Mill-ewwel kuntatt tiegħek mal-pulizija, int tirċievi informazzjoni li tippermettilek teżerċita drittijietek. Speċifikament, int tirċievi informazzjoni dwar:
Int għandek garanzija li tirċievi l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka u l-persuni li jirrisjedu fir-Repubblika Ċeka. Jekk int tiddikjara li ma titkellimx biċ-Ċek, tingħata l-informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek f’lingwa li tifhem jew fil-lingwa uffiċjali tal-istat ta’ fejn int ċittadin.
Jekk tippreżenta lment mal-pulizija, int trid tingħata l-informazzjoni kollha li trid tiġi pprovduta fil-mument tal-ewwel kuntatt tiegħek mal-pulizija, kif speċifikat aktar ’il fuq.
Jekk tippreżenta kwerela quddiem prosekutur pubbliku, int dejjem trid tirċievi informazzjoni dwar:
Meta tkun qed tittratta mal-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi u ma titkellimx biċ-Ċek, int tista’ tuża l-ilsien nattiv tiegħek jew lingwa li indikajt li taf titkellem biha.
Jekk ikun possibbli, it-traduzzjoni tad-deċiżjoni finali li ttemm il-proċedimenti tingħadda lilek fuq talba tiegħek. Sa fejn ikun hemm bżonn għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħek fil-proċedimenti, traduzzjoni ta’ dokumenti oħra tista’ tiġi pprovduta lilek ukoll fuq talba motivata tiegħek.
L-awtoritajiet għandhom obbligu li jinformaw lill-vittmi b’mod komprensibbli, filwaqt li jqisu l-età, il-maturità intellettwali u tar-rieda, il-litteriżmu u s-saħħa tagħhom, inkluż l-istat psikoloġiku tagħhom. Jekk possibbli, intervisti ta’ tfal u ta’ persuni b'diżabilitajiet iridu jitwettqu minn persuna mħarrġa b’mod speċjali biex tagħmel dan.
L-appoġġ għall-vittmi hu pprovdut minn diversi gruppi ta’ entitajiet. Dawn jinkludu ċ-ċentri tal-istat tas-Servizz ta’ Probazzjoni u ta’ Medjazzjoni, kif ukoll entitajiet privati akkreditati mill-Ministeru tal-Ġustizzja biex jipprovdu informazzjoni legali u/jew programmi ta’ restawr, u entitajiet awtorizzati mill-Att dwar is-Servizzi Soċjali biex jipprovdu servizzi psikoloġiċi u ta’ konsulenza soċjali. L-assistenza legali lill-vittmi hi pprovduta minn ċerti avukati. Dawn l-entitajiet huma inklużi fir-reġistru ta’ fornituri ta’ assistenza għall-vittmi, li jinżamm mill-Ministeru tal-Ġustizzja u li hu aċċessibbli minn fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja fuq https://www.justice.cz/.
Iva, int awtomatikament tiġi informat(a) dwar l-appoġġ għall-vittmi matul l-ewwel kuntatt li tagħmel mal-pulizija. Int tirċievi d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet li jipprovdu l-assistenza.
B’mod ġenerali, l-awtorità ta’ infurzar tal-liġi mhumiex awtorizzati jippubblikaw informazzjoni li mhijiex relatata b’mod dirett mal-attività kriminali. Fi proċedimenti ta’ qabel il-proċess, kwalunkwe informazzjoni li tista’ twassal biex tinkixef l-identità tiegħek ma tistax tiġi żvelata. Tingħata protezzjoni speċjali lill-privatezza tal-persuni ta’ anqas minn 18-il sena. Jekk titlob hekk, l-informazzjoni dwar il-ħajja privata tiegħek (l-indirizz tar-residenza u tal-konsenja tiegħek, il-post tax-xogħol jew in-negozju tiegħek, u s-sitwazzjoni personali, tal-familja u tal-proprjetà tiegħek) tinżamm b’tali mod li tkun tista’ tiġi aċċessata biss mill-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi, mill-uffiċjali tal-pulizija u mill-uffiċjali tas-Servizz ta’ Probazzjoni u ta’ Medjazzjoni involuti fil-każ. Din tista’ tkun aċċessibbli biss jekk ikun hemm bżonn biex jinkiseb l-iskop tal-proċedimenti kriminali jew għall-persuna li kontriha jinfetħu l-proċedimenti kriminali biex jiġi eżerċitat id-dritt tagħha għad-difiża.
Le, l-assistenza professjonali hi disponibbli qabel ma jibdew il-proċedimenti kriminali. Anki qabel ma jiġi rapportat ir-reat, int tista’ tirċievi assistenza professjonali jekk din tkun neċessarja u meħtieġa malajr.
Hemm numru ta’ għażliet għall-protezzjoni tal-vittmi.
Il-pulizija tista’ tipprovdilek “protezzjoni fuq terminu qasir” jekk ikun probabbli li int tkun f’riskju ta’ ħsara fiżika jew f’riskju serju ieħor. Protezzjoni bħal din tista’ tinkludi protezzjoni fiżika, bidla fir-residenza tiegħek jew attivitajiet konsultattivi u preventivi. Il-pulizija tista’ tordna wkoll lill-persuna akkużata biex titlaq mid-dar li int tgħix fiha u mill-viċinanzi tagħha għal perjodu ta’ 10 ijiem jekk ikun hemm riskju ta’ attakk kontra l-ħajja jew is-saħħa tiegħek.
Jekk is-sikurezza tal-vittma tinsab f’riskju, l-uffiċjal tal-pulizija jieħu azzjonijiet jew miżuri biex jiżgura s-sikurezza tal-vittma. L-uffiċjali tas-Servizz tal-Ħabs, l-uffiċjali tal-pulizija militari u l-uffiċjali tal-pulizija muniċipali għandhom l-istess obbligu.
F’sitwazzjonijiet aktar serji, taħt ċerti kundizzjonijiet tkun eliġibbli għal protezzjoni speċjali li tiġi pprovduta lil xhieda u lil persuni oħra li aktarx li jkunu f’riskju ta’ ħsara fiżika jew f’riskju serju ieħor b'rabta mal-proċedimenti kriminali. Protezzjoni bħal din tinkludi protezzjoni personali, bidla tar-residenza u assistenza fl-inklużjoni soċjali f’ambjent ġdid, ħabi tal-identità vera, eċċ. Din hi miżura serja ħafna, li għandha tintuża biss meta jkun hemm bżonnha.
Il-protezzjoni pprovduta mill-qrati jew mill-prosekuturi pubbliċi tieħu l-forma ta’ miżuri ta’ prekawzjoni użati fil-proċedimenti kriminali, pereżempju li jipprojbixxu lill-persuna akkużata milli tikkuntattja lill-vittma jew tidħol fid-dar komuni fejn tgħix il-vittma. Miżuri ta’ prekawzjoni simili jistgħu jittieħdu minn qorti fi proċedimenti ċivili wkoll. Jekk il-protezzjoni tiegħek, bħala vittma jew parti li ġarrbet id-danni, teħtieġ it-teħid tal-persuna akkużata f’kustodja, din tista’ tittieħed f’kustodja jekk ikun hemm raġunijiet għaliex wieħed jemmen li l-persuna akkużata se tirrepeti r-reat, tlesti r-reat jew twettaq reat li kienet qed tipprepara jew thedded li twettaq.
Barra minn hekk, għandek id-dritt li titlob li jittieħdu passi fil-proċedimenti kriminali għall-prevenzjoni tal-kuntatt tiegħek mal-allegat trasgressur.
Fuq talba tiegħek, int għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-ħelsien jew il-ħarba tal-persuna akkużata mill-kustodja, mill-ħabs jew minn ċentru ta’ detenzjoni tas-sigurtà, u informazzjoni simili oħra.
Jekk int xhud, tista’ tixhed bl-identità tiegħek moħbija taħt ċerti kundizzjonijiet.
Korp ġudizzjarju jista’ joħroġ ordni ta’ protezzjoni Ewropea wkoll għall-protezzjoni tiegħek.
Il-protezzjoni hi offruta mill-awtoritajiet imsemmija hawn fuq, b’mod partikolari mill-pulizija u mill-qrati permezz tad-deċiżjonijiet tagħhom.
Is-sitwazzjoni dejjem tiġi vvalutata mill-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi. Jekk isibu xi periklu, dawn jieħdu l-passi neċessarji.
L-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi dejjem iridu jaġixxu b’tali mod li jipprevjenu dannu ulterjuri għall-vittma bħala riżultat tat-trasgressjoni jew ta’ ħsara sekondarja.
Jekk awtorità ta’ infurzar tal-liġi tikser id-drittijiet tiegħek jew int ma rnexxilekx teżerċitahom bis-sħiħ, int għandek id-dritt li tfittex rimedju. Fuq kollox, int għandek id-dritt li tapplika għal rieżami tal-kondotta tal-awtorità tal-pulizija jew li tfittex kumpens għad-danni jew sodisfazzjon raġonevoli għal ħsara mhux pekunarja kkawżata minn awtorità pubblika fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.
Vittmi partikolarment vulnerabbli jinkludu tfal, l-anzjani jew persuni b'diżabilitajiet u vittmi ta’ ċerti reati bħat-traffikar tal-bnedmin, attakki terroristiċi, reati sesswali kontra d-dinjità umana, jew ċerti reati vjolenti. Naturalment, il-vittmi partikolarment vulnerabbli jistgħu jisfruttaw il-possibbiltajiet kollha ta’ protezzjoni msemmija hawn fuq, u spiss ikun il-każ li l-awtorità kompetenti, fil-prinċipju, tkun obbligata taċċetta l-applikazzjoni ta’ vittma partikolarment vulnerabbli. Ġeneralment, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet ta’ vittmi partikolarment vulnerabbli jkun usa’; madankollu, dan ma japplikax b’mod dirett għall-protezzjoni tal-vittmi, li jiddependi aktar minn jekk il-vittma tinsabx f’riskju li ġġarrab ħsara fiżika jew f’riskju serju ieħor.
Iva, bħala minorenni (persuna ta’ anqas minn 18-il sena), int vittma partikolarment vulnerabbli u int intitolat(a) għal drittijiet speċjali. Dawn jinkludu d-dritt għal assistenza legali mingħajr ħlas fil-proċedimenti kriminali, id-dritt li jkollok intervisti li jsiru b’mod partikolarment sensittiv minn persuna mħarrġa, limitu fuq intervisti ripetuti jew id-dritt ta’ prevenzjoni ta’ kuntatt viżiv immedjat mat-trasgressur, kif ukoll limitu fuq l-eżenzjonijiet minn ċerti drittijiet oħra li jappartjenu għall-vittmi kollha.
Jekk int iġġarrab ħsara minħabba l-mewt ta’ membru tal-familja bħala riżultat ta’ reat, int titqies li int vittma int stess, u jkollok id-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ vittma.
F’dan il-każ, int ma titqiesx vittma. Madankollu, int tista’ ssir il-persuna tal-fiduċja ta’ vittma jekk il-vittma tagħżlek bħala tali. Il-vittma għandha d-dritt li tkun akkumpanjata minn persuna tal-fiduċja matul il-proċedimenti kriminali u meta tagħti spjegazzjoni. Persuna tal-fiduċja tista’ tiġi eskluża biss f’każijiet eċċezzjonali.
Iva. Is-Servizz ta’ Probazzjoni u ta’ Medjazzjoni, li hu wieħed mill-fornituri ta’ assistenza għall-vittmi, jipprovdi servizzi ta’ medjazzjoni. Il-medjazzjoni hi mingħajr ħlas u bbażata fuq il-kunsens taż-żewġ partijiet, jiġifieri l-vittma u t-trasgressur. Il-medjazzjoni ssir minn espert ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti li jżomm approċċ amikevoli u bbilanċjat maż-żewġ partijiet u jgħin biex tinstab soluzzjoni. Is-Servizz ta’ Probazzjoni u ta’ Medjazzjoni hu unità organizzazzjonali tal-Istat li l-missjoni tiegħu hi, fost l-oħrajn, li jservi ta’ medjatur għal soluzzjoni effettiva u soċjalment ta’ benefiċċju għal kunflitti relatati ma’ reati, u li, b’hekk, tista’ tiżgura s-sigurtà tal-vittma matul in-negozjati tal-medjazzjoni.
Id-dispożizzjonijiet ewlenin huma dawk tal-Att Nru 45/2013 dwar il-vittmi ta’ reati. Il-Ġabra ta’ Liġijiet tista’ tiġi kkonsultata fil-jiem tax-xogħol fi kwalunkwe awtorità muniċipali u reġjonali (inkluż fis-City Hall ta’ Praga). Bħal leġiżlazzjoni oħra, din il-liġi hi disponibbli onlajn ukoll, pereżempju fil-Portal tal-Amministrazzjoni Pubblika jew fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Intern
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.