Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Finlandja

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trażgressur? (pereż. kawża fil-qorti, kawża ċivili, talba għad-danni)

Talbiet għal kumpens għal reat kriminali ġeneralment jiġu ttrattati bħala parti mis-seduta ta’ smigħ ta’ kawża kriminali fl-istess proċess. Għandek tinnotifika lill-pulizija dwar l-intenzjoni tiegħek li tressaq talba għad-danni, matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jew, mill-inqas, fil-qorti.

Tista’ titlob lill-prosekutur biex jippreżenta t-talba tiegħek għal kumpens għar-reat inkwistjoni fil-qorti. Hija idea tajba li tinforma lill-pulizija b’dan matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-prosekutur jista’ jsegwi t-talba għal kumpens f’ismek jekk il-kwistjoni hija ċara u sempliċi. Jekk il-prosekutur ma jippreżentax it-talba għal kumpens, huma jinnotifikawk bil-miktub.

Tista’ wkoll tressaq it-talba tiegħek għad-danni quddiem il-qorti matul il-proċedimenti kriminali. Dan jista’ jsir minn konsulent legali f’ismek.

Jekk meħtieġ, it-talba għad-danni tista’ tiġi ttrattata wkoll fi proċedimenti ċivili separati. Tista’ wkoll issegwi t-talba tiegħek bħala talba ċivili separata. Jekk it-talba tiegħek ma tiġix trattata flimkien mal-kawża kriminali, titħallas tariffa tal-qorti għall-proċedimenti.

Il-qorti ordnat lit-trażgressur biex iħallasni għad-danni/jagħtini kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trażgressur iħallasni?

Jekk it-trażgressur jonqos milli jħallas volontarjament skont id-deċiżjoni tal-qorti, is-sentenza tista’ tiġi eżegwita permezz ta’ eżekuzzjoni. L-eżekuzzjoni ma tinbediex awtomatikament. Għandek tressaq talba għall-eżekuzzjoni mal-awtorità tal-eżekuzzjoni u tehmeż magħha d-deċiżjoni tal-qorti.

Ma tistax titlob kumpens mit-trażgressur għal kwalunkwe ammont li rċevejt bħala kumpens mill-Istat mit-Teżor tal-Istat għall-istess telf jew dannu.

Jekk it-trażgressur ma jħallasx, l-istat jista’ jħallasni bil-quddiem? B’liema kundizzjonijiet?

Ma għandekx għalfejn titlob kumpens mit-trażgressur sabiex tirċievi kumpens minn fondi tal-istat. Madankollu, għandek tippreżenta talba għal kumpens lit-trażgressur fil-proċess.

Għandi dritt għal kumpens mingħand l-Istat?

Jekk inti (jew qarib tiegħek) tkun vittma ta’ reat fil-Finlandja, tista’ titħallas kumpens mill-fondi tal-istat għal dannu personali u tbatija kkawżati mir-reat. Għandek tirrapporta r-reat lill-pulizija sabiex titlob kumpens.

Jekk il-każ kriminali jinstema’ quddiem qorti, għandek tfittex konferma tad-dritt tiegħek għal kumpens permezz ta’ sentenza. Dan ifisser li għandek tippreżenta talba għal kumpens kontra it-trażgressur matul il-proċedimenti tal-qorti. Il-kumpens għal ħsara kriminali ġeneralment ma jitħallasx jekk tonqos milli tissodisfa dan l-obbligu.

Għandek titlob kumpens fi żmien tliet snin mid-data meta tingħata sentenza b’saħħa legali f’kawża għal kumpens. Jekk il-każ ma jinstemgħax quddiem qorti, il-kumpens għandu jintalab fi żmien għaxar snin mid-data meta twettaq ir-reat. Dawn id-dati ta’ skadenza huma flessibbli biss f’ċirkostanzi speċjali.

It-talba tiegħek għal kumpens tiġi pproċessata mit-Teżor tal-Istat. Tista’ tibgħat it-talba tiegħek b’mod elettroniku lil rikosvahingot@valtiokonttori.fi jew inkella tistampa l-formola u tibgħatha bil-posta lil: Valtiokonttori, PL 50, 00054 Valtiokonttori.

Jien intitolat għal kumpens jekk it-trażgressur ma jinstabx ħati?

Tista’ tapplika għal kumpens anki jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat. Għandek tehmeż kopja tar-rapport tal-pulizija mill-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess, jew evidenza oħra affidabbli tal-avvenimenti, mat-talba tiegħek għal kumpens.

Int intitolat ukoll għal kumpens jekk it-trażgressur ikun ġie identifikat iżda ma jinstabx ħati minħabba li t-trażgressur ikollu inqas minn 15-il sena jew ma jkollux responsabbiltà kriminali.

Għandi dritt għal pagament ta’ emerġenza waqt li qed nistenna li tiġi deċiża t-talba għall-kumpens tiegħi?

Tista’ tippreżenta rikors bil-miktub għal pagament tal-kumpens bil-quddiem jekk dan ikun meħtieġ. Pagament tal-kumpens bil-quddiem jista’ jsir jekk l-ipproċessar tal-kawża għal kumpens tiegħek jittardja għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħek u tkun intitolat għal ammont sinifikanti ta’ kumpens.

L-aħħar aġġornament: 05/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.