Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

X’inhu l-proċess biex nitlob kumpens mingħand it-trasgressur? (pereż. kawża quddiem il-qorti, kawża ċivili, proċedura ta’ aderenza)

Skont regolamenti speċifiċi, il-vittmi ta’ reati kastigabbli bi priġunerija ta’ ħames snin jew aktar, li jkunu batew trawma psikofiżika severa jew li jkunu ġew affettwati b’mod serju mir-reat, għandhom id-dritt għal konsulent qabel jixhdu fi proċedimenti kriminali jew ippreżentaw talba għal kumpens; it-tariffi tal-konsulent jiġġarrbu mill-gvern.

It-talbiet għal kumpens fi proċedimenti kriminali jistgħu jsiru minn persuni awtorizzati biex jagħmlu dawn it-talbiet f’kawżi ċivili.

Il-vittmi tal-kriminalità li jippreżentaw talba għal kumpens iridu jindikaw jekk huma kisbux kumpens jew ippreżentaw talba għal kumpens.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur iħallasni d-danni / il-kumpens. Kif nista’ nkun ċert li t-trasgressur iħallas?

Ladarba d-deċiżjoni dwar talba għal kumpens tkun finali u eżegwibbli, il-parti danneġġata tista’ titlob lill-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni fil-proċedimenti ta’ prim’istanza biex tagħtiha kopja ċċertifikata ta’ dik id-deċiżjoni, b’indikazzjoni li din tal-aħħar hija eżegwibbli.

Jekk id-deċiżjoni ma tistabbilixxix skadenza għall-konformità, l-obbligu impost mid-deċiżjoni jrid jiġi kkompletat fi żmien 15-il jum minn meta d-deċiżjoni ssir finali. Wara din l-iskadenza, l-issodisfar tal-obbligu jsir suġġett għall-eżekuzzjoni.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, l-istat jista’ jħallasni avvanz? Taħt liema kundizzjonijiet?

Vittma ta’ reat intenzjonali tista’ tingħata kumpens mill-baġit tal-Istat taħt att speċifiku. Fejn il-vittma tkun rebħet talba għad-danni, l-ammont tal-kumpens jiddependi fuq l-ammont mogħti; il-qorti li tiddeċiedi dwar it-talba għad-danni tieħu l-istess azzjoni meta l-vittma tkun diġà ħadet kumpens mill-baġit tal-Istat.

Jien intitolat għal kumpens mill-istat?

Il-vittmi ta’ reati vjolenti mwettqa fil-Kroazja wara l-1 ta’ Lulju 2013 huma eliġibbli għall-kumpens:

  • jekk ikunu ċittadini jew residenti tal-Kroazja jew ta’ Stat Membru ieħor tal-UE;
  • jekk ikunu sofrew offiża gravi fuq il-persuna jew deterjorament serju fis-saħħa b’riżultat tar-reat;
  • jekk ir-reat jiġi rrappurtat jew jitressaq mill-pulizija jew mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fi żmien sitt xhur mid-data li fih ikun twettaq, irrispettivament minn jekk ikunx magħruf min huwa t-trasgressur;
  • jekk ikunu ppreżentaw talba fuq formola uffiċjali, flimkien mad-dokumentazzjoni rekwiżita (il-formola tista’ tinkiseb minn kwalunkwe għassa tal-pulizija, uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew qorti muniċipali jew tal-kontea; hija disponibbli wkoll online fuq is-siti web tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tal-Ministeru għall-Intern, tal-Prosekutur Pubbliku u tal-qrati muniċipali u tal-kontea).

Il-vittma għandha d-dritt li tingħata kumpens:

  • għall-ispejjeż ta’ trattament mediku f’konformità mal-limiti nazzjonali; dan il-kumpens jingħata biss fejn il-kumpens tal-vittma ma jkunx kopert minn assigurazzjoni tas-saħħa.
  • sa HRK 35 000 għall-qligħ mitluf.

Jien intitolat għall-kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

Il-vittma tista’ tingħata kumpens anki jekk it-trasgressur ma jkunx magħruf jew jekk ma jkunux inbdew proċedimenti kriminali.

Jiena intitolat għal pagament ta’ emerġenza waqt li nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għal kumpens?

Pagamenti ta’ emerġenza mhumiex previsti mil-liġi Kroata.

L-aħħar aġġornament: 27/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.