Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Franċiż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Belġju

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Kif nista' nkun involut fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Bħala parti li tkun ġarrbet il-ħsara jew parti ċivili għall-proċedimenti kriminali1 (partie civile/burgerljke partij) inti tkun infurmat bil-miktub dwar id-data tal-kawża tal-qorti. Jekk ma tkunx għadek ressaqt it-talba ċivili, f'dan l-istadju tkun għadek tista' tressaqha fil-qorti kriminali; tkun tista' tagħmel dan f'kull ħin, sakemm ikunu saru l-aħħar sottomissjonijiet. Jekk ma għandekx rappreżentanza legali u tixtieq tressaq talba ċivili waqt seduta ta' smigħ fi proċess kriminali, trid tagħmel dan li ġej:

  • tasal fil-ħin;
  • tinforma lill-uffiċjal tal-qorti (huissier de justice/zittingsdeurwachter) u tivverifika li qiegħed fl-awla tal-qorti t-tajba;
  • tersaq 'il quddiem meta l-imħallef li jippresjedi jsejjaħ isem l-akkużat li inti tridu jagħmel tajjeb għall-ħsara.
  • tippreżenta t-talba tiegħek lill-imħallef flimkien mad-dokumenti kollha li jiċċertifikaw il-ħsara li ġarrabt;
  • tagħti kopja tat-talba lill-avukat tal-imputat;
  • iżżomm id-dokumenti oriġinali għalik;
  • l-imħallef li jkun qed jippresjedi jista’ jitolbok biex tagħti aktar informazzjoni, u mbagħad formalment jieħu nota dwar it-talba tiegħek għal kumpens.

Is-sessjonijiet tal-qorti ġeneralment ikunu miftuħin għall-pubbliku ġenerali. Dan ifisser li kwalunkwe persuna ta' aktar minn 14-il sena tista tattendi l-proċedimenti. Il-ħbieb tiegħek, il-ġirien u l-familja, il-membri tal-istampa u kull persuna interessata oħra għaldaqstant jistgħu jkunu preżenti fl-awla tal-qorti. Huwa biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali (pereżempju għal reati sesswali) li s-seduta ta' smigħ isseħħ bil-bibien magħluqin Dan ifisser li l-membri tal-pubbliku u l-midja ma jitħallewx jidħlu fl-awla tal-qorti. Tista' titlob lill-imħallef biex jagħmel is-seduta ta' smigħ bil-bibien magħluqin. Il-liġi tippermetti dan f'każ li l-vittma tkun ġarrbet ċertu tip ta' abbuż sesswali, bħal stupru jew attentat għall-pudur. L-imħallef jista' jordna wkoll li s-seduta ta' smigħ isseħħ bil-bibien magħluqin sabiex jipproteġi l-interessi ta' minuri jew sabiex jipproteġi l-privatezza tal-partijiet. Madankollu l-imħallef dejjem jaqta' s-sentenza fil-qorti bil-miftuħ.

Jekk tixtieq tikseb kumpens għall-ħsara permezz tal-qorti kriminali (billi tagħmel talba ċivili fil-proċedimenti kriminali), trid tipprova l-ħsara li soffrejt. L-imħallef jivvaluta t-talba ċivili tiegħek fl-aħħar tal-proċedimenti. Tul il-proċess int trid tkun irrappreżentat. Jekk trid tevita l-kuntatt dirett mal-konvenut, jista’ jattendi l-proċedimenti l-avukat tiegħek f'ismek (mhux possibbli li tirrifjuta l-preżenza tal-imputat fl-awla). L-unika darba li inti trid tattendi personalment huwa meta tissejjaħ bħala xhud.

Mhux possibbli li tiddefendi l-każ tiegħek separatament mal-prosekutur pubbliku.

Xi drittijiet għandi bħala xhud?

Jekk tkun tajt dikjarazzjoni waqt investigazzjoni, ma jfissirx awtomatikament li int se tiġi mitlub sabiex tikkonferma d-dikjarazzjoni tieghek fil-qorti. Issir eċċezzjoni meta l-kawża tiegħek tkun qed tinstema' fil-qorti ta' assize2 (cour d'assises/hof van assisen).

Jekk madankollu int tissejjaħ sabiex tidher personalment, u tkun ingħatajt miżura protettiva, jew jekk ma tkunx fil-pajjiż, tista' twieġeb għall-mistoqsijiet permezz ta' vidjokonferenza jew ta' telekonferenza Jekk ikun meħtieġ, il-vuċi tiegħek u wiċċek jistgħu jiġu moħbija.

Bħala xhud, int intitolat għal kumpens li jkun jikkonsisti f'ammont fiss (indennizz għall-parteċipazzjoni) u kumpens għal kull kilometru (indennizz għall-ivvjaġġar). Sabiex tikseb dan il-kumpens trid tikkuntattja lir-reġistru (greffe/griffie) tal-qorti fejn int tkun dhert bħala xhud, u tippreżenta ċ-ċitazzjoni li tkun irċevejt mingħand l-uffiċju tal-qorti, flimkien ma' prova tal-identità. Int tista' tikseb dan il-kumpens minnufih mir-reġistru waqt il-ħinijiet tal-ftuħ.

Jien minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Bħala minuri tkun protett milli tiżvela l-identità tiegħek. Kull pubblikazzjoni jew tixrid ta' ritratti, tpinġijiet jew dokumenti oħtra li jistgħu jiżvelaw l-identità tiegħek huwa reat.

Jekk tkun ġejt intervistat permezz ta' mezzi awdjoviżivi ma jkunx hemm għalfejn tidher personalment, ħlief meta l-imħallef jiddeċiedi li dan ikun meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-verità. F'dan il-każ, irid jordnalek tidher personalment, u jrid jagħti r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni. Madankollu, tista' titlob lill-imħallef biex jagħmel is-seduta ta' smigħ bil-bibien magħluqin. Il-liġi tippermetti dan f'każ li tkun vittma ta' ċertu tip ta' abbuż sesswali, bħal stupru jew attentat fuq il-pudur. L-imħallef jista' jordna wkoll li s-seduta ta' smigħ isseħħ bil-bibien magħluqin sabiex jipproteġi l-interessi ta' minuri jew sabiex jipproteġi l-privatezza tal-partijiet.

Nista' nirċievi għajnuna legali?

Jekk tkun ressaqt talba ċivili bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali, tista' tagħżel li tattendi int stess is-sessjoni jew li jkollok rappreżentanza legali.

Għall-ewwel parir legali tista' tikkonsulta lit-tim ta' assistenza legali tal-ewwel fażi (aide juridique de première ligne/juridische eerstelijnsbijstand), li l-avukati tiegħu jagħtu pariri b'xejn f'ċerti ħinijiet f'jiem speċifiċi, u jistgħu jirreferuk għal servizzi speċjalizzati skont il-każ. Il-konsultazzjonijiet huma organizzati fil-binjiet tal-qrati, fil-qrati tal-maġistrati ċivili, f'ċentri ġuridiċi u tal-amministrazzjoni muniċipali eċċ. Iċ-ċentri ġuridiċi (maisons de justice/justitiehuizen) jinstabu f'kull distrett ġuridiku (id-dettalji ta' kuntatt huma disponibbli bil-Franċiż jew bl-Olandiż), jew inkella tista' tikkuntattja xi servizz ta' sapport għall-vittmi.

Għal parir legali ddettaljat, assistenza u rappreżentanza, għandek bżonn tuża s-servizzi ta' avukat. Skont l-introjtu tiegħek, din l-assistenza tista' tingħata kollha kemm hi, jew parti minnha b'xejn, skont l-arranġamenti tal-għajnuna legali tat-tieni fażi. Għadd ta' kategoriji ta' persuni f'sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal minuri jew persuni b'diżabilità mentali huma dejjem intitolati għal rappreżentanza legali b'xejn.

Jekk trid tapplika għall-għajnuna tat-tieni fażi trid tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali (Bureau d'Aide Juridique/Bureau voor Juridische Bijstand) li jinsab f'kull bini tal-qorti. Trid turi dokumentazjoni li tipprova li int jew tappartjeni għal waħda mill-kategoriji speċjali jew inkella li int għandek introjtu nett baxx. L-Uffiċċju jiddeċiedi fi żmien ġimagħtejn jekk japprovax l-applikazjoni tiegħek, u jibgħatlek id-dettalji tal-kuntatt tal-avukat li għandek assenjat. Huwa wkoll possibbli li titlob lil avukat tal-għażla tiegħek jekk huwiex lest li jaħdem skont l-arranġamenti ta' għajnuna legali tat-tieni fażi. Jekk l-avukat jaqbel ma' dan, huwa jikkuntattja lill-Uffiċċju f'ismek sabiex l-applikazzjoni tiegħek tiġi approvata.

Jekk il-mezzi finanzjarji tiegħek huma modesti, taħt ċerti ċirkostanzi tista' ssaqsi biex tiġi eżentat minn għadd ta' spejjeż proċedurali (pereż. l-ispejjeż tal-uffiċjal ġudizzjarju u l-ispejjeż tal-kopji mir-reġistru tal-evidenza) skont l-arraġamenti tal-għajnuna legali. Sabiex tibbenefika trid tippreżenta talba lill-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali tal-qorti kriminali li jkollha l-każ f'idha. Jekk inti diġà parti ċivili fil-proċedimenti kriminali (ara hawn taħt), tista' tippreżenta din it-talba bil-miktub jew verbalment lill-qorti kriminali li tkun qed tisma' l-każ.

Int mogħti l-parir ukoll biex tiċċekkja sewwa l-polza tal-assigurazzjoni tiegħek biex tara jekk għandekx assigurazzjoni fuq l-ispejjeż legali. Ikkuntattja lis-sensar tal-assigurazzjoni tiegħek.

Waqt il-proċeduri tal-qorti tista' tiġi megħjun mill-persunal ta' ċentru ġuridiku jew minn servizz ta' sapport għall-vittmi

Kif nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

Jekk tkun f'periku waqt il-proċedimenti kriminali u l-prosekutur pubbliku jagħtik anonimità totali jew b'mod parzjali waqt il-fażi investigattiva, tista' twieġeb għall-mistoqsijiet waqt il-proċess permezz ta' telekonferenza jew ta' vidjokonferenza. Jekk ikun meħtieġ, il-vuċi tiegħek u wiċċek jistgħu jiġu moħbija.

Jekk tiġi msejjaħ biex tidher fil-qorti bħala xhud u ma tajtx evidenza waqt l-investigazzjoni, l-imħallef jista' jordna li l-identità tiegħek ma tiġix żvelata fil-minuti tas-seduta ta' smigħ.

Jekk int vittma ta' stupru jew attentat fuq il-pudur tkun protett billi ma tiġix żvelata l-identità fil-midja. Kull pubblikazzjoni jew tixrid ta' ritratti, tpinġijiet jew dokumenti oħtra li jistgħu jiżvelaw l-identità tiegħek huwa reat.

Jekk l-akkużat ma jkunx taħt arrest preventiv qabel smigħ il-kawża, u int inkwetat dwar il-prospett li tiġi direttament f'kuntatt miegħu qabel is-smigħ tas-seduta tiegħek, huwa rrakkomandat li tikkuntattja lill-persunal ta' ċentru ġuridiku. Xi binjiet tal-qrati għandhom kmamar għall-istennija separati għall-vittmi, sabiex jiġu evitati kuntatti bħal dawn.

Kif nista' nagħmel talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat jew nirċievi kumpens mingħand l-Istat?

Jekk se tfittex kumpens finanzjarju waqt il-proċediment kriminali, trid tressaq talba ċivili fil-proċedimenti kriminali. It-talba tiegħek tista' telenka kull tip ta' ħsara sofferta, bħal ħsara fuq il-persuna u l-ispejjeż mediċi relatati, ħsara morali, ħsara materjali (pereżempju it-telf tal-introjtu, ir-ripetizzjoni tas-sena tal-istudju, it-telf tal-impjieg u ħsara fuq vetturi jew ħwejjeġ), spejjeż għall-funeral, eċċ.

Jekk l-awtur tal-ksur jinstab ħati, il-qorti kriminali taqta' sentenza fuq it-talba ċivili tiegħek u ssib li int intitolat għal kumpens. Il-qorti mbagħad tevalwa l-kontenut tat-talba għall-kumpens.

Jekk għal xi raġuni ma tkunx ħadt sehem waqt il-proċedimenti kriminali, tista' tagħżel li tagħmel talba fil-qrati ċivili. Għandek din il-possibilità wkoll jekk l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li ma jipproċedix bil-kawża kriminali. Jekk il-partijiet kollha ma jkunux iridu jidhru b'mod volontarju, int tressaq it-talba ċivili quddiem il-qorti ċivili billi tħarrek il-persuna li għamlitlek il-ħsara. Meta jkun hemm involut assiguratur (pereżempju wara aċċident tat-traffiku), tista' tħarrku wkoll. Il-proċedura fil-qrati ċivili hija fundamentalment differenti mill-proċedura kriminali. Pereżempju inti stess trid tipprova li l-kontroparti hija responsabbli għall-ħsara li għamlitlek, madankollu int tista' tagħmel dan billi tippreżenta kopji tal-evidenza mill-kawża kriminali, anki jekk il-proċedimenti twaqqfu. Jekk ikunu għadhom għaddejjin il-proċedimenti kriminali, l-qorti ċivili trid tissospendi l-proċedimenti ta' quddiemha, sakemm tinqata' s-sentenza tal-qorti kriminali. Il-qorti ċivili hija marbuta bis-sejbiet tal-każ kriminali. Ftakar li l-ftuħ ta' talba quddiem il-qorti ċivili timplika spejjeż.

Jekk il-prosekutur legali ddeċieda li jwaqqa' l-azzjoni kriminali (soluzzjoni bonarja jew il-medjazzjoni fil-każijiet kriminali), dan huwa mod ieħor kif int tista' takkwista kumpens mingħand it-trasgressur. Tista' wkoll tikseb kumpens mingħand it-trasgressur permezz tal-medjazzjoni. Pereżempju, f'ħafna każijiet tirċievi kumpens jekk il-prosekutur legali jipproponi medjazzjoni f'każijiet kriminali, jew soluzzjoni bonarja mat-trasgressur.

Mhux dejjem possibbli tikseb kumpens mingħand it-trasgressur (pereżempju jista' jagħti l-każ li t-trasgressur ma jistax jiġi identifikat jew miżmum), jew li tieħu l-kumpens kollu mingħand assigurazzjoni. Jekk int kont il-vittma ta' reat vjolenti premeditat, f'ċerti ċirkostanzi tista' tikseb kumpens mill-Istat. Għal aktar informazzjoni dwar il-possibilità ta' kumpens mill-Istat, jekk jogħġbok ikkonsulta l-paġni informattivi tan-Network Ġudizzjarju Ewropew dwar il-kumpens għall-vittmi fil-Belġju (disponibbli bil-Franċiż, l-Olandiż, il-Ġermaniż u l-Inġliż kif ukoll f'lingwi oħra).

Jekk l-akkużat jinstab ħati, irid iħallas l-ispejjeż tal-azzjoni ċivili, li jkunu jinkludu parti mit-tariffi tal-avukat. Il-qorti tistipula ċ-ċifra ta' kumpens meta taqta' s-sentenza fil-kawża.

Jekk il-proċedimenti jkunu nbdew għax tkun ħarrikt direttament lill-akkużat jew għax bdejt proċedimenti kriminali permezz ta' kwerela b'talba ċivili, u l-akkużat jinstab mhux ħati, il-qorti tista' tordnalek tħallas l-ispejjeż kollha jew parti speċifika mill-ispejjeż imġarrba mill-Istat u mill-akkużat.

Jeżistu opportunitajiet biex nasal għal soluzzjoni/għal konċiljazzjoni jew biex issir medjazzjoni bejni u bejn min ikun wettaq ir-reat?

Int tista' titlob għal medjazzjoni riparatriċi (médiation réparatrice/herstelbemiddeling) f'kull ħin waqt il-proċedimenti: qabel ma' każ imur quddiem il-qorti, waqt li l-qorti tkun qiegħda tittrattah, u wara li l-qorti taqta' s-sentenza. Il-medjazzjoni riparatriċi taħdem b'mod separat mill-proċedimenti kriminali, u ma tissostitwihomx. L-awtoritajiet ġudizzjarji jibqgħu għaldaqstant responsanbbli għal kull deċiżjoni li tinvolvi l-prosekuzzjoni kriminali, il-qtugħ tas-sentenzi u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

Il-medjazzjoni riparatriċi ma jwettaqhiex l-Istat, iżda żewġ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, Suggnomè fil-Fjandri u Médiante fil-Wallonja. Huma għandhom sezzjonijiet lokali f’kull distrett ġudizzjarju.

Il-ftehim milħuq bħala riżultat ta' medjazzjoni riparatriċi huwa kunfidenzjali u jingħata lill-qorti bil-kunsens taż-żewġ partijiet. Fis-sentenza tal-qorti trid tissemma l-medjazzjoni riparatriċi, iżda ma hemm għalfejn jitqies il-ftehim milħuq.

L-imħallef tal-qorti tal-minorenni jista' jagħti sentenza li tordna il-medjazzjoni riparatriċi jew id-djalogu fi grupp (concertation restauratrice en groupe/hergo).

Jien barrani. Kif inhuma protetti d-drittijiet u l-interessi tiegħi?

Jekk inti parti ċivili għall-proċedimenti kriminali1 jew xhud, iżda ma tafx bil-lingwa li qed tintuża fil-proċedimenti, jinħatar interpretu. Madankollu, d-dokumenti legali ma jistgħux jiġu tradotti b'xejn.

Aktar tagħrif:

  • Il-liġi tal-1 ta' Awwissu 1985 dwar it-taxxa u miżuri oħra – bl-Olandiż u l-Franċiż
  • Il-liġi tat-8 ta' April 1965 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ, ir-responsabbiltà tal-minuri li jikkommettu att li jikkostitwixxi reat u r-riparazzjoni tal-ħsara kkawżata minn dan l-att – bl-Olandiż.
  • Il-kostituzzjoni – bl-Olandiż u l-Franċiż
  • Il-kodiċi ta' proċedura kriminali – bl-Olandiż, il-Franċiż u l-Ingliż
  • Il-Kodiċi Ġudizzjarju – bl-Olandiż u l-Franċiż
  • L-Ordni Amministrattiv tat-28 ta' Diċembru 1950 li jistipula r-regoli ġenerali dwar l-ispejjeż legali għall-miżuri ta' eżekuzzjoni.

1. Il-parti ċivili fil-proċess kriminali
Tista' tagħmel talba ċivili quddiem il-qorti kriminali f'kull ħin waqt il-proċedimenti kriminali, anki jekk ma tkunx għamilt kwerela mal-pulizija. Apparti d-drittijiet ordinarji ta' vittma, l-istatus tiegħek bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali jagħti d-dritt ukoll li:
  • titlob kumpens
  • tinstema' mill-qorti
  • tiġi rimborżat fl-aħħar tal-proċedimenti
  • titlob interpretu waqt il-proċedimenti
  • jekk l-azzjoni ċivili titqies bħala ammissibbli u b'bażi soda, int tirċievi għadd ta' drittijiet fil-proċedimenti kriminali mingħajr ma jkollok għalfejn tippreżenta rikors il-qorti biex tiġi rikonoxxut bħala vittma għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi
Tista' tirreġistra bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali permezz ta' dikjarazzjoni espressa jekk ikunu tnedew il-proċedimenti mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Tista' tagħmel dan waqt kull stadju tal-investigazzjoni u effettivament waqt il-proċess, iżda ma għadux possibbli li tagħmel dan fl-istadju tal-appell. Jekk ir-reat ikun wieħed minuri (contravention/overtreding) jew wieħed intermedju (délit/wanbedrijf) tista' tagħmel talba ċivili quddiem l-imħallef inkwirenti, li mbagħad ikun obbligat jiftaħ investigazzjoni kriminali. Żomm f'moħħok li fl-aħħar tal-investigazzjoni l-awla preliminari tkun għadha tista' tiddeċiedi li ma hemmx biżżejjed evidenza sabiex l-allegat trasgressur jittella' l-qorti.
Jekk tixtieq tikseb kumpens, ikollok bżonn tipprova l-ħsara li ġarrabt. Il-qorti tivvaluta jekk ir-rikors tiegħek hux aċċettabbli, u jew taċċettah jew tiċħdu.
Bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali, int intitolat tressaq il-każ quddiem l-awla istruttorja tal-qorti jekk l-investigazzjoni kriminali tkun għadha għaddejja wara sena li tkun bdiet. Din l-għażla tagħtik kontroll indirett fuq il-progress tal-investigazzjoni.

2. Il-qorti ta' Assize
Il-qorti ta' Assize (id-dettalji tal-kuntatt disponibbli bl-Olandiż u l-Franċiż) hija qorti kriminali temporanja li tista' tiġi interpellata f'kull provinċja jew distrett ta' Brussell. Il-qrati ta' Assize għandhom is-setgħa jitrattaw ir-reati serji kollha (crimes/misdaden, jiġifieri qtil u reati serji oħra li huma punibbli b'piena ta' kustodja minn ħames snin sa priġunerija għall-għomor), reati politiċi u reati tal-istampa (ħlief dawk li huma mmotivati mir-razziżmu jew mill-ksenofobija). B'differenza minn qorti kriminali permanenti, il-qorti ta' Assize trid terġa' tinħoloq għal kull każ ġdid. Il-president tagħha huwa mħallef tal-qorti tal-appell. Il-president huwa assistit minn żewġ imħallfin mill-qorti tal-ewwel istanza. Il-ġurija tkun magħmula minn 12-il membru mill-pubbliku inġenerali, mtellgħa bil-polza, b'mhux aktar minn żewġ terzi tal-ewwel membri li jistgħu jkunu tal-istess sess. Il-membri tal-ġurija jridu jkunu intitolati għall-vot u jgawdu mid-drittijiet ċivili u politiċi kollha, irid ikollhom bejn 28 u 65 sena, jkunu jafu jaqraw u jiktbu, u ma jkollhom l-ebda kundanna penali li għaliha kienu ġew issentenzjati għal perjodu ta' priġunerija ta' aktar minn erba' xhur jew għal servizz fil-komunità ta' aktar minn 60 siegħa. Il-ġurija weħidha tiddeċiedi jekk l-akkużat huwiex ħati jew innoċenti. Il-ġurija, biex taqta' s-sentenza, tiddeċiedi flimkien mal-imħallfin professjonali. Is-sentenzi tal-qorti ta' Assize jistgħu jiġu appellati biss fuq punti tal-liġi fil-Qorti tal-Kassazzjoni.
L-aħħar aġġornament: 16/12/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.