Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

Vittmi ta’ reat għandhom għadd ta’ drittijiet fi proċedimenti prekontenzjużi u kriminali, bi protezzjoni partikolari tingħata lit-tfal u lill-vittmi ta’ reati kontra l-libertà sesswali u tat-traffikar tal-bnedmin

Il-vittma ta’ reat għandha d-dritt:

  • għal informazzjoni li l-pulizija, l-investigatur, l-uffiċċju tal-avukat ġenerali (državno odvjetništvo) kif ukoll il-qorti għandhom id-dmir li jipprovdu;
  • għal assistenza effettiva psikoloġika u assistenza esperta oħra kif ukoll appoġġ minn korpi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jappoġġaw il-vittmi ta’ reati;
  • tipparteċipa fi proċedimenti kriminali bħala l-parti leża,
  • tkun infurmata mill-avukat ġenerali (državni odvjetnik) dwar x'azzjoni ttieħedet abbażi tar-rapport tal-vittma, u tippreżenta kwerela għand l-avukat ġenerali superjuri (viši državni odvjetnik);
  • għal għajnuna psikoloġika ffinanzjata mill-Istat jekk issofri dannu psikosomatiku ferm gravi jew konsegwenzi verament serji mir-reat;
  • tippreżenta rikors assoċjat għad-danni;
  • kumpens skont liġi separata li jekk hija tkun sofriet dannu gravi fuq il-persuna jew deterjorament tas-saħħa serju bħala riżultat tar-reat vjolenti.

Vittma ta’ reat kontra l-libertà sesswali jew ta’ reat ta’ traffikar tal-bniedem għandha dawn id-drittijiet apparti dawk imsemmijin hawn fuq:

  • li titkellem ma’ konsulent qabel ma tiġi intervistata, bl-ispiża li titkopra mill-baġit;
  • għajnuna legali ffinanzjata mill-istat;
  • li tiġi intervistata minn persuna tal-istess sess fl-għassa tal-pulizija jew fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali;
  • li waqt l-intervista jkollha persuna li tafdaha;
  • li tirrifjuta li twieġeb mistoqsija mhux meħtieġa dwar il-ħajja personali tagħha;
  • li tistaqsi li tiġi intervistata permezz ta’ tagħmir awdjoviżiv
  • kunfidenzjalità rigward id-dejta personali;
  • li titlob li l-pubbliku ma jkunx preżenti għas-smigħ;
  • li tiġi infurmata b’dawn id-drittijiet mill-qorti, mill-avukat ġenerali u mill-pulizija qabel l-ewwel intervista.

Jekk minuri jkun vittma ta’ reat, għandu dawn id-drittijiet apparti dawk imsemmijin hawn fuq:

  • għajnuna legali ffinanzjata mill-istat;
  • li jkun akkumpanjat minn persuna ta’ fiduċja meta jipparteċipa fi proċedimenti;
  • kunfidenzjalità rigward id-dejta personali;
  • li jiġi intervistat f’daru jew post ieħor mgħammar apposta minflok il-qorti;
  • l-esklużjoni tal-pubbliku;
  • li l-interrogazzjoni sseħħ mingħajr imħallef jew partijiet preżenti fl-istess kamra mal-minuri, issir permezz ta’ tagħmir awdjoviżiv operat minn assistent professjonali;
  • li tingħata attenzjoni partikolari waqt l-intervista sabiex is-saħħa mentali tal-minuri ma tiġix affettwata ħażin.

Il-minuri huma dawk kollha li ma għalqux it-18-il sena.

Ix-xhieda li jkunu minuri u l-vittmi għandhom jiġu eżaminati mill-imħallef inkwirenti waqt is-seduta ta’ eżami tal-provi, u x-xhieda li jkunu minuri għandhom jirċievu taħrika permezz tal-ġenituri tagħhom jew tat-tuturi tagħhom.

Prosekuzzjoni privata

Meta jiġi rrappurtat reat, l-avukat ġenerali f’bosta każijiet iwettaq prosekuzzjoni ex officio.

Prosekuzzjoni privata tista’ tiġi mressqa fil-każ ta’ reati li għalihom jitniedu proċedimenti kriminali abbażi ta’ prosekuzzjoni privata. Prosekuzzjoni privata trid titressaq fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta l-persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata tkun saret taf bir-reat u bl-awtur tar-reat.

Rikors assoċjat għad-danni

Vittma ta’ reat hija wkoll parti leża u hija intitolata li tippreżenta rikors assoċjat għad-danni quddiem il-qorti.

Dan ir-rikors jista’ jinkludi dawn il-pretensjonijiet:

  • kumpens għad-danni, li jistgħu jkunu tanġibbli jew intanġibbli (l-uġigħ sofrut, il-biża’);
  • l-għoti lura tal-proprjetà personali — jekk il-parti leża tista’ tipprova li hija s-sid jew id-detentur leġittimu;
  • l-annullament ta’ tranżazzjoni speċifika — jekk ir-reat ikun irriżulta fi tranżazzjoni ta’ proprjetà (jekk l-akkużat ikun sforza lill-vittma biex tikkonkludi kuntratt).

Rikors assoċjat għad-danni jista’ jiġi ppreżentat fi proċedimenti kriminali jew fi proċedimenti ċivili separati kontra l-akkużat. Jekk rikors jiġi ppreżentat waqt proċedimenti kriminali, sabiex jiġi aċċettat hemm il-prerekwiżit li l-akkużat irid jinsab ħati mill-qorti.

Dan ma jkunx prerekwiżit għas-suċċess ta’ rikors fi proċedimenti ċivili.

Id-drittijiet tal-partijiet leżi matul investigazzjoni u fi proċedimenti kriminali

Matul inkjesta, il-vittmi tar-reat, bħala prosekuturi privati u partijiet leżi jkunu intitolati li jippreżentaw il-fatti u li jintroduċu l-evidenza li tkun kruċjali sabiex ir-reat jiġi aċċertat, sabiex l-awtur(i) tar-reat jiġi/u identifikati u sabiex il-pretensjonijiet tiegħu/tagħhom fir-rikors assoċjat għad-danni jiġu stabbiliti.

Vittma li tieħu sehem fi proċedimenti kriminali bħala parti leża għandha dritt:

  • tuża l-lingwa tagħha, inkluż il-lingwa tas-sinjali tal-persuni torox u ta’ dawk torox-għomja, u għall-assistenza ta’ interpretu jekk ma tifhimx jew ma tużax il-Kroat, jew għall-assistenza minn traduttur jew interpretu tal-lingwa tas-sinjali jekk hija tkun truxa jew truxa-għamja;
  • tuża il-lingwa tagħha;
  • tippreżenta rikors assoċjat għad-danni u mozzjonijiet għal inġunżjonijiet temporanji;
  • għal rappreżentant;
  • tippreżenta fatti u tgħaddi biex tintroduċi l-evidenza;
  • tattendi seduta ta’ eżami tal-provi;
  • tattendi l-proċedimenti, tieħu sehem fil-proċedimenti ta’ eżami tal-provi u tagħmel dikjarazzjoni tal-għeluq;
  • ikollha aċċess għall-atti tal-kawża;
  • titlob li tkun infurmata mill-avukat ġenerali dwar ir-rikors meħud abbażi tar-rapport tagħha, u tippreżenta kwerela għand avukat ġenerali superjuri;
  • tappella;
  • tippreżenta mozzjoni sabiex tħarrek u tibda prosekuzzjoni privata;
  • tirċievi avviż dwar iċ-ċaħda ta’ akkuża kriminali jew dwar id-deċiżjoni tal-avukat ġenerali li ma jkomplix bil-prosekuzzjoni;
  • tkompli bil-prosekuzzjoni minflok l-avukat ġenerali;
  • tipprova tkompli bis-sitwazzjoni preċedenti;
  • tirċievi avviż dwar ir-riżultat tal-proċedimenti kriminali.

L-uffiċċju tal-avukat ġenerali u tal-qorti huma obbligati jeżaminaw, kemm qabel kif ukoll waqt kull stadju tal-proċedimenti kriminali, jekk hemmx il-possibilità li l-akkużat jikkumpensa lill-parti leża għad-dannu kkawżat mir-reat. Huma obbigati wkoll jinfurmaw lill-parti leża dwar ċerti drittijiet stabbiliti bil-liġi (id-dritt tal-parti leża li tuża l-lingwa tagħha, d-dritt li tippreżenta rikors assoċjat għad-danni, eċċ.).

Id-dritt għall-kumpens finanzjarju

L-Att dwar il-Kumpens Finanzjarju għall-Vittmi ta’ Reat (Zakon o novčanoj naknadi žrtvama kaznenih djela) (Narodne Novine (NN; il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 80/08 u 27/11) jistabbilixxi d-dritt ta’ kumpens finanzjarju għall-vittmi ta’ reat li jkun jinvolvi vjolenza mwettqa b’intenzjoni fil-Kroazja jew għall-qraba tagħhom skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Att.

Jistabbilixxi d-dritt ta’ kumpens finanzjarju għall-vittmi ta’ reat vjolenti mwettaq b’intenzjoni u jispeċifika l-prerekwiżiti u l-proċeduri sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kumpens, il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet u li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ kumpens u l-korpi u l-proċeduri f’kawżi transfruntieri.

Vittimi ta’ reati vjolenti mwettqa b’intenzjoni għandhom dritt għal kumpens finanzjarju mill-baġit nazzjonali.

Il-pulizija, l-uffiċċju tal-avukat ġenerali u l-qrati huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar id-dritt għall-kumpens, jagħtu l-formoli ta’ applikazjoni meħtieġa u fuq talba tal-vittma, jagħtu gwida ġenerali u informazzjoni dwar kif għandha timtela l-applikazzjoni u dwar id-dokumenti ta’ sostenn li jkunu meħtieġa.

L-applikazzjonijiet għall-kumpens finanzjarju jridu jiġu ppreżentati lill-Ministeru tal-Ġustizzja fuq il-formola li tista’ titniżżel mis-sit web tal-Ministeru.

Formola ta' applikazzjoni għall-kumpens finanzjarju għall-vittmi ta’ reat_hr  PDF (223 Kb) hr

L-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati fi żmien sitt xhur mid-data li fiha ikun seħħ ir-reat. Jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi l-għaliex il-vittma ma setgħetx tippreżenta din l-applikazzjoni sad-data tal-għeluq, dan trid tagħmlu fi żmien tliet xhur minn dak inhar li dawn ir-raġunijiet ma jkunux għadhom jeżistu, u f’kull każ fi żmien tliet snin minn dak inhar li ikun seħħ ir-reat.

Jekk il-vittma tkun minuri jew persuna li tneħħitilha l-kapaċità kuntrattwali, u r-rappreżentant legali tagħha ma jkunx ippreżenta applikazzjoni fi żmien sitt xhur mid-data li fiha seħħ ir-reat, il-perjodu ta’ sitt xhur jibda jgħodd minn mindu l-persuna tkun għalqet tmintax-il sena jew minn dak il-jum li fih jitnedew il-proċedimenti kriminali wara li l-vittma tkun ta’ età maġġuri, jew minn dak il-jum meta l-persuna jerġa' jkollha l-kapaċità kuntrattwali.

Persuni intitolati għall-kumpens finanzjarju:

  • il-vittmi ta’ reat li jinvolvi vjolenza li huma ċittadini tar-Repubblika tal-Kroazja, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ir-residenti permanenti fl-Unjoni Ewropea, u jekk ir-reat ikun twettaq fil-Kroazja;
  • vittma li tkun sofriet dannu gravi fuq il-persuna jew deterjorament tas-saħħa bħala riżultat tar-reat (din il-persuna tkun intitolata għall-kumpens tal-ispejjeż tat-trattament, dment li ma tkunx koperta minn assigurazzjoni tas-saħħa obbligatorja, sal-ammont tal-assigurazzjoni tas-saħħa fir-Repubblika tal-Kroazja u kumpens għat-telf ta’ introjtu li jista’ jasal sa HRK 35 000);
  • persuna li tkun qarib strett tal-vittma li tilfet ħajjitha (konjuġi jew sieħeb/sieħba, wild, ġenitur, ġenitur adottiv, wild adottat, żewġ jew mart il-ġenitur, wild tal-konjuġi minn relazzjoni preċedenti, sieħeb/sieħba tal-istess sess, nannu jew nanna u neputi jew neputija) (din il-persuna hija intiolata għal kumpens li jista’ jasal sa HRK 70 000 għat-telf tal-manteniment statutorju);
  • f’każ ta’ mewt tal-vittma, il-persuna li tħallas għall-ispejjeż tal-funeral hija intitolata għal kumpens li jista’ jasal sa HRK 5 000;
  • jekk reat jiġi rrappurtat lill-pulizija jew jitressaq minnhom jew mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali fi żmien sitt xhur mid-data li fih seħħ, minkejja jekk l-awtur tar-reat ikunx magħruf jew le.

Meta l-ammont ta’ kumpens jiġi stabbilit, jittieħed kont tal-imġiba tal-vittma waqt ir-reat u warajh, jew il-kontribut tagħha għad-dannu u għall-firxa tad-dannu, kemm jekk il-persuna tkun vittma immedjata u kemm jekk tkun irrappurtat ir-reat lill-awtoritajiet kompetenti u meta. Barra minn hekk, issir valutazzjoni dwar kemm il-vittma ikkooperat mal-pulizija u mal-awtoritajiet kompetenti sabiex l-awtur tar-reat jitressaq quddiem il-ġustizzja, filwaqt li jitqies jekk il-vittma immedjata ikkontribwietx għad-dannu jew aggravatx id-dannu; f’dawn il-każijiet, il-kumpens li hija intitolata għalih il-vittma jitnaqqas kif meħtieġ. Tiġi miċħuda applikazzjoni għall-kumpens jew l-ammont jitnaqqas jekk jinstab li l-vittma tkun involuta fil-kriminalità organizzata jew f’organizzazzjoni kriminali. Il-kumpens jista’ jiġi wkoll rifjutat, jew l-ammont imnaqqas, jekk l-għoti tal-kumpens kollu jmur kontra l-prinċipji ta’ ġustizzja, moralità u ordni pubbliku.

Avviż dwar il-ħelsien ta’ awtur ta’ reat

Meta akkużat tinqatagħlu sentenza għall-ħabs, is-Servizz Indipendenti għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda fil-Ministeru tal-Ġustizzja jinforma lill-vittma dwar id-data ta’ meta se jinħeles il-priġunier (libertà bla kundizzjonijiet u libertà bi probazzjoni).

Obbligu statutorju li l-vittmi jiġu infurmati dwar il-ħelsien tal-priġunier

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att li Jemenda l-Att dwar l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi ta' Priġunerija (Zakon o izmjenama i dopunama Zakona o izvršenju kazne zatvora), is-Servizz Indipendenti għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda fil-Ministeru tal-Ġustizzja huwa obbligat jinforma lill-vittma, lill-parti leża jew lill-familja tagħha dwar il-ħelsien tal-priġunier.

Il-vittmi huma nnotifikati bil-ħelsien tal-priġunier f’każijiet kontra l-libertà sesswali u l-moralità sesswali, kontra l-ħajja u minħabba korriment gravi u reati li jinvolvu vjolenza.

L-informazzjoni msemmija hawn fuq tingħata lill-vittma, lill-parti leża jew lill-familja tagħha, irrispettivament minn jekk il-priġunier ikunx qed jingħata libertà bla kundizzjonijiet u libertà bi probazzjoni.

Barra minn hekk, meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar kemm hu għaqli li priġunier jitħalla joħroġ mill-ħabs biex imur fil-post ta’ residenza permanenti jew temporanja tiegħu, il-faċilitajiet korrettivi / il-ħabsijiet jistgħu jesiġu li s-servizz ta' probazzjoni jistabbilixxi l-attitudni tal-vittma jew tal-familja tal-vittma fir-rigward tar-reat li seħħ. Is-Servizz Indipendenti għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda fil-Ministeru tal-Ġustizzja jħejji rapporti għas-servizz ta' probazzjoni abbażi tad-diskussjonijiet mal-vittma.

Appoġġ lix-xhieda u lill vittmi

L-appoġġ lix-xhieda u lill vittmi fir-Repubblika tal-Kroazja huwa kkoordinat mis-Servizz Indipendenti għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda (Samostalna služba za podršku žrtvama i svjedocima) fil-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-vittmi u x-xhieda jistgħu jingħataw appoġġ u informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri mingħand id-Dipartiment ta’ Appoġġ għall-Vittmi u x-Xhieda ta’ qorti.

Dawn id-dipartimenti twaqqfu f’seba’ qrati tal-kontea (županijski sudovi), jiġifieri f’Zagreb, Zadar, Osijek, Vukovar, Split, Sisak u Rijeka. Id-dipartimenti jipprovdu lill-vittmi (u lix-xhieda) u lill-persuni li jakkumpanjawhom għall-appoġġ emozzjonali, informazzjoni prattika u informazzjoni dwar id-drittijiet. Jingħata wkoll appoġġ minn dipartimenti ta’ qrati kompetenti muniċipali u għar-reati minuri (općinski u prekršajni sudovi).

Il-vittmi jistgħu jiksbu wkoll informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u t-tipi ta’ assistenza disponibbli għalihom billi jċemplu n-numru tat-telefown bla ħlas 116 006 taċ-Ċentru Telefoniku Nazzjonali għall-Vittmi ta’ Reati u ta’ Reati Minuri (ara wkoll is-sit web taċ-Ċentru Telefoniku Nazzjonali).

Il-Ministeru tal-Ġustizzja jipprovdi wkoll lill-vittmi u lix-xhieda b’appoġġ u b’informazzjoni dwar drittijiethom, u jistgħu jintbagħtu mistoqsijiet permezz tal-posta elettronika lil: zrtve.i.svjedoci@pravosudje.hr jew minn fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Kroazja: https://pravosudje.gov.hr/

Appoġġ lill-vittmi u lix-xhieda f’kawżi transfruntieri

Is-Servizz Indipendenti għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda li twaqqaf fil-Ministeru tal-Ġustizzja, jipprovdi appoġġ u informazzjoni kemm lix-xhieda u kemm lill-vitttmi li jitħarrku permezz tal-assistenza legali internazzjonali (inklużi xhieda ta’ delitti tal-gwerra).

Ittri ta’ informazzjojni jintbagħtu lix-xhieda li jitħarrku biex jixhdu fil-qrati fir-Repubblika tal-Kroazja, jew lil xhieda Kroati li jitħarrku biex jidhru quddiem qrati barranin.

Ix-xhieda ta’ delitti tal-gwerra jingħataw protezzjoni fiżika fejn ikun meħtieġ, u assistenza sabiex jippreparaw il-vjaġġ tagħhom u biex jidhru quddiem korp ġudizzjarju kompetenti (fil-każ ta’ xhieda jew partijiet oħra li jitħarrku għal interrogazzjoni fi proċedimenti kriminali marbutin ma’ delitti tal-gwerra quddiem korpi ġudizzjarji kompetenti fir-Repubblika tal-Kroazja jew barra mill-Kroazja meta dan l-appoġġ ikun marbut ma’ talba għal assistenza legali internazzjonali).

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt sabiex issib it-tagħrif li teħtieġ

1 - Drittijieti bħala vittma ta' reat

2 - Ir-rappurtar ta’ reat u d-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni jew il-proċess

3 - Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess

4 - Kumpens

5 - Id-drittijiet tiegħi f'dak li għandu x'jaqsam ma' appoġġ u assistenza

L-aħħar aġġornament: 08/10/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.