Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Franċiż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Belġju

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Kif u fejn nista’ nirrapporta delitt?

Kif nista’ nkun naf x’inhuma jagħmlu l-awtoritajiet wara li nirrapporta delitt?

Kif nista’ nkun involut fl-investigazzjoni tad-delitt?

X’inhuma d-drittijiet tiegħi bħala xhud?

Jiena minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

X’informazzjoni nista’ nikseb mingħand il-pulizija jew mingħand organizzazzjonijiet li jagħtu appoġġ lill-vittmi waqt l-investigazzjoni tad-delitt?

Nista’ nirċievi għajnuna legali?

Kif nista’ nikseb protezzjoni jekk jiena fil-periklu?

X’servizzi u x’assistenza nista’ ningħata waqt l-investigazzjoni tad-delitt?

Hemm opportunitajiet sabiex jintlaħaq ftehim jew issir konċiljazzjoni jew sabiex tinbeda medjazzjoni bejni u bejn il-persuna li wettqet id-delitt?

Kif jitkompla l-każ tiegħi wara li tintemm l-investigazzjoni?

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq mingħajr ma jitressaq quddiem qorti?

Jiena barrani. Kif jiġu protetti d-drittijiet u l-interessi tiegħi?

Iktar informazzjoni

Kif u fejn nista’ nirrapporta delitt?

Tista' tirrapporta reat lill-pulizija lokali, preferibbilment fiż-żona fejn ikun sar ir-reat. F'sitwazzjonijiet ta' emerġenza dejjem tista' ċċempel 112 biex tikkuntattja lill-pulizija. F'sitwazzjonijiet li mhumiex ta' emerġenza tista' tmur personalment fl-għassa tal-pulizija l-iktar viċin tiegħek. Tista’ ssib l-indirizzi tal-għases tal-pulizija fuq il-websajt tal-korp tal-pulizija lokali bl-Olandiż u bil-Franċiż.

Jekk int ċittadin Belġjan jew resident Belġjan (pereżempju ngħatajt residenza għal żmien twil fil-Belġju), tista' tirrapporta xi reati żgħar (pereż. vandaliżmu, serq minn ħwienet u s-serq ta' rota) online bl-Olandiż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż. Barra minn hekk, kulħadd, anke t-turisti, jista' jirrapporta reat relatat mal-internet online permezz ta' websajt apposta li hija disponibbli bl-Olandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u Bl-Ingliż.

Xi reati jistgħu jitressqu l-qorti biss jekk il-vittma ttagħmel kwerela (pereżempju segwiment ta' persuna bil-moħbi, malafama u libell).

Ma għandekx għalfejn tirrapporta r-reat mill-ewwel, iżda huwa fl-interess tiegħek li tagħmel hekk sabiex tippermetti lill-pulizija biex mill-aktar fis possibbli jkollha informazzjoni ddettaljata dwar il-fatti u ċ-ċirkustanzi tar-reat u kull ħsara jew korriment li tkun sofrejt. Għandek ukoll iżżomm f'moħħok li wara ċertu perjodu ta' żmien ma jibqax possibbbli għall-awtoritajiet biex iwettqu prosekuzzjoni. Dan il-limitu ta' żmien jew il-perjodu ta' limitazzjoni huma speċifikati bil-liġi u jvarjaw minn sitt xhur sa ħmistax-il sena, skont ir-reat.

Il-pulizija tinterrogak u tfassal rapport uffiċjali. Waqt l-interrogazzjoni int għandek għadd ta' drittijiet li jkomplu japplikaw jekk aktar tard tagħmel dikjarazzjoni oħra. Kemm jekk tiġi interrogat bħala vittma jew bħala xhud, l-uffiċjal tal-pulizija, qabel l-interrogazzjoni, irid jispjegalek li:

  • tista' titlob li l-mistoqsijiet u t-tweġibiet kollha tiegħek jiġu rreġistrati kif għedthom int.
  • tista' titlob li titwettaq azzjoni investigattiva speċifika jew li tiġi interrogata persuna speċifika;
  • id-dikjarazzjonijiet tiegħek jistgħu jintużaw fil-qorti bħala prova;
  • tista' tingħatalek kopja tal-interrogazzjoni tiegħek mingħajr ħlas. Trid titlob għall-kopja fi tmiem l-interrogazzjoni. Ġeneralment il-kopja tiegħek tkun tista’ tingħatalek dak il-ħin stess.

Jekk inti titkellem lingwa differenti minn dik li tintuża fil-proċedimenti, il-pulizija tipprovdi interpretu professsjonali, dejjem jekk l-uffiċjal tal-pulizija ma jkunx jista’ jikteb id-dikjarazzjonijiet tiegħek bil-lingwa tiegħek, jew inkella ma jitolbokx sabiex tikteb int stess id-dikjarazzjoni bil-lingwa tiegħek.

Id-dikjarazzjoni tiġi inkluża fir-rapport uffiċjali li jista' jkun fih din l-informazzjoni:

  • ismek, l-indirizz, in-numru tat-telefown u xi indirizz tal-posta elettronika;
  • dettalji dwar ir-reat – min kien involut fir-reat, fejn, meta u x'seħħ, x’inhuma l-konsegwenzi li affettwawk;
  • id-dettalji ta' kuntatt ta' xi xhieda;
  • deskrizzjoni tal-persuni involuti, inkluż it-tul, it-tip u forma tal-ġisem kif ukoll il-ħwejjeġ li kienu lebsin; Informazzjoni bħall-età, il-kulur u l-istil tax-xagħar, l-aċċent, u kull karatteristika distintiva bħal felul, ċikatriċijiet, tatwaġġi jew xehwiet jistgħu jkunu utli ħafna wkoll;
  • kwalunkwe ferita li stajt sofrejt (tabib jista' jiktiblek ċertifikat mediku li tista' tagħti lill-pulizija anki diversi jiem wara li tkun għamilt id-denunzja inizjali); tista’ titlob ukoll dikjarazzjoni mingħand it-tabib tiegħek dwar il-fatt li m’intix f’pożizzjoni li taħdem);
  • kwalunkwe ħsara (fiżika) oħra fil-propjetà li sofrejt (tajjeb li tieħu r-ritratti ta' kwalunkwe ħsara).

Fid-dikjarazzjoni tiegħek tista' tindika wkoll jekk għandekx bżonn ta’ xi tip ta' għajnuna prattika, soċjali, psikoloġika jew għajnuna legali.

Għandek tagħti lill-pulizija l-kopji għal kwalunkwe dokument, minħabba li jista' jkun li aktar 'il quddiem tiġi bżonn id-dokumenti oriġinali, pereżempju jekk tikkuntattja l-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek.

Jekk inti vittma ta' vjolenza sesswali, l-interrogazzjoni tiegħek, kull meta jkun possibbli, isseħħ f'kamra speċjali li toffri l-privatezza meħtieġa.

Fil-parti l-kbira tal-każijiet il-pulizija tibgħat ir-rapport uffiċjali (proces-verbaal/procès-verbal) lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (parket/parquet). Imbagħad, il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi jekk il-pulizija għandhomx jagħtu bidu għal investigazzjoni. Din l-investigazzjoni tista' titmexxa mill-prosekutur pubbliku, (procureur des Konings/procureur du Roi) (investigazzjoni standard (opsporingsonderzoek/enquête pénale)) jew minn imħallef inkwirenti f'każijiet aktar ikkumplikati jew meta jkunu meħtieġa miżuri aktar invażivi bħalma huma tfittxijiet fi djar (investigazzjoni ġudizzjarja (gerechtelijk onderzoek/instruction judiciaire)). F'xi każijiet il-pulizija tista' tiddeċiedi li twettaq investigazzjoni minn rajha u tibgħat l-atti kollha lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għal aktar azzjoni(l-investigazzjoni tal-pulizija (ambtshalve politioneel onderzoek/enquête policière d'office)). Għal għadd ta' reati żgħar (bħal serq ta' rota), u skont xi jkunu ċ-ċirkostanzi (pereżempju jekk ma jkunx hemm traċċa tal-awtur tar-reat), il-pulizija tfassal rapport uffiċjali simplifikat (vereenvoudigd proces-verbaal (VPV)/procès-verbal simplifié)). Dan ir-rapport uffiċjali simplifikat jibqa' l-għassa tal-pulizija u ma jmurx għand l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Ta' kull xahar tingħata lill-prosekutur pubbliku lista tar-rapporti uffiċjali simplifikati kollha li tfasslu, u b'hekk huwa jkun jaf bil-każ tiegħek. Jekk ikun hemm xi informazzjon ġdida li tista' taffettwa l-każ (pereżempju jekk l-awtur tar-reat jiġi identifikat), ir-rapport uffiċjali jingħata lill-prosekutur pubbliku u l-pulizija tinfurmak skont il-każ.

Kif nista’ nkun naf x’inhuma jagħmlu l-awtoritajiet wara li nirrapporta delitt?

Wara li tagħmel kwerela tirċievi dokument li jikkonferma l-kwerela tiegħek. Dan ikun fih in-numru ta' referenza tal-każ tiegħek, l-isem tal-uffiċjal tal-pulizija li qdiek u d-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (li tista' tikkuntattjah sabiex issegwi l-każ tiegħek).

Dan id-dokument jinfurmak b'mod ċar jekk il-kwerela tiegħek hix se tiġi ttratata bħala rapport uffiċjali standard, investigazzjoni tal-pulizija jew rapport uffiċjali simplifikat.

Kif nista’ nkun involut fl-investigazzjoni tad-delitt?

F'każ li jkun hemm prosekuzzjoni, jekk ma tkunx ħadt passi oħra wara li tkun għamilt il-kwerela lill-pulizija, inti tkun infurmat biss dwar id-data, il-ħin u l-post tas-seduta ta' smigħ tal-qorti mill-prosekutur pubbliku.

Jekk tkun tixtieq tirċievi informazzjoni dwar xi azzjoni oħra meħuda dwar il-kwerela tiegħek, għandek id-dritt ġuridiku li tirreġistra bħala  parti offiża (benadeelde persoon/personne lésée). Tista tippreżenta dikjarazzjoni li inti parti offiża, kemm personalment jew inkella permezz ta' avukat, lill-uffiċjal tal-pulizija li jfassal ir-rapport uffiċjali, jew lis-segretarjat tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, jew fl-għassa tal-pulizija, jew billi tibgħat ittra rreġistrata lis-segretarjat tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Int tirċievi wkoll mudell ta' kif għandek tagħmel din id-dikjarazzjoni meta tirċievi d-dokument li jikkonferma li għamilt rapport.

Bħala parti offiża tirċievi informazzjoni bil-miktub dwar id-deċiżjonijiet li jkun ħa l-prosekutur pubbliku (pereżempju d-deċiżjoni li jagħlaq il-każ u r-raġunijet għal dan, jew id-deċiżjoni li jibda investigazzjoni ġudizzjarja), u d-data ta' xi seduta ta' smigħ quddiem il-qorti ġenerali. Int ikollok ukoll id-dritt li żżid kull dokument li jidhirlek li jkun utli fl-atti. Int ikollok ukoll id-dritt li titlob aċċess għall-atti u li tingħatalek kopja tagħhom.

Jekk trid titlob għal kumpens, jew biex ikollok aktar drittijiet, trid iddaħħal talba bħala  parti ċivili fil-proċedimenti kriminali1 (burgerlijke partij/partie civile). Tista' tagħmel dan billi tissottometti dikjarazzjoni espressa dwar dan personalment jew permezz tal-avukat tiegħek waqt kull stadju tal-proċedimenti. Bħala parti ċivili tista' titlob aċċess għall-atti tal-kawża u takkwista kopja tagħhom, titlob biex jsiru aktar investigazzjonijiet, titlob kumpens, toġġezzjona legalment id-deċiżjonijiet li ttieħdu, u tkun ikkonsultat u infurmat dwar il-priġunerija tat-trasgressur.

Bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali jew bħala parti offiża int għandek id-dritt tkun irrappreżentat minn avukat meta tkun f'kuntatt mal-awtoritajiet. L-investigazzjonijiet fil-Belġju huma kunfidenzjali, u mhuwiex possibbli li inti tkun preżenti waqt l-investigazzjoni (pereżempju waqt l-interrogazzjoni tal-persuna suspettata), ħlief meta jkun hemm żjara fix-xena tar-reat sabiex tinbena mill-ġdid l-azzjoni, u f'dan il-każ parti ċivili tista' tkun preżenti.

Mhuwiex meħtieġ li tipprova l-okkorrenza tar-reat jew il-ħtija tal-awtur tar-reat int stess.

Mhuwiex possibbli li tieħu rimborż għal dak li tlift jew ġralu l-ħsara f'dan l-istadju tal-proċedimenti kriminali.

Ġaladarba r-rapport uffiċjali jingħadda lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u l-prosekuzzjoni tinbeda, ma tkunx tista' twaqqaf il-proċedimenti kriminali. Dan jgħodd ukoll għal meta r-reat jista' jitressaq il-qorti biss bi kwerela mill-vittma, bħal pereżempju fil-każ ta' segwiment ta' persuna bil-moħbi.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi bħala xhud?

Matul l-investigazzjoni int x'aktarx tiġi interrogat(a) bħala xhud (getuige/témoin).

Jekk bħala xhud tħossok f'periklu, int (u l-membri tal-familja tiegħek u l-qraba) tista' f'ċerti ċirkustanzi tingħata dawn il-miżuri ta' protezzjoni li ġejjin:

  • parir dwar miżuri preventivi u għajnuna biex timplimentahom;
  • rondi tal-pulizija għall-prevenzjoni;
  • jiġu rrekordjati t-telefonati li tagħmel u tirċievi;
  • tingħata numru tat-telefown sigriet jew mowbajl għal telefonati ta' emerġenza kif ukoll pjanċa tal-liċenzja protetta għall-karozza tiegħek;
  • protezzjoni fiżika; u
  • rikollokazzjoni għal perjodu massimu ta' 45 jum.

F'każijiet verament eċċezzjonali, pereżempju meta int tkun vittma jew xhud ta' reat imwettaq minn organizzazzjoni kriminali, jew ta' reat serju ħafna bħall-ħtif ta' minuri jew omiċidju, u l-miżuri elenkati hawn fuq mhumiex biżżejjed biex jiżguraw is-sikurezza tiegħek, jistgħu jittieħdu miżuri ta' protezzjoni speċjali. Dawn jinkludu:

  • ir-rikollokazzjoni għal aktar minn 45 jum, u
  • il-bidla ta' identità.

Tista' titlob kumpens għall-ispejjeż li tagħmel tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni sabiex tagħmel dikjarazzjoni tax-xhieda li tkun parti mill-investigazzjoni. Ix-xhieda jistgħu japplikaw ukoll għal nofstanhar xogħol bħala kumpens, għall-ħin li jitilfu mix-xogħol. Dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-baġit tal-Istat, iżda jridu jintraddu lura mill-intimat f’każ li jinstab ħati.

Meta tingħata miżura ta' protezzjoni jew jekk tinsab barra mill-pajjiż, tista' tiġi interrogat permezz ta’ vidjokonferenza jew telekonferenza.

Jiena minorenni. Għandi drittijiet addizzjonali?

Jekk għandek inqas minn 18-il sena u tkun vittma ta' reat, għandek dawn id-drittijiet addizzjonali li ġejjin waqt l-interrogazzjoni:

  • li tiġi akkumpanjat minn persuna adulta li tagħżel inti stess; u
  • li l-interrogazzjoni tiegħek issir f'kamra adattata.

Sabiex jiġi evitat li tiġi interrogat ħafna drabi, l-interrogazzjoni tiegħek tista' tiġi rrekordjata permezz ta’ mezzi awdjo jew vidjo. Jekk int għadek taħt l-età ta' 12-il sena, int trid tiġi infurmat minn qabel li l-interrogazzjoni tiegħek tista' tiġi rrekordjata fuq vidjo. Jekk int qbiżt l-età ta' 12-il sena l-interrogazzjoni tiegħek tista' tiġi rrekordjata fuq vidjo jekk int tagħti l-permess biss. Dawn l-interrogazzjonijiet isiru fi kmamar mgħammra apposta għal dan il-għan.

Jekk tkun sfajt vittma ta’ abbuż sesswali, prostituzzjoni jew pornografija, il-perjodu ta' limitazzjoni li mal-iskadenza tiegħu ma jistgħux jittieħdu passi kriminali ma jibdiex jgħodd qabel ma tkun ilħaqt l-età ta' 18-il sena.

Jekk inti vittma ta' reat u minorenni, il-pulizija jirreferuk għand ċentru speċjalizzat għall-vittmi ta' abbuż fuq it-tfal.

Int tkun ukoll protett kontra x-xandir tal-identità tiegħek fil-midja, jiġifieri l-pubblikazzjoni jew it-tixrid ta' ritratti, stampi u materjal ieħor, li jistgħu jiżvelaw l-identita tiegħek, huma pprojbiti.

X’informazzjoni nista’ nikseb mingħand il-pulizija jew mingħand organizzazzjonijiet li jagħtu appoġġ lill-vittmi waqt l-investigazzjoni tad-delitt?

Il-pulizija tagħtik informazzjoni dwar:

  • it-tip ta' servizzi jew ta’ organizzazzjonijiet fejn tista’ tfittex appoġġ;
  • il-proċeduri li jseħħu wara li int tkun għamilt ir-rapport;
  • ir-rekwiżiti biex ikun jista’ jinkiseb kumpens.

Din l-informazzjoni tista' tiġi pprovduta permezz ta’ fuljetti u opuskuli, jew inkella bil-fomm. L-opuskuli huma disponibbli bit-tliet lingwi uffiċjali (l-Olandiż, il-Franċiż u l-Ġermaniż). Fil-prattika, l-informazzjoni li tingħata bil-fomm tista' tiġi pprovduta wkoll b'lingwi oħra (pereżempju bl-Ingliż).

Huwa importanti li tkun taf li int se tinżamm infurmat dwar ċerti żviluppi fil-każ tiegħek jekk tkun irreġistrajt bħala parti offiża jew tkun għamilt talba bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali1biss. Dawn huma hekk:

  • id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li jagħlaq il-każ tiegħek u r-raġuni għal din id-deċiżjoni;
  • id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li jirreferi l-każ teigħek lil imħallef inkwirenti biex issir investigazzjoni ġudizzjarja;
  • deċiżjoni mill-prosekutur pubbliku li jipproponi ftehim bonarju jew medjazzjoni lit-trasgressur; u
  • id-data ta’ meta l-każ tiegħek se jinstema' quddiem qorti.
  • Bħala parti offiża jew parti ċivili fi-proċedimenti int ikollok ukoll id-dritt li titlob aċċess għall-atti u li jkollok kopja tagħhom. Din it-talba trid tiġi indirizzata lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew lill-imħallef inkwirenti waqt l-investigazzjoni.

Inti tkun tista’ tagħmel kopji tal-atti, iżda trid tħallas tariffa għal kull kopja (madwar EUR 0,25-0,50 għal kull kopja). Meta l-każ tiegħek ikun qed jiġi ġestit mill-qorti ta' assize (hof van assisen/cour d'assises), il-kopji jingħataw mingħajr ebda ħlas.

Nista’ nirċievi għajnuna legali?

Bħala gwida inizjali tista' ssaqsi għal għajnuna legali tal-ewwel fażi (juridische eerstelijnsbijstand/aide juridique de première ligne), fejn l-avukati jagħtu pariri legali b'xejn f'ċerti ġranet u waqt ċerti ħinijiet. Meta jkun meħtieġ jirreferuk għal servizz speċjalizzat jew organizzazzjoni. Il-konsultazzjonijiet huma organizzati fil-binjiet tal-qorti, fil-qrati tad-distretti (vredegerecht/justice de paix), f'ċentri ġuridiċi u tal-amministrazzjoni muniċipali eċċ. Tista' ssib ċentru ġuridiku (justitiehuis/maison de justice) f'kull distrett ġudizzjarju (id-dettalji ta' kuntatt tagħhom huma disponibbli bil-Franċiż u bl-Olandiż) jew tista' tikkuntattja wieħed mis-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi.

Għal parir legali ddettaljat, assistenza u rappreżentanza, għandek bżonn tuża s-servizzi ta' avukat. Skont l-introjtu li jkollok dan jista' jkun kollu kemm hu b'xejn jew parzjalment b'xejn permezz tat-tieni fażi fis-sistema ta' għajnuna legali (juridische tweedelijnsbijstand/aide juridique de deuxième ligne). Għadd ta' kategoriji ta' persuni f'sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal minuri jew persuni b'diżabilità mentali huma dejjem intitolati għal rappreżentanza legali b'xejn.

Għall-għajnuna legali tat-tieni fażi trid tmur f'Uffiċċju tal-Għajnuna Legali (bureau voor juridische bijstand/bureau d’aide juridique) (dettalji bil-Franċiż u l-Olandiż), li jinsab f'kull binja tal-qorti. Trid turi dokumentazjoni li tipprova li int jew tappartjeni għal waħda mill-kategoriji speċjali jew inkella li għandek introjtu nett baxx. L-Uffiċċju jiddeċiedi fi żmien ġimagħtejn jekk japprovax l-applikazjoni tiegħek, u jibgħatlek id-dettalji tal-kuntatt tal-avukat li għandek assenjat. Huwa wkoll possibbli li titlob lil avukat tal-għażla tiegħek jekk huwiex lest li jaħdem skont l-arranġamenti ta' għajnuna legali tat-tieni fażi. Jekk l-avukat jaqbel ma' dan, huwa jikkuntattja lill-Uffiċċju f'ismek sabiex l-applikazzjoni tiegħek tiġi approvata.

Jekk il-mezzi finanzjarji tiegħek huma modesti, taħt ċerti ċirkostanzi tista' ssaqsi biex tiġi eżentat minn għadd ta' spejjeż proċedurali (pereż. l-ispejjeż tal-bailiff u l-ispejjeż tal-kopji mir-reġistru tal-evidenza) skont l-arraġamenti tal-għajnuna legali (rechtsbijstand/assistance judiciaire) . Sabiex tibbenefika trid tippreżenta talba lill-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali tal-qorti kriminali li jkollha l-każ f'idha. Jekk inti diġà parti ċivili fil-proċedimenti kriminali tista' tippreżenta din it-talba bil-miktub jew verbalment lill-qorti kriminali li jkollha l-każ f'idha.

Int mogħti l-parir ukoll biex tiċċekkja sewwa l-polza tal-assigurazzjoni tiegħek biex tara jekk għandekx assigurazzjoni fuq l-ispejjeż legali. Ikkuntattja lis-sensar tal-assigurazzjoni tiegħek.

Kif nista’ nikseb protezzjoni jekk jiena fil-periklu?

Il-pulizija tiżgura mill-ewwel is-sikurezza tiegħek billi tieħu miżuri ta' sikurezza ġenerali. Jekk tħossok f'periklu minħabba d-dikjarazzjoni li tkun għamilt jew li jkollok l-intenzjoni li tagħmel, u tkun lest tikkonferma d-dikjarazzjoni tiegħek fil-qorti, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tax-Xhieda (Getuigenbeschermingscommissie/ Commission de protection des témoins ) tista' tagħtik protezzjoni addizzjonali. Jekk il-prosekutur pubbliku (f'investigazzjoni standard) jew l-imħallef inkwirenti (f'investigazzjoni ġudizzjarja) jaħsbu li jkollok bżonn dawn il-miżuri ta' protezzjoni, jibagħtu applikazzjoni għand il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tax-Xhieda.

Jekk int vittma ta' stupru jew attakk sesswali, tkun protett billi ma tiġix żvelata l-identità tiegħek fil-midja. Kull pubblikazzjoni jew tixrid ta' ritratti, tpinġijiet jew dokumenti oħra li jistgħu jiżvelaw l-identità tiegħek huwa reat.

Jekk inti vittma ta' vjolenza domestika u qed tibża’ tmur lura d-dar, il-pulizija tista’ tipprovdilek (u lit-tfal tiegħek) post ta' kenn fejn toqgħod.

Tista' tistaqsi lill-uffiċjal tal-pulizija biex ma jinkludix id-dettalji tiegħek fir-rapport uffiċjali, għalkemm għandek iżżomm f'moħħok li l-puliżija hija marbuta li tagħti dawn id-dettalji lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jekk tintalab dan.

Huwa biss meta int jew persuna relatata miegħek tkunu f'sitwazzjoni verament perikoluża bħala riżultat ta' dikjarazzjoni li l-imħallef inkwirenti (il-pulizija ma għandhiex l-awtorità f'din il-kwistjoni) jista' jagħtik l-anonimità sħiħa jew parzjali. L-imħallef inkwirenti ħafna drabi jiddeċiedi li jagħtik l-anonimità fuq inizjattiva tiegħu, iżda int tista' wkoll titlobha. Jekk l-imħallef inkwirenti jiċħad it-talba tiegħek inti ma tistax tappella kontra d-deċiżjoni.

L-anonimità parzjali tfisser li l-identità tiegħek ma tkunx żvelata fir-rapport uffiċjali tal-interrogazzjoni tiegħek. Dan huwa possibbli kemm f'investigazzjoni standard kif ukoll f'investigazzjoni ġudizzjarja.

L-anonimità sħiħa tfisser li l-identità tiegħek tinżamm sigrieta waqt il-proċedimenti kriminali kollha; l-anonimità sħiħa tingħata biss jekk:

  • ikun hemm investigazzjoni ġudizzjarja mill-imħallef inkwirenti;
  • l-għoti tal-anonimità parzjali ma tkunx biżżejjed biex tipproteġik;
  • tħoss li jekk tagħmel dikjarazzjoni inti kif ukoll il-qraba tiegħek tkunu f'periklu, u li dan jista' jiġġustifika l-fatt li int ma tagħmilx id-dikjarazzjoni; u
  • ir-reat twettaq minn organizzazzjoni kriminali jew ikun wieħed ta’ natura serja (pereżempju ħtif ta' minorenni jew omiċidju).

X’servizzi u x’assistenza nista’ ningħata waqt l-investigazzjoni tad-delitt?

L-impjegati kollha fil-forza tal-pulizija u tal-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati li jipprovduk b'kull informazzjoni neċessarja, u fejn ikun adegwat, li jirriferuk għal servizzi speċjalizzati. Hemm diversi servizzi speċjalizzati li joffru assistenza lill-vittmi. Waqt u anke wara l-proċediment kriminali, tista' titlob dawn is-servizzi:

  • Il-pulizija toffri servizzi ta’ akkoljenza, ta’ assistenza prattika, ta’ informazzjoni, ta’ tħejjija ta' rapporti uffiċjali, u riferiment għal servizzi xierqa. Meta l-uffiċjal tal-pulizija inkarigat ma jkunx jista' joffrilek l-aqwa tip ta’ appoġġ (pereżempju waqt emerġenza jew waqt sitwazzjonijiet serji ħafna), is-servizzi speċjalizzati tal-pulizija għall-vittmi (politionele slachtofferbejegening/assistance policière aux victimes) jistgħu jintervjenu biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ.
  • L-uffiċċji ta' akkoljenza għall-vittmi (slachtofferonthaal/accueil des victimes) fiċ-ċentru ġuridiku jistgħu jagħtuk informazzjoni speċjalizzata rigward il-każ tiegħek. Hemm ċentru ġuridiku f'kull distrett ġuridiku (id-dettalji ta' kuntatt huma disponibbli bil-Franċiz u bl-Olandiż). Dan l-uffiċċju jista' jagħtik l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa sakemm idumu għaddejjin il-proċedimenti ġuridiċi. Jekk ikun meħtieġ, u skont il-problema, il-persunal tal-uffiċċju ta' akkoljenza għall-vittmi jirreferik għal aktar servizzi speċjalizzati. Il-persunal tal-uffiċċju ta' akkoljenza għall-vittmi jista' jgħinek waqt mumenti emozzjonalment diffiċli fil-proċedimenti, u jagħtik għajnuna biex ikollok aċċess għall-atti, assistenza waqt is-seduta tal-qorti, għajnuna sabiex jintradd id-dokument ġustifikattiv, jew appoġġ waqt ir-rikostruzzjoni ta' reat. Jistgħu wkoll jgħinuk tfassal id-dikjarazzjoni tal-vittma li l-użu tagħha jkun marbut mal-eżekuzzjoni tas-sentenza.
  • Is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi (diensten slachtofferhulp/services d'assistance aux victimes) jagħtu aktar assistenza sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tar-reat: appoġġ emozzjonali u psikoloġiku, informazzjoni (dwar id-drittijiet tiegħek, il-kumpens għall-ħsara kkawżata, il-proċess u l-aċċessibbiltà għall-għajnuna legali) flimkien ma' assistenza sabiex jiġu kkuntattjati diversi istituzzjonijiet (bħal pereżempju l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-pulizija, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-avukati, l-isptarijiet, eċċ.). Ġeneralment tkun riferut għal dawn is-servizzi mill-pulizija jew mill-assistenti ġudizzjarji, iżda tista' tikkuntattjahom int stess ukoll.

L-aċċess għal dawn is-servizzi kollha huwa b'xejn, u kompletament volontarju.

Jekk int vittma tat-traffikar tal-bnedmin, diversi servizzi speċjalizzati privati jistgħu jipprovdu appoġġ. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn dawn is-servizzi hija pprovduta mingħand iċ-Ċentru għall-Opportunitajiet Indaqs u l-Prevenzjoni tar-Razziżmu (Centrum voor Gelijkheid van Kansen en voor Racismebestrijding/Centre pour l’Egalité des chances et la lutte contre le racisme ). Int tkun ukoll eliġibbli għal għadd ta' arranġamenti speċjali dwar permessi ta' residenza u ta' xogħol jekk int tingħata protezzjoni bħala vittma tat-traffikar tal-bnedmin2.

Tista' tirċievi assistenza medika, iżda tista' tintalab ukoll tħallas għaliha jekk ma jkollokx assigurazzjoni medika valida (għalkemm tista' tinkludi dawn l-ispejjeż fit-talba tiegħek għal kumpens). Iċ-ċittadini tas-27 Stat Membru tal-UE, tal-Islanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja u tal-Isvizzera jistgħu jibbenefikaw mill-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea .

Hemm opportunitajiet sabiex jintlaħaq ftehim jew issir konċiljazzjoni jew sabiex tinbeda medjazzjoni bejni u l-persuna li wettqet id-delitt?

Il-medjazzjoni hija possibbli f'kull stadju tal-proċedimenti legali: fl-istadju tal-pulizija (medjazzjoni f'livell ta' pulizija); f'livell ta' muniċipalitajiet (medjazzjoni marbuta mal-pieni amministrattivi); f'livell ta' uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, qabel ma tittieħed deċijoni dwar il-prosekuzzjoni (medjazzjoni f'kawżi kriminali) u wara li l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jkun iddeċieda li jixli (medjazzjoni restorattiva). Il-medjazzjoni restorattiva hija wkoll possibbli waqt u wara l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

Il-medjazzjoni hija disponibbli għal kull tip ta' reat. Il-prosekutur pubbliku, l-imħallef inkwirenti u l-imħallef iridu jinfurmawk dwar il-possibbiltà ta' medjazzjoni. Tista' titlob għall-medjazzjoni int stess.

Il-medjazzjoni f'livell ta' pulizija (politionele schadebemiddeling/médiation policière) hija offruta f'każijiet ta reati żgħar (pereżempju għal graffiti, serq żgħir u vandaliżmu) sabiex tissolva l-ħsara fuq il-propjetà. Din it-tip ta' medjazzjoni hija disponibbli fid-distretti tal-pulizija ta' Leuven, Mechelen u Brussell. Il-medjazzjoni sseħħ qabel mar-rapport uffiċjali jintbagħat lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Il-prosekutur pubbliku jiġi infurmat dwar ir-riżultati tal-eżerċizzju ta' medjazzjoni, u jekk jintlaħaq ftehim, il-każ normalment jingħalaq.

Medjazzjoni marbuta mal-pieni amministrativi3 mogħtija qabel ma tingħata piena amministrattiva. Din hija obbligatorja meta t-trasgressur ikollu inqas minn 16-il sena. Il-medjazzjoni għandha l-għan primarju li tirrimborża l-ħsara kkawżata u titwettaq mill-uffiċjali tal-awtorità lokali.

Il-medjazzjoni f'każijiet kriminali (bemiddeling in strafzaken/médiation pénale) tista' tiġi proposta mill-prosekutur pubbliku meta jaħseb li r-reat huwa punibbli b'massimu ta' sentejn priġunerija. Din it-tip ta' medjazzjoni sseħħ qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li t-trasgressur jiġi mixli, u ssir mill-persunal taċ-ċentru ġuridiku. Bħala vittma ta' reat, l-interess prinċipali tiegħek tkun il-medjazzjoni sabiex tiġi rimburżat għall-ħsara li saritlek. Il-prosekutur pubbliku jista' jipproponi miżura addizzjonali oħra jew aktar li għandhom jittieħdu fir-rigward tat-trasgressur (kura jew terapija psikoloġika, taħriġ jew l-għoti ta' servizzi). Jekk jintlaħaq ftehim bejn it-trasgressur u l-vittma dwar il-kumpens għall-ħsara, u jekk it-trasgressur ikun ikkonforma ma' kull miżura addizzjonali imposta, il-prosekuzzjoni taqa' (jiġifieri l-prosekutur pubbliku ma jkunx għadu jista' jressaq każ quddiem il-qorti). Jekk it-trasgressur ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet, il-każ jista' jiġi rriferut il-qorti. Din it-tip ta' medjazzjoni teħtieġ il-kooperazzjoni tiegħek, u jekk ma taqbilx li tikkoopera l-każ jerġa' jgħaddi għand il-prosekutur pubbliku, li jieħu deċiżjoni mill-ġdid dwar jekk iwettaqx il-prosekuzzjoni jew le.

Il-medjazzjoni riparatriċi (herstelbemiddeling/médiation réparatrice) taħdem b'mod separat mill-proċedimenti kriminali, u ma tissostitwihomx. L-awtoritajiet ġudizzjarji jibqgħu għaldaqstant responsanbbli għal kull deċiżjoni li tinvolvi l-prosekuzzjoni kriminali, il-qtugħ tas-sentenzi u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Dan madankollu ma jimpedikx milli tibda medjazzjoni f'kull punt tal-proċedimenti, jiġifieri qabel ma l-każ jidher quddiem il-qorti, waqt li l-każ ikun qiegħed jiġi ttrattat mill-qorti, jew wara li imħallef jaqta' s-sentenza. Kull min ikun direttament affettwat minn każ kriminali jista' jitlob medjazzjoni. Dan ifisser li mhux biss il-vittma jew it-trasgressur jistgħu jitolbu għall-medjazzjoni, iżda anki sieħeb, membru tal-familja jew qarib. Il-medjazzjoni riparatriċi titwettaq minn żewġ organizzazzjonijiet mhux governattivi, Suggnomè għar-reġjun Fjamming u Médiante għar-reġjun tal-Wallonja. Huma għandhom sezzjonijiet lokali f’kull distrett ġudizzjarju. Il-ftehim milħuq bħala riżultat ta' medjazzjoni riparatriċi huwa kunfidenzjali u jingħata lill-qorti bil-kunsens taż-żewġ partijiet. Fis-sentenza tal-qorti trid tissemma l-medjazzjoni riparatriċi, iżda ma hemm għalfejn jitqies il-ftehim milħuq.

Il-medjazzjoni hija wkoll disponibbli  f'każijiet ta' minorenni, u l-medjazzjoni riparatriċi hija possibbli kemm fil-livell tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku kif ukoll fil-livell tal-qrati tal-minorenni stess. Jista' jiġi ordnat id-djalogu fi grupp (herstelgericht groepsoverleg (hergo)/concertation restauratrice en groupe) minn qorti tal-minorenni biss. L-imħallef ikun mistenni li jagħti prijorità lil miżura ta' medjazjoni (minflok l-ikkundannar ta' trasgressur li huwa minorenni), u li jgħarraf lill-partijiet fil-kunflitt dwar din il-possibilità. Jekk l-eżerċizzju ta' medjazzjoni riparatriċi tirriżulta fi ftehim bejn il-vittma u t-trasgresur, l-imħallef bħala regola jrid japprova dan il-ftehim. L-imħallef ma jistax ibiddel il-kontenut tal-ftehim, iżda jista' jirrifjuta li jirrikonoxxi l-ftehim jekk il-kontenut jimplika b'mod ċar xi periklu għas-sigurtà pubblika. Il-medjazzjoni u d-djalogu fi grupp huma organizzati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali attivi fis-settur tal-għajnuna għall-minorenni.

Kif jitkompla l-każ tiegħi wara li tintemm l-investigazzjoni?

Id-deċiżjonijiet meħuda fi tmiem l-investigazzjoni jkunu differenti skont jekk l-investigazzjoni tkunx ġudizzjarja jew standard.

Fl-investigazzjoni standard, il-prosekutur pubbiku jista' jiddeċiedi li:

  • jagħlaq il-każ;
  • jipproponi ftehim bonarju (minnelijke schikking/résolution à l’aimable) lit-trasgressur, – jekk it-trasgresur jaċċetta l-proposta u jagħti kumpens għall-ħsara li ġarrabt il-każ jingħalaq;
  • jipproponi medjazzjoni f'każijiet kriminali (bemiddeling in strafzaken/médiation dans les affaires pénales);
  • jgħaddi l-każ tiegħek lill-qorti.

Bħala parti offiża jew parti ċivili fil-proċedimenti kriminali, int tkun infurmat dwar id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku.

Jekk isseħħ investigazzjoni ġudizzjarja, l-imħallef inkwirenti jrid jgħaddi l-atti lill-qorti istruttorja (raadkamer/chambre du conseil). Is-seduti ta' smigħ tal-qorti istruttorja jseħħu bil-bibien magħluqin: l-istampa u l-pubbliku ma jistgħux ikunu preżenti. Int u l-avukat tiegħek tistgħu tkunu preżenti, iżda l-ħbieb u l-qraba ma jistgħux jattendu. Il-qorti istruttorja tista' tiddeċiedi li:

  • tagħlaq il-każ jekk tqis li ma hemmx biżżejjed provi kontra l-persuna suspettata jew li ma seħħ l-ebda reat;
  • tirreferi l-każ lill-qorti għal proċess, jekk tqis li hemm biżżejjed provi sabiex il-persuna suspettata tittella' l-qorti;
  • tagħlaq lit-trasgressur f'istituzzjoni mentali speċjalizzata jekk ikun mentalment marid jew fi stat ta' defiċenza mentali serja, fejn ma jkunx jista' jikkontrolla l-aġir tiegħu, f'dan il-każ il-persuna suspettata tista' titlob smigħ pubbliku;
  • tissospendi s-sentenza: il-qorti istruttorja tista' tiddeċiedi li tissospendi s-sentenza biss meta t-trasgressur ma jkunx ġie ssentenzjat qabel għal aktar minn sitt xhur priġunerija; tistipula perjodu ta' prova ta' mhux aktar minn ħames snin li matulu t-trasgressur ikollu jikkonforma ma' għadd ta' kundizzjonijiet; jekk huwa jagħmel reat ieħor jew ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet fil-perjodu ta' prova, il-qorti tista' tiddeċiedi li terġa' tiftaħ il-każ.

Jekk il-qorti istruttorja tiddeċiedi li tagħlaq lill-persuna suspettata f'istituzzjoni mentali jew li tissospendi s-sentenza, id-deċiżjoni tagħha tkun ekwivalenti għas-sentenza sħiħa ta' qorti kriminali, u taqta' wkoll sentenza fuq it-talba ċivili għall-kumpens.

Bħala parti offiża jew parti ċivili fil-proċedimenti kriminali1, int tkun infurmat dwar id-data tas-seduta ta' smigħ. Jekk il-każ tiegħek ikun riferut għall-qorti kriminali, tiġi infurmat ukoll dwar id-data tas-seduta ta' smigħ.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq mingħajr ma jitressaq quddiem qorti?

Inti ma tistax tappella kontra d-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku biex tagħlaq il-każ. Skont il-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-każ, u r-raġunijiet għalfejn ikun ingħalaq, xorta jista' jkun possibbli li titlob kumpens fil-qrati kriminali (ħlief għal xi proċedimenti quddiem il-qrati ċivili):

  • Jekk ir-reat ikun wieħed minuri (contravention/overtreding) jew reat intermedju (délit/wanbedrijf), huwa possibbli li t-trasgressur jittella' l-qorti direttament. Sabiex taħmel hekk trid issaqsi lill-bailiff sabiex iħarrek lit-trasgressur.
  • Tista' tippreżenta kwerela mal-imħallef inkwirenti u tagħmel talba bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali1; l-imħallef imbagħad ikun obbligat jibda investigazzjoni ġudizzjarja. Sabiex tagħmel hekk, trid tiddikjara espressament mal-imħallef inkwirenti li int qed tagħmel talba bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali. Dan irid isir verbalment jew bil-miktub. L-imħallef inkwirenti jfassal rapport uffiċjali li jikkonferma li int parti ċivili fil-proċedimenti. Għandek tkun taf li f'dan il-każ, l-imħallef inkwirenti jista' jesiġi li int tiddepożita garanzija li tkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti. L-ammont ta' dan il-pagament jistipulah l-imħallef. Għandek tkun taf li l-qorti istruttorja tista' xorta fl-aħħar tal-investigazzjoni tiddeċiedi li ma tressaqx il-każ għall-proċess jekk pereżempju ma jkunx hemm biżżejjed provi kontra l-persuna suspettata. Waqt il-proċess trid tikkonferma l-istatus tiegħek ta' parti ċivili fil-proċedimenti.

Ma tistax ittella' t-trasgressur direttament il-qorti u lanqas ma tista' tagħmel kwerela bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali jekk it-trasgressur ikun minuri.

Bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali1, tista' tappella kontra kull deċiżjoni tal-qorti istruttorja, inkluża kull deċiżjoni li ma tixlix lill-persuna suspettata, quddiem il-qorti tal-appell bħala qorti tal-ġudikatura (Kamer van inbeschuldigingstelling/Chambre des mises en accusation). Ma tistax tappella kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-ġudikatura, lanqas ma tista' sussegwentement ittella' t-trasgressur il-qorti int stess.

Jekk tittieħed deċiżjoni dwar il-kumpens fil-qorti istruttorja (fejn it-trasgressur jiġi maqful f'istituzzjoni mentali jew fejn is-sentenza hija sospiża) tista' tappella rigward il-kumpens mogħti, iżda mhux kontra s-sentenza kriminali. Int trid tappella fi żmien ħmistax-il jum (jew fi żmien tlett ijiem fil-każ li t-trasgressur ikun qed jinżamm taħt arrest preventiv) fl-uffiċċju tar-reġistru tal-qorti. Il-qorti tal-appell bħala qorti tal-ġudikatura mbagħad tirrevedi t-talba tiegħek għal kumpens.

Jekk għal xi raġuni ma tkunx ħadt sehem waqt il-proċedimenti kriminali, tista' tagħżel li tagħmel rikors fil-qrati ċivili. Għandek din il-possibilità wkoll jekk l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li ma jipproċedix bil-kawża kriminali. Jekk il-partijiet kollha ma jkunux iridu jidhru b'mod volontarju, int tressaq rikors quddiem il-qorti ċivili billi ttella' l-persuna li għamlitlek il-ħsara. Meta jkun hemm involut assiguratur (pereżempju wara aċċident tat-traffiku), tista' tħarrku wkoll. Il-proċedura fil-qrati ċivili hija fundamentalment differenti mill-proċedura kriminali. Jekk trid tagħmel rikors fil-qorti ċivili (burgerlijke rechtbank/tribunal civil) (pereżempju jekk ma kontx involut fil-proċedimenti kriminali jew jekk il-każ tiegħek ingħalaq), trid tkun imħejji biex tipprova li twettqet azzjoni ħażina. Jekk ikunu għadhom għaddejjin il-proċedimenti kriminali, il-qorti ċivili trid tissospendi l-proċedimenti ta' quddiemha, sakemm tinqata' s-sentenza tal-qorti kriminali. Il-qorti ċivili hija marbuta bis-sejbiet tal-każ kriminali. Rikors fil-qrati ċivili ddaħħlek fi spejjeż.

Jiena barrani. Kif jiġu protetti d-drittijiet u l-interessi tiegħi?

Bħala barrani tgawdi mid-drittijiet kollha spjegati hawn fuq. Int ikollok ukoll xi drittijiet addizzjonali sabiex tiġi aġevolata l-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċedimenti kriminali.

Għandek id-dritt li titlob għas-servizzi ta’ interpretu bla ebda ħlas f’każ li ma titkellimx bil-lingwa uffiċjali tal-post. Tista' tikteb id-dikjarazzjoni int stess (jew tistaqsi lil uffiċjal tal-pulizija biex jiktiblek id-dikjarazzjoni tiegħek fil-lingwa materna). Jekk tinsab barra mill-pajjiż, inti tista' tiġi interrogat mill-prosekutur pubbliku jew mill-imħallef inkwirenti permezz ta’ vidjokonferenza jew ta' telekonferenza.

Jekk int applikant għall-asil għandek id-dritt awtomatiku li tistaqsi għal appuntament b'xejn ma' avukat fit-tieni fażi tas-sistema ta' għajnuna legali.

Iktar informazzjoni:

  • Il-kostituzzjoni – bl-Olandiż u l-Franċiż
  • Il-Kodiċi Ġudizzjarju – bl-Olandiż u l-Franċiż
  • Il-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali – bl-Olandiż, u bil-Franċiż
  • Il-Liġi dwar il-forza tal-pulizija tal-5 ta' Awwissu 1992 – bl-Olandiż u bil-Franċiż
  • Il-Liġi dwar il-kumpens mill-Istat tal-1 ta' Awwissu 1985 – bl-Olandiż u bil-Franċiż
  • Il-Liġi dwar is-sospensjoni ta' sentenza, il-posponiment tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi u l-perjodu ta' prova tad-29 ta' Ġunju 1964 bl-Olandiż
  • Iċ-ċirkulari GPI 58 tal-4 ta' Mejju 2007 dwar it-trattament tal-vittmi fil-forza integrata tal-pulizija, strutturata f'żewġ livelli – bl-Olandiż
  • Iċ-ċirkulari COL 5/2009 tal-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali dwar l-użu ta' ċertifikati uniformi għall-kwereli, linji gwida dwar it-trasferiment ta’ dawn iċ-ċertifikati mill-pulizija u l-modifika ta' COL 8/2005, il-verżjoni riveduta tal-20 ta’ Diċembru 2012.
  • Iċ-ċirkulari tas-26 ta' Settembru 2008 dwar l-introduzzjoni ta' kooperazzjoni multidixxiplinari marbuta mat-traffikar tal-vittmi u/jew vittmi ta' forom serji ta' dħul klandestin – bl- Olandiż
  • Iċ-ċirkulari COL 16/2012 tat-12 ta' Novembru 2012 - Ċirkulari Konġunta mill-Ministru tal-Ġustizzja, il-Ministru għall-Affarijiet Interni u l-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali dwar l-ilqugħ ta' vittmi mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u mill-qrati
  • Iċ-ċirkulari COL 16/2012 tat-12 ta' Novembru 2012 - Ċirkulari Konġunta mill-Ministru tal-Ġustizzja, il-Ministru għall-Affarijiet Interni u l-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali dwar it-trattament rispettuż tad-deċeduti, in-notifika tal-mewt, it-teħid ta' liv bi prudenza u t-tindif tal-post tad-delitt f'każijiet fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu involuti.
  • Iċ-ċirkulari COL 18/2012 ta' Diċembru 2012 - Ċirkulari Konġunta mill-Ministru tal-Ġustizzja, il-Ministru għall-Affarijiet Interni u l-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali dwar il-projbizzjonijet temporanji għad-dħul fid-dar f'każ li jkun hemm vjolenza domestika
  • L-Ordni Amministrattiv tat-18 ta’ Diċembru 2003 dwar il-kundizzjonijiet għall-għajnuna legali tat-tieni fażi parzjalment jew kollha kemm hi mingħajr ħlas – bl-Olandiż
  • L-Ordni Amministrattiv tas-16 ta' Mejju 2004 dwar il-ġlieda kontra traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu – bl- Olandiż
  • L-Ordni Amministrattiv tat-13 ta' Ġunju 1999 dwar l-organizzazzjoni tad-Dipartiment taċ-Ċentri Ġuridiċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja – bl- Olandiż u bil- Franċiż
  • L-Ordni Amministrattiv tat-28 ta' Diċembru 1950 li jistipula r-regoli ġenerali dwar l-ispejjeż legali għall-każijiet kriminali.
  • Il-ftehim ta' kooperazzjoni tas-7 ta' April 1998 bejn l-Istat u l-Komunità Fjamminga dwar il-kura għall-vittmi – bl- Olandiż
  • Il-Protokoll għall-Ftehim tal-5 ta' Ġunju 2009 bejn l-Istat, il-Komunità Fjamminga, il-Komunità Franċiża, il-Kumitat tal-Komunità Franċiża u l-Kumitat Konġunt tal-Komunità dwar il-Kura għall-Vittmi - bl-Olandiż u l-Franċiż
  • Il-Protokoll għall-Ftehim tal-5 ta' Ġunju 2009 bejn l-Istat, il-Komunità Franċiża u r-Reġjun tal-Wallonja dwar il-Kura għall-Vittmi – bl-Olandiż u l-Franċiż
  • Il-Protokoll għall-Ftehim tal-5 ta' Ġunju 2009 bejn l-Istat u l-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż dwar il-Kura għall-Vittmi – bl-Olandiż, bil-Franċiż u l-Ġermaniż
1. Il-parti ċivili fil-proċess kriminali

Tista' tagħmel talba ċivili quddiem il-qorti kriminali f'kull ħin waqt il-proċedimenti kriminali, anki jekk ma tkunx għamilt kwerela mal-pulizija. Apparti d-drittijiet ordinarji ta' vittma, l-istatus tiegħek bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali jagħti d-dritt ukoll li:

titlob kumpens;
tkun mismugħ mill-qorti;
li tiġi rimborżat fl-aħħar tal-proċedimenti; u
li titlob interpretu waqt il-proċeduri tal-qorti;
jekk l-azzjoni ċivili titqies bħala ammissibbli u b'bażi soda, int tirċievi għadd ta' drittijiet fil-proċedimenti kriminali mingħajr ma jkollok għalfejn tippreżenta rikors lill-qorti biex tiġi rikonoxxut bħala vittma għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi
Tista' tirreġistra bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali permezz ta' dikjarazzjoni espressa jekk ikunu tnedew il-proċedimenti mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Tista' tagħmel dan waqt kull stadju tal-investigazzjoni u effettivament waqt il-proċess, iżda ma għadux possibbli li tagħmel dan fl-istadju tal-appell. F'każ ta' kontravvenzjoni (contravention/overtreding) jew delitt (délit/wanbedrijf) tista' tagħmel kwerela quddiem l-imħallef inkwirenti, li mbagħad ikun obbligat iniedi investigazzjoni kriminali. Żomm f'moħħok li fl-aħħar tal-investigazzjoni l-qorti istruttorja tkun għadha tista' tiddeċiedi li ma hemmx biżżejjed evidenza sabiex l-allegat trasgressur jittella' l-qorti.
Jekk tixtieq tikseb kumpens, ikollok bżonn tipprova l-ħsara li ġarrabt. Il-qorti tivvaluta jekk ir-rikors tiegħek hux aċċettabbli, u jew tilqgħu jew tiċħdu.
Bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali, int intitolat tressaq il-każ quddiem il-qorti tal-appell bħala qorti tal-ġudikatura jekk l-investigazzjoni kriminali tkun għadha għaddejja wara sena li tkun nbdiet. Din l-għażla tagħtik kontroll indirett fuq il-progress tal-investigazzjoni.
2. Il-protezzjoni bħala vittma tat-traffikar tal-bnedmin
Sa mill-bidu tad-disgħinijiet il-Belġju offra lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin sistema bi status ta' resident. Dawn il-kategoriji ta' vittmi huma intitolati għall-istatus ta' "vittmi tat-traffikar tal-bnedmin":
vittmi tat-traffikar tal-bnedmin (jiġifieri traffikar bl-iskop li jkun hemm diversi forom ta' sfruttament sesswali, sfruttament bħala tallaba, sfruttament ekonomiku, it-tneħħija tal-organi, atti kriminali mġiegħla);
vittmi ta' dħul klandestin (jiġifieri s-sehem, għal skop ta' qligħ, fl-immigrazzjoni illegali) meta hemm ċirkustanzi aggravanti. Vittmi li huma suġġetti għall-vjolenza jew li ħajjithom hija f'periklu huma intitolati għal dan l-istatus.
Jekk tiġi rikonoxxut bħala vittma tat-traffikar tal-bnedmin, tkun eliġibbli għal arranġamenti speċjali dwar ir-residenza u l-permess ta' xogħol, jekk:
taqta' l-kuntatt mal-persuni ssuspettati bi ksur;
taċċetta l-assistenza obbligatorja offruta minn ċentru approvat speċjalizzat fl-għoti ta’ faċilitajiet ta' akkoljenza u ta’ għajnuna lil persuni li sfaw vittmi tat-traffikar;
tikkoopera mal-awtoritajiet ġudizzjarji billi tagħmel dikjarazzjoni jew tressaq kwerela.
3. Pieni amministrattivi
Il-pieni amministrattivi huma imposti mill-awtoritajiet lokali u mhumiex pieni kriminali. L-awtoritajiet lokali għandhom il-poter li jikkastigaw ċerti reati żgħar u inkonvenjenzi permess ta' sanzjonijiet amministrattivi (il-multi, l-għeluq ta' binjiet jew postijiet, jew is-sospensjoni ta' permessi jew liċenzji). Il-muniċipalità tista' timponi dawn is-sanzjonijiet għall-ksur tar-regolamenti tagħha, għal ċerti forom ta' vandaliżmu eċċ. Il-prosekuzzjoni ma tiddependix direttament fuq il-prosekutur pubbliku.
L-aħħar aġġornament: 16/12/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.