Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Awstrija

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

X’inhu l-proċess sabiex titlob kumpens għad-danni mingħand it-trasgressur? (pereżempju kawża fil-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ aderenza)

Biex jasserixxu talbiet finanzjarji (pereż. kumpens għal dannu immaterjali (għall-uġigħ u t-tbatija), spejjeż tat-trattament), il-vittmi jistgħu

  • jressqu azzjoni ċivili kontra t-trasgressur jew
  • jissieħbu fil-proċedimenti kriminali kontra l-persuna akkużata bħala rikorrent ċivili.

Biex tasserixxi talba bħala rikorrent ċivili fi proċedimenti kriminali, inti trid tippreżenta dikjarazzjoni, li fiha trid tikkwantifika t-talba tiegħek għal kumpens għad-dannu kkawżat mir-reat jew għall-ħsara mġarrba u turi d-dritt tiegħek għalih (ir-raġunijiet għad-danni/għall-kumpens u l-livell tagħhom). Kundizzjoni oħra hi li l-imputat jiġi kkundannat għad-dannu kkawżat.

Int għandek tissieħeb fil-proċedimenti kriminali bħala rikorrent ċivili mill-aktar fis possibbli (idealment meta r-reat jiġi rrapportat lill-pulizija). Wara li l-akkużi jkunu tressqu quddiem il-qorti kompetenti, id-dikjarazzjoni tista’ tiġi rreġistrata mal-prosekutur pubbliku kompetenti wkoll jew inkella tiġi ppreżentata bil-miktub mingħajr ebda rekwiżit formali. Matul il-proċess, id-dikjarazzjoni trid tiġi ppreżentata qabel ma tiġi kkumpilata l-evidenza kollha. Dak hu wkoll l-aħħar mument li fih tista’ tiġi kkwantifikata t-talba.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur sabiex iħallasni għad-danni/jagħtini kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?

Jekk il-parti kkundannata tonqos milli tirrispetta l-obbligu tagħha li tħallas is-somma mogħtija, il-kreditur, jiġifieri l-vittma li lilha ngħata l-kumpens, jista’ jniedi miżuri ta’ eżekuzzjoni bl-għajnuna tal-qorti. Għal dan l-għan, irid jiġi ppreżentat rikors bil-miktub jew orali (Exekutionsantrag)) lill-qorti distrettwali kompetenti. Int għandek 30 sena biex tasserixxi talba għal kumpens mogħti b’sentenza tal-qorti li tkun legalment vinkolanti. Fi tmiem dan il-perjodu, it-talba tiġi preskritta.

Jekk l-assi tal-parti kkundannata jiġu ddikjarati li ġew ikkonfiskati, il-vittmi jkollhom id-dritt li jitolbu s-saldu tal-kumpens mogħti lilhom mill-assi maqbuda mill-Istat.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? Taħt liema kundizzjonijiet?

Pagament bil-quddiem jista’ jingħata biss jekk il-pagament ma setax isir minħabba l-iskontar ta’ sentenza. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk it-trasgressur ma jkunx jista’ jaqla’ introjtu minħabba li jkun qed jiskonta sentenza ta' ħabs jew ma jkollux fondi għaliex ħallas multa. Kundizzjoni biex jingħata dan l-avvanz hi li r-rikorrent ċivili jkun ingħata kumpens f’sentenza tal-qorti legalment vinkolanti minħabba mewt, korriment fiżiku, ħsara għas-saħħa jew telf finanzjarju. F’ċerti każijiet, il-possibbiltà ta’ avvanz tkun eskluża (eż. jekk jeżistu drittijiet oħra għall-pagamenti mill-Istat jew jekk il-korriment kien ir-riżultat ta’ involviment fi ġlieda jew ta’ negliġenza gravi).

It-talba għal avvanz trid tiġi ppreżentata quddiem il-qorti kriminali kompetenti.

Jien intitolat għal kumpens mill-Istat?

Il-vittmi ta’ reat jistgħu jirċievu kumpens finanzjarju mill-Istat jekk

  • ma setgħux iwettqu l-professjoni tagħhom minħabba mard jew trattament ta’ segwitu, eċċ. u konsegwentement ikunu sofrew telf ta’ qligħ
  • kellhom jieħdu xi psikoterapija, xi trattament minħabba kriżi jew trattament ieħor biex itejbu saħħithom
  • ikunu meħtieġa trattamenti ortopediċi
  • tkun saret ħsara f’nuċċalijiet jew f’dentaturi
  • tkun meħtieġa r-riabilitazzjoni
  • ikunu jeħtieġu kura (f’dan il-każ jista’ jitħallas benefiċċju għall-kura)
  • ikunu għomja (f’dan il-każ jista’ jitħallas benefiċċju għall-persuni għomja).

Mill-31 ta’ Mejju 2009, il-vittmi li ġarrbu korriment fiżiku serju jistgħu jirċievu kumpens f’somma waħda għad-dannu immaterjali.

Id-dipendenti superstiti tal-vittmi ta’ reat jirċievu

  • kumpens għat-telf tal-manteniment (jekk il-vittma mietet u l-konjuġi u/jew it-tfal tagħha jkunu tilfu l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex ikopru l-ispejjeż tal-għajxien tagħhom)
  • kura terapewtika (eż. psikoterapija) u kura ortopedika
  • spejjeż tal-funeral sa ammont massimu speċifikat.

Jien inkun intitolat għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

Jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat, il-vittma tiġi riferuta lill-qrati ċivili u tista’ tressaq rikors għal kumpens quddiem dawn il-qrati.

Jien intitolat għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba għall-kumpens tiegħi?

Le.

L-aħħar aġġornament: 03/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.