Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Franċiż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Belġju

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Nista' nappella minn sentenza jew jekk l-imputat jiġi ddikjarat mhux ħati?

Nista' nappella darba oħra?

Xi drittijiet għandi wara li s-sentenza tal-qorti tidħol fis-seħħ?

Aktar tagħrif

Nista' nappella minn sentenza jew jekk l-imputat jiġi ddikjarat mhux ħati?

Jekk ressaqt talba bħala parti ċivili għall-proċedimenti kriminali (partie civile / burgerlijke partij), tista' tappella jekk il-qorti tiċħad it-talba tiegħek għad-danni jew jekk tqis li l-kumpens li ngħatajt kien żgħir wisq. Ma tistax tappella jekk l-imputat jinstab ħati, jew jekk taħseb li s-sentenza imposta fuq l-imputat ma kinitx ħarxa biżżejjed. (Il-prosekutur pubbliku jista' jappella għal dawk ir-raġunijiet.)

Iddeċiedi malajr, għax fil-kawżi kriminali kull appell normalment ikollu jiddaħħal fi żmien 15-il jum. L-appelli jridu jiġu ppreżentati fir-reġistru (greffe / griffie) tal-qorti li tkun wasslet għas-sentenza kkontestata. Tista' tikseb aktar tagħrif fir-reġistru. Jekk ikun hemm appell, il-kawża tiġi kkunsidrata mill-bidu minn qorti superjuri. Inti tiġi nnotifikat bil-ħinijiet u bil-post. Il-proċedura ta' appell hija bażikament l-istess bħall-proċedura fl-ewwel istanza. Ma għandekx għalfejn tirreġistra għat-tieni darba bħala parti ċivili fil-proċedimenti. Madankollu ma tistax tirreġistra bħala parti ċivili għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell.

Ma jistax isir appell sħiħ, fuq punti ta' fatt u ta' dritt (appel / hoger beroep), kontra s-sentenza ta' cour d'assise, imma jista' jsir appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni fuq punti ta' dritt biss (pourvoi / voorziening).

Nista' nappella darba oħra?

Ma tistax tressaq appell sħiħ ieħor (appel / hoger beroep) minn sentenza mogħtija wara appell sħiħ.

Ma jistax isir appell kontra sentenza ta' cour d'assise, imma jista' jsir appell fuq punti tad-dritt quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

Il-Qorti tal-Kassazzjoni ma teżaminax il-fatti tal-kawża: hija tikkunsidra sempliċement kienx hemm ksur tal-proċedura u jekk il-liġi ġietx applikata ħażin jew interpretata ħażin. Il-Qorti tal-Kassazzjoni tista' biss tikkonferma jew tannulla s-sentenza. Ma tistax tisma' iktar xhieda jew taqta' l-kawża mill-bidu. Jekk tannulla s-sentenza, tirrinvijaha għar-ritrattazzjoni minn qorti oħra fl-istess livell tal-qorti li tkun tat is-sentenza ta' qabel. Is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni mhix vinkolanti fuq il-qorti l-ġdida.

Xi drittijiet għandi wara li s-sentenza tal-qorti tidħol fis-seħħ?

Importanti li tkun taf mill-bidu li bħala vittma ma tiġix infurmat awtomatikament bis-sentenza tal-qorti (sakemm ma tkunx ressaqt talba bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali). Jekk la int u lanqas l-avukat tiegħek ma kontu preżenti fil-mument li ngħatat is-sentenza fil-qorti, trid tikkuntattja lill-awtoritajiet int stess jew tistaqsi lill-persunal taċ-ċentru tal-ġustizzja (maison de justice / justitiehuis) biex jinfurmawk.

Bħala vittma tista' skont ċerti kundizzjonijiet titlob li tkun infurmat jew li tinstema' fir-rigward ta' kif se tiġi servuta s-sentenza, pereżempju rigward liv mill-priġunerija, detenzjoni limitata, sorveljanza elettronika, libertà provviżorja bil-ħsieb ta' deportazzjoni jew estradizzjoni, jew libertà kkundizzjonata.

Jekk it-talba ċivili tiegħek tiġi milqugħa, tista' f'ċerti kundizzjonijiet titlob li tkun infurmat jew li tinstema' jekk il-persuna kkundannata tingħata kwalunkwe arranġament speċjali biex isservi s-sentenza.

Inkella, tista' titlob li tiġi rikonoxxut bħala vittma billi tressaq talba quddiem il-qorti għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi (tribunal d’application des peines / strafuitvoeringsrechtbank). It-talba tiegħek tiġi milqugħa jekk il-qorti tiddeċiedi li jkollok interess leġittimu.

Skont ċerti kundizzjonijiet int għandek id-drittijiet li ġejjin bħala vittma:

  • li tkun infurmat bid-deċiżjonijiet relatati mal-eżekuzzjoni tas-sentenza (inkluż liv mill-priġunerija, sorveljanza elettronika, liv ikkundizzjonat, eċċ.);
  • li tipproponi kundizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jkunu imposti fuq it-trasgressur;
  • li tinstema' fir-rigward tal-kundizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jkunu imposti fuq it-trasgressur fl-interess tiegħek.

Eżempji

  • tista' titlob li tinstema' mill-qorti għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi rigward il-kundizzjonijiet li jistgħu jkunu imposti fuq it-trasgressur jekk tkun permessa s-sorveljanza elettronika;
  • tista' titlob lill-qorti tinnotifikak jekk tagħti l-libertà kkundizzjonata lit-trasgressur;
  • tista' titlob li tkun infurmat jekk il-Ministru tal-Ġustizzja jagħti liv mill-priġunerija lit-trasgressur.

Jekk trid teżerċita kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet trid timla formola ta' dikjarazzjoni ta' vittma, u tippreżentaha jew tibgħatha lir-reġistru tal-qorti għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi jew lil ċentru tal-ġustizzja.

Fis-seduti tal-qorti għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi dejjem tista' tkun assistit jew rappreżentat minn avukat. Tista' titlob ukoll l-għajnuna lil waħda mill-għaqdiet għall-appoġġ tal-vittmi rikonoxxuti uffiċjalment, jew minn servizz għall-appoġġ tal-vittmi jew l-uffiċċji għall-ilqugħ tal-vittmi fil-qorti, pereżempju meta tkun se tattendi seduta tal-qorti

Tista' tikseb iktar informazzjoni miċ-ċentru tal-ġustizzja, mill-uffiċċji għall-ilqugħ tal-vittmi jew mingħand l-avukat tiegħek.

Waqt u wara l-eżekuzzjoni tas-sentenza, sew jekk it-trasgressur ikun qed jiskonta s-sentenza fil-ħabs u sew jekk barra, dejjem tista' tirrikorri għall-medjazzjoni.

Aktar tagħrif:

  • Liġi dwar il-pożizzjoni ġuridiku esterna tal-persuni sentenzjati għal piena ta' kustodja u dwar id-drittijiet tal-vittmi b'konnessjoni mal-mod kif se tiġi skontata s-sentenza - bil-Franċiż jew bl-Olandiż.
L-aħħar aġġornament: 16/12/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.