Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Repubblika Ċeka

Il-kontenut ipprovdut minn
Repubblika Ċeka

Jiena vittma ta’ reat, lil min għandi nikkuntattja għall-appoġġ u għall-assistenza?

L-entitajiet li int tista’ tikkuntattja huma speċifikati fir-Reġistru ta’ Fornituri tal-Assistenza lil Vittmi ta’ Reati. Ir-Reġistru hu disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Intern fuq http://portal.justice.cz/Justice2/MS/ms.aspx?o=23&j=33&k=6115&d=330753.

Ir-Reġistru għandu 4 taqsimiet li fihom informazzjoni dwar it-tipi kollha ta’ fornituri ta’ assistenza għall-vittmi, jiġifieri:

  1. fornituri ta’ servizzi soċjali;
  2. fornituri akkreditati ta’ informazzjoni legali jew ta’ programmi restorattivi;
  3. avukati; u
  4. ċentri tas-Servizz ta’ Probazzjoni u ta’ Medjazzjoni.

Ir-Reġistru fih informazzjoni relattivament dettaljata dwar il-fornituri tal-assistenza għal vittmi ta’ reati u jippermetti t-tiftix ta’ dawn il-fornituri b’isimhom u skont id-distrett, kif ukoll tiftixa avvanzata bl-użu ta’ kriterji oħra.

Hotline ta’ appoġġ għall-vittmi

(+420) 116 006 (Helpline għall-Vittmi – linja universali użata wkoll fi Stat Membri oħra tal-UE)

L-appoġġ għall-vittmi hu mingħajr ħlas?

Sa fejn stipulat, l-assistenza mill-esperti hi pprovduta mingħajr ħlas lil vittmi partikolarment vulnerabbli li jeħtiġuha. Vittmi bħal dawn jirċievu l-assistenza legali mingħajr ħlas sa fejn stipulat ukoll. Vittmi oħra mhumiex intitolati għal assistenza professjonali mingħajr ħlas, iżda t-tali assistenza tista’ tiġi pprovduta mingħajr ħlas bid-diskrezzjoni tal-fornitur. Madankollu, l-assistenza pprovduta mis-Servizz ta’ Probazzjoni u ta’ Medjazzjoni dejjem tkun mingħajr ħlas.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand is-servizzi jew l-awtoritajiet tal-istat?

Is-Servizz ta’ Probazzjoni u ta’ Medjazzjoni, li hu awtorità tal-istat, jipprovdi lill-vittmi b’informazzjoni legali, b’appoġġ psikoloġiku, u joffri programmi restorattivi, bħal medjazzjoni, li jistgħu jgħinu biex tiġi solvuta s-sitwazzjoni tiegħek permezz ta’ negozjati informali barra mill-qorti mat-trasgressur. Hemm 74 ċentru tas-Servizz ta’ Probazzjoni u ta’ Medjazzjoni; dawn huma mifruxa fil-bnadi kollha tar-Repubblika Ċeka u jipprovdu s-servizzi tagħhom mingħajr ħlas.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand organizzazzjonijiet nongovernattivi?

Skont in-natura tagħhom, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-individwi jipprovdu informazzjoni legali, konsulenza psikoloġika u soċjali, assistenza legali, jew programmi restorattivi.

L-aħħar aġġornament: 02/07/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna