Dipartimentali tas-Sigurtà Pubblika għandu uffiċjal tal-appoġġ għall-vittmi dipartimentali. Il-kompitu tagħhom huwa li jżommu kuntatt mal-assoċjazzjonijiet, li jtejbu l-mod li bih jintlaqgħu l-vittmi, li jiċċentralizzaw l-informazzjoni li hija utli għall-vittmi, u li jżommu rendikont tal-progress tal-proċedimenti kriminali sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-progress tal-investigazzjonijiet.

Kull ġendarmerija dipartimentali għandha uffiċjali tal-appoġġ għall-vittmi “prevenzjoni/sħubija/kuntatt”.

Meta titressaq kwerela kontra X għal reati kriminali, il-pulizija jagħti awtomatikament il-formola ta’ appoġġ għall-vittmi lill-kwerelant, biex ikun infurmat dwar x’jagħmel l-Istitut Nazzjonali għall-Appoġġ u l-Medjazzjoni tal-Vittmi (INAVEM) u biex jipprovdi dettalji ta’ kuntatt ta’ assoċjazzjonijiet jew servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-vittmi.

Sussegwentement, il-prosekutur pubbliku jista’ jirreferi lill-vittma ta’ reat kriminali direttament lil assoċjazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi.

Fil-każ ta’ aċċident li jinvolvi għadd kbir ta’ nies (aċċident tal-massa jew att terroristiku), l-assoċjazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi jistgħu jaċċessaw il-lista ta’ vittmi u jikkuntattjawhom direttament.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Matul investigazzjoni, għandek id-dritt, bl-awtorizzazzjoni tal-prosekutur pubbliku, li ma tiżvelax l-indirizz privat tiegħek u tiddikjara l-indirizz tal-brigata tal-ġendarmerija jew tal-għassa tal-pulizija, jew bil-kunsens espliċitu tagħhom, l-indirizz ta’ parti terza.

Fl-aħħar nett, tista’ titlob proċess kriminali mhux pubbliku, li l-imħallfin ma jistgħux jirrifjutaw jekk int ġarrabt stupru, tortura jew atti ta’ moħqrija akkumpanjati minn attakk sesswali. F’każijiet oħra, il-proċess kriminali jkun privat biss jekk inti, jew parti ċivili oħra, ma toġġezzjonawx.

Fi kwalunkwe każ, l-identità tiegħek b’ebda mod ma tista’ tissemma fil-midja, sakemm ma tagħtix l-awtorizzazzjoni għal dan.

Barra minn hekk, is-servizzi pprovduti mill-assoċjazzjonijiet tal-appoġġ għall-vittmi u d-data li jiġbru huma kompletament kunfidenzjali.

L-ewwel irrid inkun irrapportajt delitt biex inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

Mhux meħtieġ li tressaq kwerela biex tibbenefika mill-appoġġ ta’ assoċjazzjoni tal-appoġġ għall-vittmi.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli?

Jekk esperjenzajt vjolenza domestika, min abbuża minnek jista’ jiġi mġiegħel jitlaq mid-dar tal-familja, ma jitħalliex imur ċerti postijiet, jew ikun mitlub jagħmel trattament mediku jew psikoloġiku.

Jekk ġarrabt vjolenza mingħand l-(eks)konjuġi jew l-(eks)konkubin tiegħek u fil-każ ta’ theddida serja għalik, il-prosekutur pubbliku jista’ jassenjalek apparat ta’ teleprotezzjoni (telefown tal-SOS). Vittma tal-vjolenza domestika tista’ tapplika wkoll fil-qorti tal-familja għal ordni ta’ trażżin, li tqiegħed ċerti restrizzjonijiet fuq it-trażgressur meta jkun hemm raġuni valida biex jiġi emmnut li l-vjolenza allegata tkun twettqet u li l-vittma tkun fil-periklu.

Il-qorti tista’ tipproteġi lilek u lill-familja tiegħek minn theddidiet jew pressjoni possibbli mill-allegat trażgressur billi tieħu passi biex tipprevjeni kwalunkwe kuntatt, bħal arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża, superviżjoni ġudizzjarja jew restrizzjonijiet ġudizzjarji oħra.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

Il-protezzjoni għall-vittmi hija r-responsabbiltà tal-awtorità ġudizzjarja, li tqis ir-riskji u l-ħtiġijiet tal-vittmi sabiex tordna ċerti deċiżjonijiet, bħall-projbizzjoni tal-kuntatt jew projbizzjoni fuq li wieħed imur f’ċerti postijiet, bħad-dar tal-vittma. Id-deċiżjonijiet li jimponu dawn il-projbizzjonijiet jitressqu lill-għases tal-pulizija u lill-brigati tal-ġendarmerija li mbagħad ikunu responsabbli biex jiżguraw li dawn jiġu mħarsa. Jekk il-persuna li tkun ġiet akkużata jew li tinsab ħatja tikser il-projbizzjoni, din tista’ tiġi arrestata, minħabba li l-ksur jista’ jkun raġuni għal priġunerija jew li din tiġi akkużata b’reat ġdid.

Jekk tkun ingħatajt apparat ta’ protezzjoni speċjali (telefown tal-SOS), tista’ tikkuntattja faċilment servizz telefoniku, li minnufih javża l-eqreb servizz tal-pulizija jew ġendarmerija sabiex jintervjenu biex jassistuk meta tkun fil-periklu.

Hemm xi ħadd biex jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar ħsara mit-trażgressur?

L-aġent tal-pulizija tal-investigazzjoni kriminali li jmexxi s-smigħ huwa responsabbli mill-ġbir tal-informazzjoni inizjali għal valutazzjoni personalizzata tas-sitwazzjoni tiegħek u għall-ħtiġijiet tal-protezzjoni tiegħek. L-aġent jittrażmetti din l-informazzjoni lill-awtorità ġudizzjarja inkarigata mill-proċedimenti, li jekk tqis li huwa xieraq, tiddeċiedi li twettaq evalwazzjoni bir-reqqa minn assoċjazzjoni tal-appoġġ għall-vittmi. Wieħed mill-għanijiet ta’ din il-valutazzjoni personalizzata huwa li jiġi ddeterminat ir-riskju ta’ intimidazzjoni jew ritaljazzjoni mit-trażgressur.

Se jkun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi sabiex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess kriminali)?

L-evalwazzjoni deskritta hawn fuq hija intiża wkoll biex tiddetermina r-riskju ta’ vittimizzazzjoni sekondarja minħabba l-parteċipazzjoni tiegħek fi proċedimenti kriminali.

X’tip ta’ protezzjoni hija disponibbli għal vittmi vulnerabbli ħafna?

Vittmi partikolarment vulnerabbli jingħataw valutazzjoni u appoġġ minn assoċjazzjoni tal-appoġġ għall-vittmi.

Barra minn hekk, jiġu pprovduti miżuri ta’ protezzjoni varji dejjem skont il-ħtiġijiet tal-vittma, bħal:

  • limitazzjoni tan-numru ta’ seduti u eżamijiet mediċi għal dawk li huma meħtieġa strettament għall-investigazzjoni;
  • l-opzjoni li tiġi interrogat minn investigatur tal-istess sess, f’każ ta’ vjolenza sesswali jew vjolenza sessista;
  • li tiġi interrogat f’post xieraq, minn investigaturi mħarrġin, u kemm jista’ jkun, mill-istess investigaturi f’kull smigħ.

Jien minuri – għandi xi drittijiet speċjali?

Vittma minuri mhux biss għandha l-istess drittijiet bħall-adulti, iżda tgawdi wkoll minn drittijiet speċifiċi relatati mal-età tagħha. Għalhekk, meta l-ġenituri (jew rappreżentanti legali) ma jkunux f’pożizzjoni li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi ta’ minuri, l-awtorità ġudizzjarja tagħżel amministratur ad-hoc (qarib tat-tfal jew persuna awtorizzata) li jkun responsabbli biex jirrappreżenta lill-minuri u jeżerċita d-drittijiet tiegħu.

Jinħatar ukoll awtomatikament avukat biex jiddefendi l-interessi tal-tfal, li jrid ikun preżenti f’kull smigħ tal-minuri.

Għal ċerti reati, b’mod partikolari ta’ natura sesswali, il-minuri jista’ jkun soġġett għal eżami mediku jew psikoloġiku, matul l-istadju tal-investigazzjoni, sabiex jiġu vvalutati n-natura u d-daqs tad-danni mġarrba u jiġi stabbilit jekk dan jeħtiġx trattament jew kura xierqa. L-intervisti ta’ minuri li jkunu vittma ta’ ċerti atti, speċjalment dawk ta’ natura sesswali, jiġu ffilmjati b’mod obbligatorju, sabiex jiġi evitat li l-minuri jiġi interrogat f’okkażjonijiet multipli.

U fl-aħħar nett, għal kull smigħ, hi x’inhi n-natura tal-atti mġarrba, il-minuri jista’ jkun akkumpanjat mill-persuna tal-għażla tiegħu (qarib, rappreżentant legali, tabib, jew psikologu).

Membru tal-familja tiegħi miet kaġun tar-reat kriminali – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Persuna li mhix vittma diretta ta’ reat kriminali tista’ minkejja dan titqies bħala vittma indiretta, u tista’ tgawdi minn ċerti drittijiet.

Vittma indiretta li tqis li ġarrbet danni, anke jekk dawn mhumiex materjali, tista’ ssir parti ċivili fl-istadju investigattiv, jew meta l-każ ikun quddiem imħallef inkwirenti, jew matul is-smigħ, jekk l-allegat trażgressur jitressaq quddiem qorti.

Min-naħa l-oħra, b’kuntrast ma’ vittmi diretti ta’ reat, vittmi indiretti mhux neċessarjament jiġu msejħa jew infurmati bis-smigħ jekk ma jkunux għamlu talba minn qabel għal dan il-għan.

Fl-aħħar nett, il-vittma jkollha tispeċifika n-natura tad-danni mġarrba, sabiex l-imħallef ikun jista’ jiddetermina jekk l-istatus tal-parti ċivili tagħha jistax jiġi aċċettat, jiġifieri jitqiesx leġittimu.

Membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat kriminali – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Persuna li mhix vittma diretta ta’ reat kriminali tista’ minkejja dan titqies bħala vittma indiretta, u tista’ tgawdi minn ċerti drittijiet.

Vittma indiretta li tqis li ġarrbet danni, anke jekk dawn mhumiex materjali, tista’ ssir parti ċivili fl-istadju investigattiv, jew meta l-każ ikun quddiem imħallef inkwirenti, jew matul is-smigħ, jekk l-allegat trażgressur jitressaq quddiem qorti.

Min-naħa l-oħra, b’kuntrast ma’ vittmi diretti ta’ reat, vittmi indiretti mhux neċessarjament jiġu msejħa jew infurmati bis-smigħ jekk ma jkunux għamlu talba minn qabel għal dan il-għan.

Fl-aħħar nett, il-vittma jkollha tispeċifika n-natura tad-danni mġarrba, sabiex l-imħallef ikun jista’ jiddetermina jekk l-istatus tal-parti ċivili tagħha jistax jiġi aċċettat, jiġifieri jitqiesx leġittimu.

Nista’ nikseb aċċess għal servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Se nkun sikur waqt il-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni hija miżura ġudizzjarja li tista’ tiġi implimentata jekk aktarx tipprovdi reparazzjoni għad-danni li tkun ġarrbet il-vittma, sabiex jintemm id-disturb li jirriżulta mill-att jew bħala kontribut għar-riabilitazzjoni tal-awtur.

Il-medjazzjoni tista’ tiġi deċiża mill-prosekutur pubbliku bil-kunsens tal-vittma, jew fuq talba tal-vittma.

Meta l-vjolenza titwettaq mill-konjuġi jew minn eks-konjuġi ta’ vittma, sieħeb ċivili jew eks-sieħeb ċivili, konkubin jew eks-konkubin, il-medjazzjoni titwettaq biss jekk din tintalab espressament mill-vittma. F’dan il-każ, l-awtur tal-vjolenza jingħata wkoll twissija.

Jekk titwettaq aktar vjolenza mill-konjuġi jew eks-konjuġi ta’ vittma, sieħeb ċivili jew eks-sieħeb ċivili, konkubin jew eks-konkubin wara medjazzjoni, ma jkun possibbli l-ebda rikors ieħor għall-medjazzjoni.

Il-medjazzjoni, li tista’ tiġi fdata lil uffiċjal investigattiv kriminali, lil delegat tal-prosekutur jew lil medjatur, tikkonsisti f’li l-vittma titpoġġa f’kuntatt mat-trażgressur, filwaqt li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-vittma, li trid taqbel mal-prinċipju u l-mezz ta’ implimentazzjoni. Il-vittma ma tistax tiġi kkonfrontata bit-trażgressur kontra r-rieda tagħha, u taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ titħalla waħedha mal-istess trażgressur.

Barra minn hekk, din il-miżura ma tintużax jekk jidher li t-tlaqqigħ tat-trażgressur u l-vittma se jqiegħed lill-vittma fil-periklu.

Fejn nista’ nsib liġi li tispjega d-drittijiet tiegħi?

Il-leġiżlazzjoni Franċiża kollha tinsab fuq dan is-sit web. Id-drittijiet tal-vittmi huma elenkati fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, jiġifieri fl-Artikoli 10-2 sa 10-5 u D1-2 sa D1-12.

L-aħħar aġġornament: 07/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.