Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

X’informazzjoni se nieħu mingħand l-awtorità (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) wara li jkun seħħ ir-reat iżda qabel saħansitra nirrapporta r-reat?

Il-Pulizija jinfurmawk, mingħajr dewmien bla bżonn, dwar id-dritt tiegħek li tikseb l-informazzjoni li ġejja dwar:

  1. L-Għassa tal-Pulizija jew id-Dipartiment tal-Pulizija fejn il-vittma tista’ tippreżenta lment;
  2. It-tip ta’ appoġġ li l-vittmi jistgħu jirċievu u mingħand min, inkluż, fejn rilevanti, informazzjoni bażika dwar l-aċċess għall-appoġġ mediku, kwalunkwe appoġġ speċjalizzat, inkluż appoġġ psikoloġiku, u akkomodazzjoni alternattiva;
  3. kif u taħt liema kundizzjonijiet il-vittmi jingħataw protezzjoni, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni;
  4. kif u taħt liema kundizzjonijiet il-vittmi jistgħu jitolbu kumpens;
  5. kif u taħt liema kundizzjonijiet l-ispejjeż imġarrba bħala riżultat tal-parteċipazzjoni ta’ vittma fil-proċedimenti kriminali jistgħu jiġu rimborżati;
  6. kif u taħt liema kundizzjonijiet il-vittmi huma intitolati għas-servizzi ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni;
  7. il-proċeduri disponibbli biex jiġu ppreżentati l-ilmenti meta d-drittijiet tal-vittmi ma jiġux irrispettati mid-dipartiment involut;
  8. id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-Pulizija li jkun qiegħed jieħu ħsieb il-każ tiegħek, għal skopijiet ta’ komunikazzjoni.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti d-drittijiet tiegħi?

Jekk inti residenti fi Stat Membru ieħor, il-Pulizija Ċiprijotta tikseb stqarrija ġuramentata mingħandek eżatt wara li tirrapporta r-reat, sabiex tillimita d-diffikultajiet dwar kif tiġi organizzata l-proċedura.

Jekk ir-reat twettaq fir-Repubblika ta’ Ċipru u inti residenti fi Stat Membru ieħor, inti tista’ tirrappurtah lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza tiegħek, sa fejn ma tkunx tista’ - jew, fil-każ ta’ reat gravi - ma tkunx lest li tagħmel dan f’Ċipru.

Jekk tippreżenta lment għal reat imwettaq fi Stat Membru ieħor tal-UE lill-Pulizija Ċiprijotta, din tal-aħħar trid tibgħat dak l-ilment lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn twettaq ir-reat, fejn hija ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tibda l-proċedimenti.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Meta tirrapporta reat lill-Pulizija, inti tikseb l-informazzjoni li ġejja, skont f’liema stadju tal-proċedura jkun qiegħed l-ilment tiegħek:

  1. id-dettalji tal-uffiċjal tal-pulizija li jkun qiegħed jieħu ħsieb il-każ tiegħek;
  2. kwalunkwe deċiżjoni ġustifikata għan-nuqqas ta’ proċediment jew għat-tmiem ta’ investigazzjoni jew biex ma jiġix ipproċessat it-trasgressur;
  3. il-ħin u l-post tal-proċess, u n-natura tal-akkużi kontra t-trasgressur;
  4. informazzjoni li tippermettilek li tiġi infurmat dwar il-kors tal-proċedimenti kriminali. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn it-trattament xieraq tal-każ jista’ jiġi affettwat ħażin bid-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni, din tista’ ma tingħatax wara opinjoni motivata tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika ta’ Ċipru.
  5. Informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li tiġi infurmat jekk il-persuna arrestata, ipproċessata jew ikkundannata għar-reat li jirrigwardak, tinħeles jew tkun ħarbet. L-informazzjoni ta’ hawn fuq tista’ ma tingħatax jekk ikun hemm riskju potenzjali jew stabbilit ta’ dannu għat-trasgressur.

Għandi dritt għal servizzi ta’ interpretazzjoni jew ta’ traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Jekk tixtieq tirrapporta reat iżda ma tistax tifhem jew titkellem bil-Grieg, inti tista’ tippreżenta lment b’lingwa li tifhem, bl-assistenza lingwistika neċessarja.

Barra minn hekk, il-Pulizija trid tassigura li inti tiġi offrut:

  • servizzi ta’ interpretazzjoni b’xejn matul l-investigazzjoni jekk ma tifhimx jew ma titkellimx bil-Grieg;
  • traduzzjoni b’xejn tal-informazzjoni kollha miġbura matul l-investigazzjoni, fuq talba bil-miktub min-naħa tiegħek, sa fejn dik l-informazzjoni tkun essenzjali sabiex inti teżerċita d-drittijiet tiegħek.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

  • Il-Pulizija se tuża lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem sabiex tikkomunika miegħek, billi tqis is-sitwazzjoni personali tiegħek, inkluża kwalunkwe diżabbiltà li tista’ taffettwa l-abbiltà tiegħek li tifhem jew li tinftiehem. Il-komunikazzjoni, kemm orali kif ukoll bil-miktub, għandha tkun f’forma aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltajiet, inkluż, fejn ikun meħtieġ, il-Braille jew il-lingwa tas-sinjali.
  • Jekk inti minorenni taħt it-18-il sena, inti tiġi evalwat abbażi tal-età, il-livell ta’ maturità, il-fehmiet, il-ħtiġijiet u t-tħassib tiegħek, sabiex ikun assigurat li tkun tista’ tifhem u tinftiehem. Il-ġenituri, il-kustodji jew kwalunkwe rappreżentant legali ieħor tiegħek jiġu infurmati dwar kwalunkwe dritt li jista’ jirrigwardak.
  • Fl-ewwel kuntatt tiegħek mal-Pulizija, inti tista’ tiġi akkumpanjat minn persuna tal-għażla tiegħek, ħlief fejn dan ikun detrimentali għall-interessi tiegħek jew għall-kors tal-proċedimenti. Jekk inti persuna b’diżabbiltajiet, inti tista’ tiġi akkumpanjat minn persuna tal-għażla tiegħek matul l-investigazzjoni sħiħa tal-każ.

Barra minn hekk, jekk inti minorenni, l-informazzjoni tingħatalek mis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali (fejn ikun meħtieġ, permezz ta’ interpretu) f’lingwaġġ li tista’ tifhem u b’konsiderazzjoni xierqa għall-età u l-livell ta’ maturità tiegħek. Jekk inti persuna b’diżabbiltà, inti tirċievi l-informazzjoni b’mod li tista’ tifhmu (eż. bil-lingwa tas-sinjali).

Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

L-organizzazzjonijiet li ġejjin jipprovdu servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi:

  • Is-Servizzi Mediċi,
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali,
  • Is-Servizzi tas-Saħħa Mentali,
  • Is-Servizz tal-Psikoloġija Edukattiva fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura,
  • Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi

Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali tal-Ministeru tal-Impjiegi, l-Assistenza Soċjali u s-Sigurtà Soċjali joffru appoġġ lil gruppi vulnerabbli, inklużi l-vittmi ta’ kriminalità, billi:

  • Jappoġġaw lill-familja, bil-għan li jippermettu lill-membri tagħha jwettqu r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom b’mod effettiv; isolvu tilwim familjari li jhedded l-unità tal-familja; jipproteġu s-sikurezza u l-benesseri tat-tfal; jipprevjenu l-imġiba delinkwenti u l-vjolenza domestika u jinkoraġġixxu r-rijabilitazzjoni ta’ persuni involuti f’imġiba antisoċjali u delinkwenza;
  • Jappoġġaw gruppi vulnerabbli;
  • Jgħinu lill-komunitajiet lokali jidentifikaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċjali tal-gruppi vulnerabbli;
  • Ipoġġu lill-vittmi f’kuntatt ma’ awtoritajiet u NGOs kompetenti oħra li jistgħu jipprovdu servizzi u appoġġ addizzjonali.

Il-pulizija se jirreferuni awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Il-Pulizija jirreferuk għas-servizzi governattivi jew servizzi oħra ta’ appoġġ u assistenza, jekk dan ikun meqjus neċessarju, u jinfurmawk dwar is-servizzi eżistenti msemmija aktar ’il fuq:

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

L-uffiċjali tal-pulizija jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Kostituzzjoni, il-leġislazzjoni applikabbli u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Pulizija, li jassiguraw li l-privatezza u l-ħajja tal-familja tiegħek jiġu rrispettati u d-data personali tiegħek tiġi protetta adegwatament.

Skont il-liġi, ismek u l-kontenut tal-istqarrija ġuramentata tiegħek ma jistgħu taħt l-ebda ċirkustanza jiġu ppubblikati jew żvelati b’xi mod.

L-ipproċessar tad-data huwa regolat permezz ta’ leġislazzjoni speċjali, li tassigura l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

Iva. Wara li tippreżenta lment lill-Pulizija, is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali jassiguraw li inti tiġi offrut servizzi ta’ appoġġ mingħajr ħlas, skont il-ħtiġijiet tiegħek, inklużi servizzi minn NGOs li jistgħu joffru appoġġ speċjali.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu.

Il-Pulizija jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jipproteġu s-sikurezza tiegħek, speċjalment meta jiġu stabbiliti ħtiġijiet speċjali ta’ protezzjoni. Għalhekk, jiddependi min-natura / ċirkustanzi tar-reat kriminali, is-sitwazzjoni personali tiegħek u kwalunkwe ħtieġa speċjali ta’ protezzjoni, jistgħu jiġu applikati miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni f’diversi fażijiet tal-proċedimenti kriminali, kif ġej:

(1) L-integrazzjoni tal-vittmi fi skemi ta’ protezzjoni tax-xhieda, soġġett għal superviżjoni u kontroll mill-Avukat Ġenerali

B’deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali, inti tista’ tiġi integrat fi skema ta’ protezzjoni tax-xhieda, li tinvolvi miżuri tal-Pulizija sabiex tiġi protetta s-sikurezza personali tiegħek kif ukoll is-sikurezza tal-familja tiegħek, fejn ikun meħtieġ.

(2) Il-protezzjoni tal-vittmi matul l-investigazzjoni kriminali:

Matul l-investigazzjoni kriminali:

  • Inti tiġi interrogat mill-Pulizija mingħajr dewmien bla bżonn eżatt wara li tippreżenta lment;
  • L-għadd ta’ interrogazzjonijiet jinżamm minimu u l-interrogazzjonijiet jitwettqu biss fejn dan ikun assolutament neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni kriminali.
  • Inti tista’ tiġi akkumpanjat mir-rappreżentant legali tiegħek jew persuna tal-għażla tiegħek, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni motivata kuntrarja fir-rigward ta’ xi waħda jew taż-żewġ persuni;
  • L-eżamijiet mediċi jinżammu minimi u jitwettqu biss fejn dan ikun assolutament neċessarju għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali.

(3) Id-dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni matul il-proċedimenti kriminali:

Jekk tiġi identifikat bħala vittma bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni, ikunu disponibbli għalik l-opzjonijiet li ġejjin:

  • L-interrogazzjonijiet kollha jsiru f’post imfassal jew adattat għal dak il-għan;
  • L-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu minn professjonisti mħarrġa adegwatament għal dak il-għan;
  • L-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu mill-istess persuna, ħlief fejn dan imur kontra l-amministrazzjoni effettiva tal-ġustizzja, u
  • Jekk inti vittma ta’ vjolenza sesswali, vjolenza sessista jew vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, l-interrogazzjonijiet tiegħek għandhom isiru minn persuna tal-istess sess bħalek, jekk inti tkun tixtieq dan, bil-kundizzjoni li ma jiġix preġudikat il-kors tal-investigazzjoni.

B’mod partikolari:

Jekk inti vittma ta’ vjolenza domestika:

  • ma għandha tiġi permessa l-ebda divulgazzjoni tal-informazzjoni personali fl-istqarrija ġuramentata tiegħek;
  • inti tista’ tiġi riferut għal kenn operat mill-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni u l-Indirizzar tal-Vjolenza fil-Familja;
  • il-qorti tista’ tordna d-detenzjoni tal-konvenut sakemm il-każ jiġi rinvijat lill-qorti, jew il-ħelsien tiegħu, bil-kundizzjoni li huwa ma jżurx jew jagħti fastidju b’xi mod lil kwalunkwe membru tal-familja tiegħu.

Jekk inti vittma minorenni ta’ abbuż sesswali:

  • l-informazzjoni personali tiegħek ma għandhiex tiġi żvelata fl-istqarrija ġuramentata tiegħek;
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali tal-Ministeru tal-Impjiegi, l-Assistenza Soċjali u s-Sigurtà Soċjali jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jipproteġu s-sikurezza tiegħek, jekk l-interessi tiegħek ikunu f’kunflitt ma’ dawk tal-ġenituri tiegħek.

Jekk inti vittma ta’ traffikar u sfruttament tal-bnedmin:

  • ma għandha tiġi permessa l-ebda divulgazzjoni tal-informazzjoni personali fl-istqarrija ġuramentata tiegħek;
  • Il-każ tiegħek irid jiġi rrappurtat lis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali minn kwalunkwe uffiċjal tal-gvern li jkun jaf bis-sitwazzjoni tiegħek - is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali jridu jinfurmawk bid-drittijiet tiegħek;
  • Inti intitolat għal protezzjoni mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-istatus legali tiegħek jew kwalunkwe kooperazzjoni li jista’ jkollok mal-Pulizija.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

Il-Pulizija huma primarjament responsabbli biex joffrulek protezzjoni. Jekk ikun meħtieġ, il-Pulizija jikkooperaw ma’ korpi kompetenti oħra tas-settur pubbliku jew privat sabiex jassiguraw li inti tkun protett b’mod effettiv.

Hemm xi ħadd li se jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar ħsara mit-trasgressur?

Il-Pulizija se jivvalutaw il-każ tiegħek sabiex:

(a) jidentifikaw kwalunkwe ħtieġa speċifika ta’ protezzjoni, u

(b) jistabbilixxu jekk u sa fejn għandek tibbenefika minn miżuri speċjali matul il-proċedimenti kriminali minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħek għall-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, l-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni.

Għandha titwettaq valutazzjoni individwali bl-involviment mill-qrib tiegħek u din għandha tqis ix-xewqat tiegħek, inkluża x-xewqa tiegħek li ma tibbenefikax minn miżuri speċjali.

Se jkun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi sabiex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Il-valutazzjoni individwali tinkludi valutazzjoni tal-esponiment tiegħek għar-riskju ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, sabiex tiġi eskluża kull possibbiltà li inti ġġarrab vittimizzazzjoni sekondarja u/jew ripetuta mill-korpi tal-ġustizzja kriminali.

X’tip ta’ protezzjoni hija disponibbli għal vittmi vulnerabbli ħafna?

Vittmi vulnerabbli ħafna jiġu offruti t-tipi ta’ protezzjoni li ġejjin:

(1) L-integrazzjoni tal-vittmi fi skemi ta’ protezzjoni tax-xhieda, soġġett għal superviżjoni u kontroll mill-Avukat Ġenerali.

B’deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali, inti tista’ tiġi integrat fi skema ta’ protezzjoni tax-xhieda, li tinvolvi miżuri tal-Pulizija sabiex tiġi protetta s-sikurezza personali tiegħek kif ukoll is-sikurezza tal-familja tiegħek, fejn ikun meħtieġ.

(2) Il-protezzjoni tal-vittmi matul l-investigazzjoni kriminali:

Matul l-investigazzjoni kriminali:

  • Inti tiġi interrogat mill-Pulizija mingħajr dewmien bla bżonn eżatt wara li tippreżenta lment;
  • l-għadd ta’ interrogazzjonijiet jinżamm minimu u dawn jitwettqu biss fejn ikun assolutament neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni kriminali;
  • inti tista’ tiġi akkumpanjat mir-rappreżentant legali tiegħek jew persuna tal-għażla tiegħek, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni motivata kuntrarja fir-rigward ta’ xi waħda jew taż-żewġ persuni;
  • l-eżamijiet mediċi meħtieġa jinżammu minimi u jitwettqu biss fejn dan ikun assolutament neċessarju għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali.

(3) Il-protezzjoni ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni matul il-proċedimenti kriminali:

Jekk tiġi identifikat bħala vittma bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni, ikunu disponibbli għalik dawn li ġejjin:

  • l-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu f’post imfassal jew adattat għal dak il-għan;
  • l-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu minn professjonisti mħarrġa adegwatament għal dak il-għan;
  • l-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu mill-istess persuna, ħlief fejn dan imur kontra l-amministrazzjoni effettiva tal-ġustizzja, u
  • jekk tkun vittma ta’ vjolenza sesswali, vjolenza sessista jew vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, l-interrogazzjonijiet għandhom jitwettqu minn persuna tal-istess sess bħalek, jekk inti tkun tixtieq dan, bil-kundizzjoni li ma jiġix preġudikat il-kors tal-investigazzjoni.

Jien minorenni – għandi xi drittijiet speċjali?

Jekk inti minorenni, jiġu protetti l-aħjar interessi tiegħek, li jiġu valutati fuq bażi ta’ każ b’każ b’kont meħud tal-età, il-livell ta’ maturità, il-fehmiet, il-ħtiġijiet u t-tħassib tiegħek.

Bħala minorenni inti għandek xi drittijiet addizzjonali:

  • matul il-proċedimenti, inti tista’ tiġi akkumpanjat mill-ġenituri tiegħek jew minn uffiċjal tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali, jekk tkun fil-kura tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali.
  • jekk inti vittma ta’ vjolenza domestika, jista’ jiġi ppreżentat ilment f’ismek mid-Direttur tas-Servizzi Soċjali tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali, u jistgħu jiġu applikati l-miżuri kollha neċessarji għas-sikurezza tiegħek.
  • jekk inti vittma ta’ abbuż sesswali, jista’ jiġi ppreżentat ilment f’ismek minn kwalunkwe uffiċjal tal-gvern u jistgħu jiġu applikati l-miżuri kollha neċessarji għas-sikurezza tiegħek.
  • jekk m’intix akkumpanjat, inti titqiegħed fil-kura tad-Direttur tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali u jkollok aċċess għad-drittijiet tiegħek, eż. id-dritt tiegħek għall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, eċċ. kif ukoll id-dritt tiegħek għar-riunifikazzjoni mal-familja.
  • Id-Dritt għall-Privatezza. Il-Pulizija jieħdu l-miżuri legali kollha neċessarji sabiex jipprevjenu d-disseminazzjoni pubblika ta’ kwalunkwe informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni tiegħek.
  • Ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni. Il-Pulizija huma responsabbli sabiex:
    • jassiguraw li l-investigazzjoni u l-proċedimenti tal-prosekuzzjoni kriminali jitwettqu irrispettivament minn jekk inti jew ir-rappreżentant tiegħek tkunux għamiltu lment formali, u li l-proċedimenti kriminali jkunu jistgħu jissoktaw anki jekk inti tirtira l-istqarrija ġuramentata tiegħek;
    • jissoktaw bil-prosekuzzjoni anki wara li tilħaq età maġġuri;
    • jirreġistraw l-interrogazzjonijiet tiegħek, bħala parti mill-investigazzjoni.

Matul l-interrogazzjonijiet, inti tista’ tiġi akkumpanjat mir-rappreżentant legali tiegħek jew minn adult tal-għażla tiegħek, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni motivata kuntrarja fir-rigward ta’ dik il-persuna.

L-interrogazzjonijiet jitwettqu:

  • mingħajr dewmien mhux ġustifikat, mill-mument li l-inċidenti jiġu rrappurtati lill-Pulizija;
  • fejn ikun meħtieġ, f’post imfassal speċifikament jew adattat għal dak il-għan.
  • fejn ikun meħtieġ, minn jew permezz ta’ professjonist li jkun imħarreġ sewwa għal dak il-għan;
  • sal-punt biss li jkun neċessarju għall-iskopijiet tal-investigazzjoni / tal-proċedimenti kriminali filwaqt li l-għadd ta’ interrogazzjonijiet jinżamm minimu;
  • fil-każ ta’ abbuż sesswali, l-interrogazzjonijiet jitwettqu minn professjonisti mħarrġa li jkunu tal-istess sess bħat-tfal.

Il-membru tal-familja tiegħi miet minħabba r-reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Tista’ tfittex appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi li ġejjin:

  • Is-Servizzi Mediċi tal-Istat,
  • Is-Servizzi tas-Saħħa Mentali,
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali,
  • Is-Servizzi tal-Psikoloġija Edukattiva (fil-każ ta’ minorenni);
  • L-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni u l-Indirizzar tal-Vjolenza fil-Familja - topera hotline speċjali (1440) (għall-vittmi ta’ vjolenza domestika);
  • NGOs involuti f’attivitajiet ta’ appoġġ għall-vittmi.

Il-liġi tippermettilek li tippreżenta talba għall-kumpens għad-danni kontra t-trasgressur. Tista’ tindirizza wkoll lis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali biex tikseb informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li titlob kumpens għad-danni.

Il-membru tal-familja tiegħi miet minħabba r-reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Tista’ tfittex appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi li ġejjin:

  • Is-Servizzi Mediċi tal-Istat,
  • Is-Servizzi tas-Saħħa Mentali,
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali,
  • Is-Servizzi tal-Psikoloġija Edukattiva (fil-każ ta’ minorenni);
  • L-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni u l-Indirizzar tal-Vjolenza fil-Familja - topera hotline speċjali (1440) (għall-vittmi ta’ vjolenza domestika);
  • NGOs involuti f’attivitajiet ta’ appoġġ għall-vittmi.

Il-liġi tippermettilek li tippreżenta talba għall-kumpens għad-danni kontra t-trasgressur. Tista’ tindirizza wkoll lis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali biex tikseb informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li titlob kumpens għad-danni.

Membru tal-familja kien vittma ta’ reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Tista’ tfittex appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi li ġejjin:

  • Is-Servizzi Mediċi tal-Istat,
  • Is-Servizzi tas-Saħħa Mentali,
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali,
  • Is-Servizzi tal-Psikoloġija Edukattiva (fil-każ ta’ minorenni);
  • L-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni u l-Indirizzar tal-Vjolenza fil-Familja - topera hotline speċjali (1440) (għall-vittmi ta’ vjolenza domestika);
  • NGOs involuti f’attivitajiet ta’ appoġġ għall-vittmi.

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Se nkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

F’Ċipru ma hemmx qafas leġislattiv li jirregola s-servizzi ta’ medjazzjoni.

Fejn nista’ nsib il-leġislazzjoni li tirregola d-drittijiet tiegħi?

Il-leġislazzjoni li tirregola d-drittijiet tiegħek hija

  • L-Att dwar il-Vjolenza Domestika 2000-2015 (Prevenzjoni u Protezzjoni tal-Vittmi).
  • L-Att tal-2014 dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Abbuż Sesswali, l-Abbuż Sesswali tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal.

Tista’ taċċessa l-leġislazzjoni li tirregola d-drittijiet tiegħek permezz tas-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura ta’ Ċipru: http://www.cylaw.org/

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.