Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.
Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

L-Ingilterra u Wales

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Kif nista' nkun involut fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Xi drittijiet għandi bħala xhud?

Jien minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Nista' nirċievi għajnuna legali?

Kif nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

Kif nista' nagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat jew nirċievi kumpens mingħand l-Istat?

Jeżistu opportunitajiet biex nasal għal soluzzjoni/għal konċiljazzjoni jew biex issir medjazzjoni bejni u bejn min ikun wettaq ir-reat?

Jien barrani. Kif inhuma protetti d-drittijiet u l-interessi tiegħi?

Aktar tagħrif

Kif nista' nkun involut fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Tiġi nfurmat bid-data tas-seduta l-qorti, u bit-tip ta' seduta. Din tista' tkun:

  • seduta ta' smigħ preliminari, pereż. sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-garanzija jew dwar jekk il-każ se jinstemax minn qorti f'grad superjuri jew inferjuri;
  • proċess kriminali, fejn l-akkużat jiċħad il-ħtija u jinstemgħu il-provi;
  • seduta ta' stqarrija tal-ħtija, fejn l-akkużat ma jiċħadx il-ħtija, u l-kundanna hija ċerta;
  • seduta fejn tingħata l-piena (f'ħafna każjiet il-piena tiġi deċiża matul seduta speċjali ġimgħa, jew anke xahar wara l-aċċertazzjoni tal-ħtija).

Inti tista' tieħu sehem fil-proċedimenti kriminali:

Għandek dritt tkun preżenti matul il-proċedimenti kollha tal-qorti ħlief:

  • jekk dawn isiru bil-bibien magħluqa (normalment is-seduti tal-qorti tal-minuri biss); jew
  • se tkun qed tixhed (f'dan il-każ tista' tattendi biss għas-seduta wara li tkun tajt ix-xhieda tiegħek).

Mhemmx bżonn tattendi għall-proċess sakemm ma tkunx mitlub tkun xhud u tkun obbligat tagħti x-xhieda tiegħek.

Xi drittijiet għandi bħala xhud?

Tiġi nfurmat wkoll jekk ikollokx bżonn tixhed bħala xhud, li ġeneralment huwa l-każ biss jekk l-akkużat jiċħad il-ħtija. Bħala xhud trid tattendi s-seduta u twieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulek.

Jekk għamilt dikjarazzjoni bħala xhud matul l-investigazzjoni u ġejt mitlub tixhed oralment matul il-proċess, titħalla terġa' tara d-dikjarazzjoni tiegħek stess qabel ma tixhed.

Qabel ma tibda tixhed tiġi mitlub tieħu ġurament jew tiddikjara illi se tgħid il-verità. Matul is-seduta il-prosekutur u l-avukat tad-difiża jistaqsuk xi mistoqsijiet. Min jagħmillek il-mistoqsijiet jista' jgħid jew jissuġġerixxi xi ħaġa li skont il-fehma tiegħek hija żbaljata. Jekk jiġri hekk għandek tgħid b'mod ċar illi ma taqbilx. Ir-rwol tiegħek bħala xhud huwa li tgħid il-verità. Meta ma ssirlek l-ebda aktar mistoqsija, l-imħallef jinfurmak li tista' tmur. Inti tista' mbagħad tagħżel li titlaq, jew jekk tkun tixtieq u għandek 14-il sena jew aktar, tista' tibqa fl-awla tal-qorti u tisma' l-kumplament tas-seduta.

Jekk tħossok dgħajjef jew intimidat u tissodisfa l-kriterji rilevanti, il-prosekutur jista' jitlob lill-qorti qabel is-seduta sabiex jittieħdu miżuri speċjali biex jgħinuk waqt li tkun qed tixhed. Dawn il-miżuri jinkludu skrin speċjali biex ma jkunx jista' jarak l-akkużat meta tkun il-qorti u l-possibiltà li tixhed permezz ta' vidjow link diretta barra l-awla tal-qorti. Il-qorti tiddeċiedi liema miżuri tista' tuża iżda għandha tikkunsidra l-opinjoni tiegħek meta' tieħu d-deċiżjoni.

Normalment tinstema' bħala xhud darba biss. Madanakollu, jekk ikun hemm bżonn, tista' tintalab terġa titla' l-qorti u twieġeb għal mistoqsijiet addizzjonali.

Tista' titlob għal kumpens ta' ċerti spejjeż bħall-ivvjaġġar lejn il-qorti, u kumpens għall-ikel u paga mitlufa jew telf finanzjarju ieħor, bħal pereżempju l-indukrar tat-tfal. L-ammont li tista' titlob lura jiddependi mit-tul ta' żmien li kellek tqatta' l-bogħod mid-dar jew mix-xogħol biex titla' l-qorti.

Fl-Ingilterra u Wales tista' tibbenefika mill-assistenza tal-Unità għall-Ħarsien tax-Xhieda lokali. Inti tiġi kkuntattjat minn uffiċjal għall-ħarsien tax-xhieda wara li jitressqu l-akkużi kontra l-akkużat. L-uffiċjal ikun il-punt ta' kuntatt waħdieni tiegħek sakemm jintemm il-proċess kriminali. L-uffiċjal għall-ħarsien tax-xhieda tiegħek jista' jagħmel arranġamenti sabiex iżżur il-qorti qabel ma tixhed, ħalli tilħaq tidra l-post. Huwa jieħu ħsieb tal-assistenza l-oħra kollha li tista' tiġi bżonn bħal pereżempju t-trasport, l-interpretazzjoni, l-għajnuna medika, eċċ.

Skont fejn ikun seħħ id-delitt inti tista' tingħata assistenza wkoll mis- Servizz għax-Xhieda, li hija organizzazzjoni volontarja, li tgħin lix-xhieda jlestu rwieħhom għall-qorti billi tagħtihom informazzjoni u appoġġ.

Għal aktar informazzjoni ikkonsulta l-fuljett Xhud il-Qorti. Għal aktar informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek bħala xhud, ikkonsulta l-Karta tax-Xhieda.

Jien minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Jekk inti minuri taħt is-17-il sena tista' titlob lill-prosekutur biex jitlob lill-qorti qabel il-proċess sabiex jittieħdu miżuri speċjali biex jgħinuk fix-xhieda tiegħek il-qorti.

Il-miżuri speċjali disponibbli jinkludu:

  • l-għoti ta' xhieda permezz ta' konnessjoni tat-TV barra l-awla tal-qorti (tkun tista' tara l-awla u lil dawk li jkunu preżenti fiha fuq skrin tat-televiżjoni);
  • l-għoti ta' xhieda rrekordjata bil-vidjow (jekk id-dikjarazzjoni tiegħek lill-pulizija kienet irrekordjata bil-vidjow din tintwera lill-qorti);
  • l-għoti tax-xhieda minn wara persjana (tiġi mqiegħda persjana madwar il-pedana fejn ikun qiegħed ix-xhud sabiex ix-xhud ma jarax lill-akkużat);
  • it-tneħħija ta' parrokki u togi (l-imħallef u l-avukati ma jilbsux parrokki u togi sabiex il-qorti tinħass inqas formali);
  • l-għoti tax-xhieda bil-bibien magħluqa – f'każijiet ta' reati sesswali u dawk li jinvolvu l-intimidazzjoni (il-membri tal-pubbliku ma jitħallewx jidħlu fl-awla tal-qorti);
  • l-użu ta' għajnuniet tal-komunikazzjoni bħal pereżempju bord bl-alfabett;
  • eżaminazzjoni permezz ta' intermedjarju jekk għandek diffikultajiet biex tikkomunika, pereż. xi ħadd li jista' jgħinek tifhem id-domandi li qed tiġi mistoqsi.

Nista' nirċievi għajnuna legali?

M'għandekx dritt għall-għajnuna legali sakemm mhux tfittex prosekuzzjoni privata, fejn f'ċerti każijiet hija disponibbli l-għajnuna legali. Dan għaliex fir-Renju Unit il-vittmi mhumiex parti mill-proċedimenti.

Kif nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

Matul il-proċess kriminali tista' tingħata l-istess protezzjoni li ngħatajt waqt l-investigazzjoni. Il-pulizija tagħtik dik il-protezzjoni li hija tqis neċessarja u raġonevoli, filwaqt li tqis il-livell, il-probabbiltà u l-immedjatezza tar-riskju. Il-protezzjoni tista' tkun ta' diversi tipi, pereż. rondi regolari viċin darek, jew allarm li jdoqq fl-għassa lokali tal-pulizija. Il-miżuri aktar drastiċi jiġu kkunsidrati biss fl-aktar każijiet serji (bħall-anonimità matul il-proċess kriminali jew il-programmi ta' ħarsien tax-xhieda).

Kif nista' nagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat jew nirċievi kumpens mingħand l-Istat?

F'ċerti ċirkustanzi inti tista' titlob għad-danni mingħand it-tragressur, f'dan il-każ inti trid tagħti dettalji dwar it-telf tiegħek lill-pulizija meta' tirraporta d-delitt jew ftit wara. Il-pulizija jgħaddu dawn id-dettalji lis-servizz tal-prosekuzzjoni li mbagħad jitlob għall-kumpens f'ismek. Jekk xi ħadd jinstab ħati tad-delitt il-qorti li se tagħti l-kundanna x'aktarx tordna lit-trasgressur biex iħallas it-telf kollu, jew proporzjon tiegħu, li tkun ġarrabt sakemm ma jkunx f'qagħda li jħallas. Il-ħlas jista' jsir kull ġimgħa jew fix-xahar. L-ordni għal kumpens jieħu prijorità fuq kull multa li jkollu jħallas it-trasgressur.

Jekk inti l-vittma ta' delitt vjolenti tista' tkun eliġibbli biex tapplika għal kumpens finanzjarju mill-Istat. L-applikazzjoni tiegħek trid issir lill- Awtorità dwar il-Kumpens tal-Inġurji Kriminali. Jekk jogħġbok ikkonsulta l-iskeda informattiva dwar il-kumpens lill-vittmi ta' delitti fl-Ingilterra u Wales (disponibbli bl- Ingliż u diversi lingwi oħra) tal-Network Ġudizzjarju Ewropew.

Jeżistu opportunitajiet biex nasal għal soluzzjoni/għal konċiljazzjoni jew biex issir medjazzjoni bejni u bejn min ikun wettaq ir-reat?

Matul il-proċess kriminali huma possibbli l-konċiljazzjoni u/jew il-medjazzjoni, skont in-natura tad-delitt.

Normalment tiġi mistieden tipparteċipa f'din il-proċedura. Il-medjazzjoni sseħħ biss bil-kunsens tiegħek u titmexxa mill-pulizija jew mill-persunal tal-probation.

Jien barrani. Kif inhuma protetti d-drittijiet u l-interessi tiegħi?

Jekk inti barrani għandek id-drittijiet kollha mniżżla aktar 'il fuq.

Barra minn hekk, jekk ma titkellimx bl-Ingliż l-awtoritajiet jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jekk tingħata informazzjoni jipprovdulek traduzzjoni jew interpretu f'każ ta' bżonn, b'mod partikolari meta tiġi msejjaħ tixhed il-qorti bħala xhud.

Aktar tagħrif:

  • Kodiċi tal-Prattika għall-Vittimi ta' Delitti – bl- Ingliż
  • Il-Karta tax-Xhieda – bl- Ingliż
  • L-Att dwar il-Vjolenza Domestika, id-Delitti u l-Vittmi 2004 – bl- Ingliż
  • Id-Dikjarazzjoni Personali tal-Vittma: Gwida għall-uffiċjali tal-pulizija, l-investigaturi u l-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja kriminali – bl- Ingliż
  • Tattendi l-qorti bħala vittma jew xhud – bl- Ingliż
Noti:
1. Id-dikjarazzjoni personali tal-vittma
Id-Dikjarazzjoni Personali tal-Vittma hija dikjarazzjoni bil-miktub, li fiha inti tispjega kif affetwak id-delitt. Huwa dokument uffiċjali, li jsir parti mill-fajl relatat mad-delitt u li jista' jinqara minn kull persuna nvoluta fil-każ. Fid-Dikjarazzjoni Personali tal-Vittma tista' tispjega kif id-delitt affetwak fiżikament, emozzjonalment, finanzjarjament jew b'kull mod ieħor. Id-Dikjarazzjoni Personali tal-Vittma ma tintużax biex tiġi stabbilita l-ħtija jew l-innoċenza iżda biex tgħarraf lill-qorti bil-ħsara li saret lill-vittma. Inti tista' tgħid ukoll jekk tixtieqx taqra personalment fil-qorti d-Dikjarazzjoni Personali tal-Vittma tiegħek jew li tinqara minn persuna oħra f'ismek (normalment minn prosekutur tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Kuruna) f'każ illi l-akkużat jinstab ħati. Id-deċiżjoni finali dwar jekk taqrax personalment id-Dikjarazzjoni Personali tal-Vittma kollha tiegħek jew parti minnha biss issir mill-qorti. Tista' tagħmel id-Dikjarazzjoni Personali tal-Vittma tiegħek f'kull ħin qabel is-seduta l-qorti.
L-aħħar aġġornament: 01/02/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.