Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Finlandja

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

Nista’ nappella kontra s-sentenza?

Tista’ tappella kontra s-sentenza ta’ qorti distrettwali (käräjäoikeus) quddiem qorti tal-appell (hovioikeus). Bħala regola ġenerali, tkun teħtieġ awtorizzazzjoni għal kunsiderazzjoni ulterjuri sabiex qorti tal-appell tipproċessa l-kawża bis-sħiħ.

Appell kontra sentenza minn qorti tal-appell jista’ jsir quddiem il-Qorti Suprema (korkein oikeus). Ikollok bżonn permess biex tappella quddiem il-Qorti Suprema. Dan jingħata biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi.

X’inhuma drittijieti wara s-sentenza?

F’każ ta’ xi reati serji, tista’ titlob li tkun infurmat dwar il-ħelsien tat-trażgressur mill-ħabs jew mill-arrest preventiv (ara hawn taħt).

Jien intitolat għal appoġġ jew protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi jipprovdu appoġġ u pariri anki wara l-proċess

għat-tul ta’ żmien meħtieġ. F’każijiet ta’ vjolenza domestika, jitfassal pjan ta’ sigurtà bħala parti minn Valutazzjoni tar-Riskju li tinvolvi diversi aġenziji (Multi-Agency Risk Assessment). Dan mhux marbut mat-tmiem tal-proċess.

Jekk int vittma tat-traffikar tal-bnedmin, id-dritt tiegħek għal assistenza speċjali mis-sistema ta’ assistenza għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jieqaf jekk il-proċedimenti kriminali jintemmu mingħajr ħadd ma jkun ikkundannat għat-traffikar tal-bnedmin b’deċiżjoni finali tal-qorti.

X’informazzjoni nista’ ningħata jekk it-trażgressur jiġi kkundannat?

Għandek id-dritt li tkun infurmat, b’talba tiegħek, dwar is-sentenza f’kawża kriminali. Is-sentenza tal-kawża tindika s-sentenza mogħtija lill-akkużat, inkluż it-terminu ta’ priġunerija.

Il-partijiet fil-proċedimenti kriminali jirċievu kopja tas-sentenza. Ma jgħidulekx f’liema ħabs jista’ jintbagħat it-trażgressur.

Se nkun infurmat jekk it-trażgressur jinħeles (inkluż ħelsien kmieni jew kundizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

F’każ ta’ xi reati serji, tista’ titlob li tkun infurmat jekk it-trażgressur jinħeles mill-ħabs jew mill-arrest preventiv, jaħrab, jew, f’ċerti kundizzjonijiet, b’mod ieħor jitlaq mill-ħabs. Jekk tixtieq tkun notifikat, għandek tavża lill-awtorità tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jew lill-prosekutur. L-awtorità tal-investigazzjoni tipprovdi aktar informazzjoni.

Tiġi infurmat biss jekk ikun maħsub li dan mhux se joħloq riskju għall-ħajja jew għas-saħħa tal-priġunier jew ta’ xi ħadd f’arrest preventiv.

Se nkun involut dwar deċiżjonijiet biex jinħeles jew biex jingħata libertà kondizzjonali? Pereżempju, nista’ nagħmel dikjarazzjoni jew inressaq appell?

Le, ma għandekx dan id-dritt.

L-aħħar aġġornament: 05/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.