Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trasgressur? (eż. kawża l-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

Vittma tista’ titlob kumpens għad-danni mingħand it-trasgressur permezz ta’ proċedimenti ċivili; il-vittma tista’ tgħaqqad ukoll it-talba għal kumpens għad-danni mal-prosekuzzjoni kriminali tat-trasgressur (“proċedimenti ta’ adeżjoni”).

Il-qorti ordnat lit-trasgressur biex iħallasni d-danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?

Jekk it-trasgressur b’mod intenzjonat ma jissodisfax l-obbligu li jipprovdi kumpens għad-danni impost mill-qorti, il-persuna li tagħmel talba (il-vittma) ikollha d-dritt li tapplika quddiem il-qorti għal infurzar tal-obbligu. Liġi, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018, tintitola wkoll lill-vittmi ta’ reati biex jitolbu li d-dritt tagħhom għal kumpens għad-danni jiġi ssodisfat mill-istat mill-fondi li jkun irkupra mingħand it-trasgressur bħala sanzjonijiet tal-proprjetà.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? X’inhuma l-kundizzjonijiet?

Ir-Repubblika Ċeka ma tħallasx bil-quddiem għal kwalunkwe eżekuzzjoni li tirriżulta mill-obbligu tat-trasgressur li jipprovdi kumpens għad-danni kkawżati mir-reat. L-ordinament ġuridiku Ċek jissepara b’mod strett id-dritt tal-vittma għal kumpens għad-danni kkawżati mit-trasgressur, li hu meqjus bħala responsabbiltà għal delitt, u għal assistenza finanzjarja f’konformità mal-Att Nru 45/2013, dwar il-vittmi ta’ reati, li sservi bħala benefiċċju fi flus mill-istat ipprovdut għall-mitigazzjoni tal-impatt soċjali tal-vittimizzazzjoni.

Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

Kif iddikjarat aktar ’il fuq, l-istat ma jħallasx għad-danni fis-sens strett tal-kelma (ma jinterferixxix mal-obbligi tal-proprjetà tat-trasgressur, ma jassumihomx), iżda joffri assistenza finanzjarja lill-vittmi ta’ reati. F’konformità mal-Att Nru 45/2013, dwar il-vittmi ta’ reati, l-assistenza finanzjarja tista’ titħallas lil vittmi li jkunu ġarrbu ħsara minima statutorja għas-saħħa bħala konsegwenza ta’ reat, lil vittmi ta’ reati sesswali kontra d-dinjità umana, lil tfal torturati u lil superstiti (minn grupp definit bil-liġi) ta’ dawk li mietu bħala konsegwenza ta’ reat. L-assistenza spiss tingħata f’ammonti li jvarjaw minn CZK 10 000 (madwar EUR 370) sa CZK 200 000 (madwar EUR 7 400) u hi kkalkolata jew bħala rata fissa statutorja jew tikkorrispondi għall-ammont ta’ qligħ mitluf muri bil-provi u l-ispejjeż tat-trattament jew, fejn xieraq, il-kostijiet ta’ terapija speċjalizzata użata biex tittaffa l-ħsara mhux pekunarja mġarrba. Il-Ministeru tal-Ġustizzja jiddeċiedi dwar ir-rikorsi għall-ħlas tal-assistenza finanzjarja, li jridu jiġu ppreżentati fi żmien sentejn mid-data li fiha l-vittma saret taf bil-ħsara kkawżata mir-reat u mhux aktar tard minn 5 snin mid-data tar-reat.

Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

Il-kumpens għall-ħsara kkawżata minn trasgressur (jiġifieri r-responsabbiltà għal delitt) ma jistax jintalab jekk it-trasgressur ma jkunx ġie kkundannat sempliċiment għaliex mhuwiex magħruf, jiġifieri m’hemm ebda persuna responsabbli, jew ir-responsabbiltà tiegħu qatt ma ġiet ipprovata, jew it-trasgressur ma jġorrx responsabbiltà kriminali għal għemilu, jiġifieri l-persuna akkużata ma tistax tinżamm responsabbli għal kwalunkwe ħsara kkawżata mill-atti li hi ma wettqitx, li ma kellhomx in-natura ta’ reat jew li għalihom mhix responsabbli l-persuna akkużata. Madankollu, għall-kuntrarju, persuna tista’ ssir intitolata għal assistenza finanzjarja mill-istat (ara aktar ’il fuq) anki qabel ma jiġi kkundannat it-trasgressur; il-vittma tkun intitolata għal din jekk it-trasgressur ma jkunx magħruf jew jekk dan ma jkunx iġorr responsabbiltà kriminali għal għemilu, dment li ma jkunx hemm dubju li l-vittma ġarrbet il-ħsara mill-atti li għandhom in-natura ta’ reat (jew li l-qarib tal-vittma jkun miet bħala riżultat ta’ dan).

Jien intitolat(a) għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?

L-Att Nru 45/2013, dwar il-vittmi ta’ reati, ma jippermettix lill-Ministeru tal-Ġustizzja jipprovdi avvanzi għal assistenza finanzjarja li d-deċiżjoni dwarha tkun għadha pendenti; il-ħtiġijiet urġenti tal-ħajja tal-vittmi jiġu indirizzati b’mod ieħor, mis-sistema ta’ kura jew ta’ appoġġ soċjali tal-istat.

L-aħħar aġġornament: 16/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna