Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

L-Ingilterra u Wales

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Kif nista’ nirrapporta reat?

L-ewwel nett hi għandha tirrapporta reat lill-pulizija. Informazzjoni dwar kif tagħmel dan hi disponibbli hawn: kif tirrapporta reat

Kif nista’ nsir naf x’qed jiġri dwar il-każ?

Jekk inti vittma ta’ reat, inti intitolat(a) tiġi informat(a) mill-pulizija bl-informazzjoni li ġejja u li jiġu spjegati lilek ir-raġunijiet fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol meta persuna suspettata tiġi:

  • arrestata;
  • interrogata bi twissija;
  • meħlusa mingħajr akkuża;
  • meħlusa b’libertà provviżorja, jew jekk il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja tal-pulizija jitbiddlu jew jitħassru.

Inti intitolat(a) li tiġi informat(a) mill-pulizija bl-informazzjoni li ġejja fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-pulizija tirċiviha:

  • id-data, il-ħin u l-post tal-ewwel seduta tal-qorti;
  • fejn il-persuna suspettata tinħeles b’libertà provviżorja biex tidher il-qorti, kwalunkwe kundizzjoni tal-libertà provviżorja u kwalunkwe tibdil f’dawn il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja.

Għandi dritt għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? B’liema kundizzjonijiet?

Il-vittmi u x-xhieda mhumiex partijiet għall-proċeduri kriminali u, għalhekk, mhumiex eliġibbli għal għajnuna legali fl-Ingilterra u f’Wales.

Nista’ nitlob lura l-ispejjeż (biex nieħu sehem fl-investigazzjoni/fil-proċess)? B’liema kundizzjonijiet?

Il-fornituri ta’ servizzi responsabbli għall-prosekuzzjoni ta’ reat irid ikollhom regoli li skont dawn il-vittmi jkollhom il-possibbiltà ta’ rimborż tal-ispejjeż imġarrba minħabba l-attendenza fil-qorti għax-xhieda.

Aktar informazzjoni dwar kif jintalbu l-ispejjeż mix-xhieda hi disponibbli hawn

U hawn

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel ma mmur il-qorti?

Jekk m’intix sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-pulizija jew tas-CPS li ma jiħdux passi l-qorti, inti intitolat(a) li titlob rieżami ta’ dik id-deċiżjoni skont l-iskemi tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kapijiet tal-Pulizija (National Police Chiefs Council - NPCC) u tad-Dritt tal-Vittmi għar-Rieżami mis-CPS.

Is-CPS nieda l-iskema tiegħu tad-Dritt tal-Vittmi għar-Rieżami fil-5 ta’ Ġunju 2013. Il-forzi tal-pulizija fir-Renju Unit u f’Wales adottaw skema ta’ Dritt tal-Vittmi għar-Rieżami fl-1 ta’ April 2015. L-iskemi jagħtu lill-vittmi ta’ reat dritt li jitolbu rieżami ta’ deċiżjoni tal-pulizija jew tas-CPS li ma jiħdux passi l-qorti, jew inkella li jtemmu proċeduri kriminali.

Meta inti tiġi nnotifikat(a) b’deċiżjoni li tikkwalifika għal rieżami skont l-Iskema tal-NPCC jew tas-CPS, inti intitolat(a) li tirċievi biżżejjed informazzjoni fin-notifika biex tkun tista’ tiddeċiedi jekk tixtieqx li jsir rieżami.

Kif nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Jekk inti taf xi ħaġa dwar inċident, tista’ tintalab tixhed il-qorti għall-prosekuzzjoni jew għad-difiża.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jiena meqjus(a) jew nista’ nagħżel li nkun meqjus(a) bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Għall-finijiet tal-Kodiċi tal-Prattika għall-Vittmi ta’ Reat (Kodiċi tal-“Vittmi”), “vittma” hi:

  • persuna fiżika li ġarrbet dannu, inkluż dannu fiżiku, mentali jew emozzjonali jew telf finanzjarju, li kienu direttament ikkawżati minn reat kriminali.
  • qarib li jiġi mill-viċin (ara l-glossarju) ta’ persuna li l-mewt tagħha kienet ikkawżata b’mod dirett minn reat kriminali.

Jekk inti taf xi ħaġa dwar inċident, tista’ tintalab tixhed il-qorti għall-prosekuzzjoni jew għad-difiża. Jekk inti taf waħda mill-persuni involuti f’każ, inti tista’ tintalab tipprovdi evidenza bħala xhud tal-karattru, normalment mid-difiża. Fi kwalunkwe każ, l-evidenza tiegħek tista’ tkun kruċjali biex jinkisbu l-kundanna jew il-ħelsien tal-imputat.

Id-dritt li jiġu ppreżentati prosekuzzjonijiet privati hu ppreservat mit-taqsima 6(1) tal-Att tal-1985 dwar il-Prosekuzzjoni tar-Reati (Prosecution of Offences Act - POA). Madankollu, hemm xi limitazzjonijiet:

  • id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (Director of Public Prosecutions - DPP) għandu s-setgħa skont it-taqsima 6(2) POA 1985 li jieħu prosekuzzjonijiet privati taħt il-kontroll tiegħu;
  • f’ċerti każijiet, il-prosekutur privat irid jitlob il-kunsens tal-Avukat Ġenerali jew tad-DPP qabel ma jinfetħu l-proċeduri.
Aktar informazzjoni hi disponibbli hawn

X’inhuma d-drittijiet tiegħi u l-obbligi f’dan ir-rwol?

Il-Kodiċi tal-Prattika għall-Vittmi ta’ Reat jistabbilixxi l-intitolamenti għall-vittmi. Dan hu disponibbli hawn

Jekk inti kont xhud ta’ reat kriminali, iżda m’intix vittma, inti tista’ taċċessa s-servizzi skont il-Karta dwar ix-Xhieda, minflok skont dan il-Kodiċi. Dan hu disponibbli hawn

Nista’ nagħmel dikjarazzjoni jew nixhed waqt il-proċess? B’liema kundizzjonijiet?

Jekk inti taf xi ħaġa dwar inċident, tista’ tintalab tixhed il-qorti għall-prosekuzzjoni jew għad-difiża. Jekk inti taf waħda mill-persuni involuti f’każ, inti tista’ tintalab tipprovdi evidenza bħala xhud tal-karattru, normalment mid-difiża.

Jekk inti vittma ta’ reat, Dikjarazzjoni Personali tal-Vittma (Victim Personal Statement - VPS) tagħtik opportunità li tispjega fi kliemek stess kif reat affettwak, kemm jekk fiżikament, emozjonalment, finanzjarjament kif ukoll b’xi mod ieħor. Din hi differenti minn dikjarazzjoni tax-xhud dwar x’ġara fil-waqt, bħal dak li rajt jew smajt.

Il-VPS tagħtik leħen fil-proċess tal-ġustizzja kriminali. Madankollu, ma tistax tesprimi l-opinjoni tiegħek dwar is-sentenza jew il-piena li l-persuna suspettata għandha tirċievi peress li dawn huma f’idejn il-qorti li tiddeċidihom.

Inti intitolat(a) tiġi offruta l-opportunità li tagħmel VPS fl-istess ħin li tkun qed tagħti dikjarazzjoni tax-xhud dwar x’ġara lill-pulizija dwar reat.

Jekk l-imputat jinstab ħati, inti intitolat(a) tgħid jekk tixtieqx li l-VPS tiegħek tinqarax jew tintużax reġistrazzjoni ta’ din, fil-qorti. Inti intitolat(a) wkoll li tgħid jekk tixtieqx li taqra l-VPS inti stess jew li tinqarax minn ħaddieħor (pereżempju membru tal-familja jew l-avukat tas-CPS). Qabel ma tiddeċiedi jekk tixtieqx li l-VPS tiegħek tinqara jew li tintuża reġistrazzjoni ta’ din fil-qorti, se tiġi informat(a) dwar il-konsegwenzi possibbli, inkluż li l-VPS tiegħek tista’ tiġi rrapportata fil-midja. Id-difiża tista’ tagħmillek ukoll mistoqsijiet dwar il-VPS tiegħek fil-qorti.

Jekk inti titlob li l-VPS tiegħek tinqara jew tinstema’ fil-qorti, hu f’idejn il-qorti li tiddeċiedi jekk il-VPS għandhiex tinqara jew għandhiex tinstema’ b’reġistrazzjoni u liema siltiet minn din għandhom jinqraw, u min se jaqraha, filwaqt li tqis l-interessi tiegħek. F’ħafna mill-każijiet, tinqara jew tissemma’ reġistrazzjoni ta’ parti mill-VPS tiegħek jew kollha kemm hi, sakemm il-qorti ma tiddeċidix li hemm raġunijiet tajbin biex dan ma jsirx. Inti se tiġi informat(a) bid-deċiżjoni tal-qorti.

X’informazzjoni se nirċievi waqt il-proċess?

Inti intitolat(a) li:

  • tiġi informat(a) dwar l-eżitu ta’ kwalunkwe smigħ dwar il-libertà provviżorja (kwalunkwe kundizzjoni rilevanti għal-libertà provviżorja u kwalunkwe tibdil rilevanti f’dawn il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja) bir-raġunijiet fi żmien 5 ijiem tax-xogħol. Jekk inti vittma tal-aktar reat serju, il-ħin kollu fil-mira ta’ attakki jew vulnerabbli jew intimidat(a), inti intitolat(a) li tirċievi din l-informazzjoni fi żmien jum tax-xogħol;
  • tiġi informat(a) bid-data, bil-post u bl-eżitu ta’ kwalunkwe seduta tal-qorti kriminali dwar il-każ mill-Unità għall-Assistenza tax-Xhieda. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta fi żmien jum tax-xogħol minn meta l-Unità għall-Assistenza tax-Xhieda tirċiviha mill-qorti;
  • tiġi informat(a) jekk jinħareġ mandat ta’ arrest għal persuna suspettata u dwar l-eżitu ta’ seduta jekk il-persuna suspettata terġa’ tiġi arrestata. Jekk persuna suspettata terġa’ tiġi arrestata wara li jkun inħareġ mandat, normalment din tittella’ l-qorti ftit wara. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-Unità għall-Assistenza tax-Xhieda tirċiviha mill-qorti;
  • fil-każijiet li fihom il-persuna suspettata tiddikjara li mhix ħatja, tiddiskuti kwalunkwe bżonn li jista’ jkollok mal-Unità għall-Assistenza tax-Xhieda u tiġi riferit(a) għal grupp ta’ appoġġ jew għal aġenzija rilevanti, fejn xieraq;

Jekk inti xhud matul il-proċess, inti intitolat(a) li:

  • titlob lill-persunal tal-qorti jekk inti tistax tidħol il-bini tal-qorti minn daħla separata differenti minn dik tal-persuna suspettata u tal-familja u l-ħbieb tagħha;
  • fejn iċ-ċirkustanzi jippermettu, tiltaqa’ mal-avukat jew mar-rappreżentant tas-CPS u tagħmillu mistoqsijiet dwar il-proċess tal-qorti. Dan jindika fejn possibbli kemm jaf ikollok iddum tistenna qabel ma tixhed;
  • kull fejn possibbli, tirċievi spjegazzjoni mingħand l-avukat jew ir-rappreżentant tas-CPS jekk ikun hemm ittardjar fil-proċeduri dakinhar u kemm hu probabbli li se ddum tistenna;
  • tistenna u tpoġġi f’żona separata mill-persuna suspettata u mill-familja u l-ħbieb tagħha - il-qorti se tiżgura li dan isir kull fejn ikun possibbli;
  • isiru arranġamenti għal kwalunkwe Miżura Speċjali għalik meta din tiġi ordnata mill-qorti;
  • tingħata punt ta’ kuntatt fil-qorti biex tkun tista’ ssir taf x’inhu jiġri fil-każ waqt li jkun qed jinstema’.

Jista’ jkolli aċċess għall-fajls tal-Qorti?

L-aċċess għad-dokumenti tal-qorti hu rregolat mill-Parti 5 tar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili. Hu probabbli li l-aktar regoli rilevanti huma 5.4C u 5.4D. Dawn huma disponibbli hawn

L-aħħar aġġornament: 01/02/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.