F’konformità mat-Taqsima 66 StPO, il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja daħal f’kuntratti ma’ organizzazzjonijiet xierqa u stabbiliti li jipprovdu assistenza lill-vittmi wara li jivverifikaw li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet statutorji. Id-dettalji ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jinstabu billi tikklikkja fuq il-link li ġejja, fejn dawn tqassmu skont l-istat federali: Organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi
Hotline ta’ appoġġ għall-vittmi
L-Uffiċċju Federali tal-Protezzjoni Soċjali (Sozialministeriumservice): 0043 158831 u l-Hotline ġenerali għall-Vittmi: 0800 112 112
Iva.
Il-vittmi ta’ reat jirċievu kumpens finanzjarju f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi (Verbrechensopfergesetz (VOG)), il-Gazzetta tal-Liġi Federali (BGBl.) 288/1972.
Skont il-VOG, il-proċedura hi l-istess għall-applikanti kollha (ċittadini tal-Awstrija u barranin). Din hi proċedura amministrattiva li matulha l-awtorità trid tistabbilixxi l-fatti rilevanti u tasal għal deċiżjoni dwar l-assistenza li ssir applikazzjoni għaliha. L-applikant hu meħtieġ jikkoopera mal-proċedura u jipprovdi l-informazzjoni neċessarja (inkluż għall-fini ta’ stabbiliment tad-danni).
L-applikazzjonijiet skont il-VOG iridu jiġu ppreżentati lill-Uffiċċju Federali tal-Protezzjoni Soċjali, li jiddeċiedi dwarhom ukoll.
Il-persuni li ġejjin huma intitolati għal servizzi ta’ assistenza għall-vittmi:
Fuq talba, dawn il-vittmi jridu jingħataw appoġġ psikoloġiku u legali, dment li dan ikun meħtieġ biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet proċedurali tagħhom, b’kunsiderazzjoni kemm jista’ jkun tal-involviment personali tagħhom. L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi nnifishom huma responsabbli biex jivvalutaw jekk it-tali assistenza hix “meħtieġa”. Il-vittmi ta’ reat sesswali li jkollhom anqas minn 14-il sena dejjem ikunu intitolati għal appoġġ psikosoċjali.
APPOĠĠ PSIKOSOĊJALI
Fil-kuntest tal-appoġġ psikosoċjali, il-vittmi jitħejjew għall-istress psikoloġiku tal-proċedimenti, jiġu sostnuti fl-indirizzar tal-esperjenzi tagħhom (ansjetajiet, disprament, niket jew rabja) u jiġu akkumpanjati wkoll matul is-seduti li jkunu parti mill-investigazzjoni jew mill-proċess.
APPOĠĠ LEGALI
L-iskop tal-appoġġ legali hu li tingħata assistenza lill-vittmi biex jasserixxu drittijiethom fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Dan hu partikolarment siewi u neċessarju jekk ċirkustanzi speċifiċi jwasslu għal tħassib li d-drittijiet tal-vittmi mhux se jiġu rispettati b’mod suffiċjenti matul il-proċedimenti. Jekk il-vittma ġarrbet ħsara jew dannu minħabba r-reat, l-avukat jista’ jitlob kumpens (eż. għal dannu immaterjali) f’isem il-vittma (jekk il-vittma jkollha l-istatus ta’ pretendent ċivili).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.