- X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trasgressur? (eż. kawża l-qorti, kawża ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)
- Il-qorti ordnat lit-trasgressur biex iħallasni danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?
- Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-istat iħallasni bil-quddiem? Taħt liema kundizzjonijiet?
- Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?
- Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?
- Jien intitolat(a) għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?
X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trasgressur? (eż. kawża l-qorti, kawża ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)
Int intitolat(a) tippreżenta kawża ċivili kontra l-persuna akkużata biex titlob id-danni bħala parti mill-proċedimenti kriminali. Int tista’ tippreżenta kawża ċivili fi żmien 10 ijiem wara li teżamina l-fajl kriminali. Tista’ titlob ukoll li l-uffiċċju tal-prosekutur jestendi din l-iskadenza.
Il-qorti ordnat lit-trasgressur biex iħallasni danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?
Jekk it-trasgressur kundannat ma jħallasx l-ammont impost fuqu mis-sentenza tal-qorti, int intitolat(a) tikkuntattja uffiċjal ġudizzjarju, li jorganizza l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.
Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-istat iħallasni bil-quddiem? Taħt liema kundizzjonijiet?
Le, l-istat ma jħallasx għad-danni dovuti minn trasgressur kundannat.
Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?
Int tista’ tapplika għal kumpens mill-istat għat-tipi li ġejjin ta’ danni jekk int persuna li tiġi mill-viċin mill-persuna li mietet minħabba reat, jew jekk int vittma ta’ reat ta’ vjolenza, u ġarrabt disturb tas-saħħa li jdum tal-anqas erba’ xhur minħabba r-reat:
- ħsara li tirriżulta minħabba l-inkapaċità għax-xogħol jew kapaċità mnaqqsa għax-xogħol;
- spejjeż imġarrba minħabba l-ħsara kkawżata lis-saħħa tal-vittma;
- ħsara li tirriżulta mill-mewt tal-vittma;
- ħsara kkawżata f’nuċċalijiet, f’dentaturi, f’lenti ta’ kuntatt jew f’apparati oħra li jissostitwixxu funzjonijiet tal-ġisem jew fl-ilbies;
- l-ispejjeż tal-funeral tal-vittma.
Biex tkun eliġibbli għal kumpens, int trid tirrapporta r-reat lill-pulizija fi żmien 15-il jum minn meta jseħħ jew wara li jkollok l-opportunità li tirrapportah.
Ir-rikors għal kumpens irid jiġi ppreżentat lill-Bord Nazzjonali Estonjan tal-Assigurazzjoni Soċjali fi żmien tliet snin mit-twettiq tar-reat jew mid-data tal-mewt tal-vittma, sakemm:
- il-persuna dipendenti ma ssirx taf bil-mewt tal-vittma aktar minn sena wara l-mewt u r-rikors jiġi ppreżentat fi żmien tliet snin mid-data li fiha ssir taf bil-mewt tal-vittma;
- ir-rikorrent li jitlob kumpens ma jkunx ġarrab disturb tas-saħħa li jdum aktar minn sena u l-preżentazzjoni f’waqtha tar-rikors kienet impossibbli minħabba l-istat ta’ saħħtu, u r-rikors jiġi ppreżentat fi żmien tliet snin minn meta jitjieb l-istat tas-saħħa tiegħu;
- il-bażi għall-applikazzjoni għal kumpens hi reat sesswali kontra minorenni u r-rikors jiġi ppreżentat fi żmien tliet snin wara li l-vittma tkun saret adulta sakemm ir-raġuni għall-proċedimenti kriminali ma tkunx saret evidenti qabel ma saret adulta.
Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?
Int tista’ tapplika għal kumpens mill-istat għal vittmi ta’ reat jekk il-proċedimenti kriminali jonqsu milli jidentifikaw lill-persuna li wettqet ir-reat kontrik.
Jekk il-persuna akkużata bir-reat tinħeles mill-qorti iżda int temmen li l-persuna kkawżatlek il-ħsara, int tista’ tippreżenta kawża ċivili.
Jien intitolat(a) għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?
Id-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kumpens lil vittma ta’ vjolenza tista’ tiġi posposta sakemm tinqata’ sentenza tal-qorti tal-kontea jekk:
- id-dritt tar-rikorrent li jirċievi kumpens mingħand il-persuna responsabbli għall-ħsara kkawżata mir-reat kriminali jkun inċert, jew
- ikun ovvju li l-persuna responsabbli għall-ħsara kkawżata mir-reat kriminali taqbel u tkun tista’ tikkumpensa għall-ħsara.
Jekk l-għoti tal-kumpens jiġi pospost, il-Bord Nazzjonali Estonjan tal-Assigurazzjoni Soċjali jista’ jagħmel ħlas bil-quddiem fuq il-bażi ta’ talba mingħand ir-rikorrent għal kumpens jekk ikun jidher ċar li r-rikorrent ikun eliġibbli għal kumpens u jkun f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.