Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

X’inhu l-proċess biex titlob kumpens għad-danni mingħand it-trasgressur? (pereż. kawża fil-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

Inti għandek id-dritt li tippreżenta kawża fil-qorti kontra t-trasgressur għar-reat li jkun twettaq kontra tiegħek. Tista’ tikkuntattja wkoll lis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali biex tikseb informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li titlob kumpens għad-danni.

Il-minorenni ta’ taħt it-18-il sena għandhom id-dritt li jippreżentaw talba għall-kumpens għad-danni kontra l-partijiet kollha responsabbli, għar-reati previsti fl-Att dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Abbuż Sesswali, l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. It-trasgressur jerfa’ r-responsabbiltà ċivili rispettiva biex iħallas il-kumpens għad-danni speċifiċi jew ġenerali kollha mġarrba mill-vittma/vittmi.

Kull persuna li tkun vittma skont it-tifsira tal-Att dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tat-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin u dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi għandha d-dritt li tippreżenta talba għall-kumpens għad-danni kontra l-persuni kollha responsabbli, għal kull reat kriminali mwettaq kontra tagħhom skont l-Att hawn fuq imsemmi kif ukoll għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. It-trasgressur jerfa’ r-responsabbiltà ċivili rispettiva biex iħallas il-kumpens għad-danni speċifiċi jew ġenerali kollha mġarrba mill-vittma/vittmi, inklużi kwalunkwe arretrati dovuti lill-vittma/vittmi bħala riżultat tal-impjieg sfurzat tagħhom.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur sabiex iħallasni danni / kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?

Jekk it-trasgressur jonqos milli jħallsek l-ammont tad-danni mogħtija mill-Qorti, inti tista’ tindirizza lill-Qorti, permezz tal-avukat tiegħek, li għandha toħroġ ordni lit-trasgressur sabiex iħallas id-danni mogħtija; jekk it-trasgressur jonqos milli jikkonforma, huwa għandu jiġi arrestat immedjatament u mibgħut il-ħabs.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni ammont bil-quddiem? Taħt liema kundizzjonijiet?

Il-Liġi ma tipprevedi l-ebda ħlas bil-quddiem lill-vittmi mill-Istat.

Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

Jista’ jingħata kumpens mill-Istat fil-forma deskritta fil-Liġi tal-1997 dwar il-Kumpens għall-Vittmi ta’ Reati Vjolenti (il-Liġi 51(I)/97), għall-vittmi ta’ reati vjolenti jew għad-dipendenti tagħhom, jekk:

(a) Il-vittma jew id-dipendenti tiegħu ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens mingħand it-trasgressur għal kwalunkwe raġuni, u

(b) Ma jkun disponibbli l-ebda kumpens minn sorsi oħra jew dak il-kumpens ikun iżgħar fl-ammont minn dak previst fil-Liġi msemmija aktar ’il fuq:

Il-kumpens skont il-Liġi hawn fuq imsemmija huwa pagabbli anki f’każijiet fejn ma jitressqux akkużi kontra t-trasgressur jew ma jingħatax sentenza :

Jekk il-kumpens disponibbli minn sorsi oħra jkun anqas minn dak previstfil-Liġi msemmija, l-Istat iħallas id-differenza.

Il-Liġi tistabbilixxi wkoll iċ-ċirkustanzi li fihom jiġi miċħud il-kumpens u tistabbilixxi wkoll x’jinkludi l-ammont tal-kumpens pagabbli.

“Reat vjolenti” jfisser kwalunkwe reat imwettaq intenzjonalment fir-Repubblika ta’ Ċipru, li jinvolvi l-vjolenza u jikkawża l-mewt, offiża gravi fuq il-persuna jew kundizzjoni ħażina tas-saħħa bħala riżultat dirett, inkluż kwalunkwe wieħed mir-reati li ġejjin, bil-kundizzjoni li huma jikkawżaw ir-riżultati msemmija hawn fuq:

Omiċidju premeditat: (l-Artikoli 203 u 204), Attentat ta’ omiċidju: (l-Artikolu 214), Stupru: (l-Artikolu 144), Attentat ta’ stupru: (l-Artikolu 146), Ħtif ta’ persuna: (l-Artikolu 148), Ħtif ta’ persuna femminili ta’ taħt is-16-il sena: (l-Artikolu 149), Atti maħsuba biex jikkawżaw dannu fiżiku serju: (l-Artikolu 228), Offiża gravi fuq il-persuna: (l-Artikolu 231), Attentat ta’ offiża fuq il-persuna bl-użu ta’ splussivi: (l-Artikolu 232), Użu malizzjuż ta’ velenu: (l-Artikolu 233), Korriment: (l-Artikolu 234), Attakk li jikkawża offiża fuq il-persuna: (l-Artikolu 243), Attakki oħra: (l-Artikolu 244), Reati kontra l-libertà personali: (l-Artikoli 245-254), Ħruq doluż: (l-Artikolu 315).

Talba għall-kumpens skont il-Liġi msemmija aktar ’il fuq trid tiġi ppreżentata lid-Direttur tas-Servizzi tas-Sigurtà Soċjali fi żmien raġonevoli, fi kwalunkwe każ fi żmien sentejn wara li tkun ikkawżata l-offiża fuq il-persuna / kundizzjoni ħażina tas-saħħa / mewt, kif applikabbli.

It-talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport tal-pulizija, ċertifikat mediku u kwalunkwe dokument ieħor li jistgħu jkunu utli għall-valutazzjoni tagħha. Id-Direttur tas-Servizzi tas-Sigurtà Soċjali jista’ jitlob kwalunkwe evidenza addizzjonali li tkun meħtieġa, fid-diskrezzjoni tiegħu, inkluża evidenza li ma jkun tħallas jew ma jkun se jitħallas ebda kumpens minn sorsi oħra, inkluża dikjarazzjoni ġuramentata mill-applikant.

Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

L-għoti tal-kumpens lill-vittmi ma jiddependix mill-kundanna tat-trasgressur. Il-Qorti tagħti deċiżjoni dwar l-għoti tal-kumpens għad-danni fil-kuntest tal-proċedimenti fir-rigward tat-talba għall-kumpens għad-danni, li hija distinta b’mod ċar mill-eżitu tal-proċedimenti kriminali.

Inkun intitolat għal pagament ta’ emerġenza waqt li nkun qiegħed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens għad-danni?

Ma tistax tirċievi pagament ta’ emerġenza billi l-liġi ma tipprevedix tali pagament.

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.