Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Awstrija

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

Kif nirrapporta reat?

Jekk int sfajt vittma ta’ reat, tista’ tirrapportah fi kwalunkwe stazzjon tal-pulizija jew lill-prosekutur pubbliku.

Int tista’ tippreżenta r-rapport tiegħek b’mod orali jew bil-miktub u l-firma tiegħek hi meħtieġa. Ir-rapport jista’ jiġi ppreżentat minn parti terza wkoll. Filwaqt li dan mhuwiex obbligatorju, hu rakkomandat li fir-rapport tinkludi d-dettalji personali rilevanti tiegħek, inkluż indirizz fejn tista’ tiġi kkuntattjat(a), kif ukoll id-dettalji personali tal-parti terza li tirrapporta r-reat.

Barra minn hekk, hu rakkomandat li tipprovdi kull evidenza u informazzjoni li int jista’ jkollok dwar il-persuna suspettata. Din tiffaċilita l-investigazzjoni.

Il-pulizija għandha formola uffiċjali li trid timtela (ġeneralment assistita bil-kompjuter) biex tirreġistra l-informazzjoni li tipprovdi int. Minn dak il-waqt, ir-rapport tiegħek tar-reat isir parti mill-fajl.

Int tista’ tirrapporta r-reat f'kull għassa tal-pulizija jew b’mod dirett lill-prosekutur pubbliku.

Ir-rapport jista’ jiġi ppreżentat bil-Ġermaniż jew f’waħda mil-lingwi reġjonali uffiċjali.

Jekk ma tafx bil-Ġermaniż jew b’lingwa uffiċjali oħra sa livell suffiċjenti, int ikollok id-dritt li tkun assistit(a) minn interpretu.

Fil-każ ta’ ċerti reati (eż. reati vjolenti jew reati sesswali), int tkun intitolat(a) għal assistenza mingħand organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi meta tirrapporta r-reat.

Ma hemm ebda skadenza speċifika għar-rapportar ta’ reat. Madankollu, wara ċertu perjodu ta’ żmien stipulat bil-liġi, il-pulizija, il-prosekutur pubbliku jew il-qorti jistgħu jiċħdu milli jeżaminaw il-każ. Dan il-perjodu ta’ żmien ivarja skont it-tip ta’ reat inkwistjoni (perjodi ta’ preskrizzjoni).

L-awtoritajiet huma obbligati jiftħu l-investigazzjoni meta jiġu informati dwar reat allegat (eċċezzjoni: reati soġġetti għal prosekuzzjoni privata).

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri mill-kawża?

Ladarba tirrapporta r-reat, int tirċievi l-konferma bil-miktub tar-rapport tiegħek. Dan jinkludi numru ta’ referenza. Jekk aktar tard tidħol f’kuntatt mal-għassa tal-pulizija kompetenti u tikkwota dan in-numru ta’ referenza, int tista’ tikkuntattja lill-uffiċjal inkarigat mill-każ tiegħek.

Jekk int tippreżenta r-rapport bil-miktub lill-pulizija jew lill-prosekutur pubbliku, int trid titlobhom in-numru ta’ referenza. L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi jgħinuk issir taf x’inhu n-numru ta’ referenza t-tajjeb.

Int għandek id-dritt li teżamina l-fajls. L-aċċess jista’ jiġi miċħud jew limitat biss jekk l-ispezzjoni tal-fajls tkun tista’ tipperikola l-investigazzjoni jew tinfluwenza x-xhieda tiegħek bħala xhud.

L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jinformak dwar żviluppi importanti fil-proċess. Pereżempju, int tiġi notifikat jekk l-awtoritajiet jiddeċiedu li ma jipproċedux bil-prosekuzzjoni jew ikunu qed jikkunsidraw li jordnaw miżuri alternattivi għal proċedimenti kriminali konvenzjonali.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess kriminali)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Int tista’ tingħata appoġġ u tiġi rappreżentat(a) fil-komunikazzjoni tiegħek mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi minn avukat, minn membru ta’ organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi jew minn persuna xierqa oħra.

Jekk int intitolat(a) għal appoġġ legali, l-avukati, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet speċjalisti ta’ appoġġ għall-vittmi, jappoġġjawk mingħajr ħlas meta tasserixxi drittijietek matul il-proċedimenti. Int għandek dritt għal assistenza bħal din jekk tkun ġejt espost(a) għal vjolenza jew għal theddida perikoluża bħala konsegwenza ta’ att kriminali deliberat, l-integrità sesswali tiegħek ma ġietx rispettata jew id-dipendenza personali tiegħek ġiet sfruttata fit-twettiq ta’ tali reat. L-assistenza tkun disponibbli wkoll għalik jekk int tkun qarib(a) mill-viċin ta’ persuna li setgħet mietet minħabba r-reat jew int qarib(a) xhud tar-reat. L-assistenza trid tkun neċessarja għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-vittma u hi garantita mill-organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi.

Jekk int m’intix intitolat(a) għal servizzi ta’ assistenza għall-vittmi, int tista’ tapplika quddiem il-qorti għal għajnuna legali mingħajr ħlas jekk tissieħeb fil-proċedimenti bħala pretendent ċivili. Jekk il-qorti tqis li r-rappreżentazzjoni legali tkun neċessarja (b’mod partikolari biex tiġi evitata kawża sussegwenti ta’ talba ċivili) u l-introjtu tiegħek ma jkunx biżżejjed biex tħallas għal rappreżentant legali mingħajr ma tipperikola s-sussistenza tiegħek, l-applikazzjoni tiġi approvata.

Nista’ nitlob l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, lejn u mill-qorti jew lejn u mill-post tas-seduta jiġu rimborżati, u jitħallas lilek kumpens għall-ħin mitluf jekk int iġġarrab telf finanzjarju minħabba dan. Jekk int xhud u jkollok tqatta’ lejl u tieħu kolazzjon, ikla ta’ nofsinhar jew pranzu f’post partikolari, l-ispejjeż tas-soġġorn tiegħek jiġu rimborżati sa ċertu ammont. Int trid tippreżenta t-talba tiegħek għal dan il-ħlas fi żmien 14-il jum.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel nitla’ l-qorti?

Jekk il-prosekutur pubbliku jwaqqa’ l-proċedimenti, int trid tiġi informat(a). Imbagħad ikollok 14-il jum biex titlob lill-prosekutur pubbliku biex jispjega r-raġunijiet wara din id-deċiżjoni. Int tista’ tapplika wkoll għal kontinwazzjoni tal-proċedimenti jekk:

  • inkisret liġi jew din ġiet applikata ħażin
  • ikun hemm dubji serji dwar il-preċiżjoni tal-fatti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tal-proċedimenti jew
  • jistgħu jiġu pprovduti fatti jew evidenza ġodda li jiġġustifikaw il-kontinwazzjoni.

It-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 14-il jum wara li int tiġi informat(a) dwar id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li jtemm il-proċedimenti jew wara li tkun irċevejt ir-raġunijiet għat-tali terminazzjoni. Jekk ma tirċevix it-tali informazzjoni f'dan il-perjodu, it-terminu perentorju jiġi estiż għal tliet xhur wara d-deċiżjoni. It-talba li jitkomplew il-proċedimenti trid tiġi indirizzata lill-prosekutur pubbliku.

Jekk il-prosekutur pubbliku jqis li t-talba għandha motivazzjoni valida, hu jkompli bil-proċedimenti. Inkella, il-prosekutur pubbliku jrid jikteb tweġiba u jippreżentaha, flimkien mal-fajl, lill-qorti li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħek. Jekk il-qorti tilqa’ t-talba, il-prosekutur pubbliku jrid ikompli bil-proċedimenti. Inkella t-talba tiġi miċħuda.

Jekk il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li jordna miżuri alternattivi għal proċedimenti kriminali konvenzjonali, int ma tistax tappella kontra d-deċiżjoni tiegħu.

Jekk jiġu ppreżentati l-akkużi u, wara, il-prosekutur pubbliku jagħlaq il-każ, f’ċerti ċirkustanzi int ikollok id-dritt li żżomm l-akkużi bħala prosekutur sussidjarju. F’dan il-każ, int trid diġà tkun issiħibt fil-proċedimenti bħala pretendent ċivili. Imbagħad int tikseb l-istatus ta’ prosekutur sussidjarju malli tiddikjara li se żżomm l-akkużi.

Kif nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Bħala vittma, int intitolat(a) li tieħu sehem fil-proċess. Int tiġi mħarrek/imħarrka biex tidher il-qorti biss jekk int tkun meħtieġ(a) tixhed. Vittma tkun obbligata tirrispetta taħrika biex tidher biss jekk hi tiġi msejħa biex tidher bħala xhud.

Jekk int tibbenefika mis-servizzi ta’ assistenza għall-vittmi, l-organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi li tipprovdi dawn is-servizzi tiġi informata dwar id-dati tas-seduti.

Jekk int tajt ix-xhieda tiegħek taħt kontroeżami matul l-investigazzjoni, int tiġi informat(a) dwar id-data tal-proċess biss jekk int tkun tlabt li jsir hekk. Jekk int pretendent ċivili, prosekutur sussidjarju jew prosekutur privat, int tingħata avviż bil-quddiem dwar id-dati stabbiliti tas-seduti. Indipendentement minn jekk il-proċess huwiex pubbliku, bħala vittma int intitolat(a) li tkun preżenti u akkumpanjat(a) minn persuna ta' fiduċja – avukat, membru ta’ organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi jew persuna oħra. Int għandek id-dritt li tagħmel mistoqsijiet lill-akkużat, lix-xhieda u lill-esperti kif ukoll li tinstema’ rigward l-intitolament tiegħek għal kumpens.

Jekk int pretendent ċivili, tista’ tagħżel li ma tattendix għas-seduta. Madankollu, jekk int prosekutur privat u ma attendejtx għas-seduta, il-qorti ma jkollhiex għażla ħlief li tassumi li int m’għadekx interessat(a) f’kundanna u tagħlaq il-każ.

Jekk ma tafx titkellem bil-Ġermaniż (jew b’lingwa uffiċjali oħra), int għandek id-dritt għal interpretazzjoni matul is-seduta mingħajr ħlas.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien nitqies jew nista’ nagħżel li nitqies bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Int titqies bħala vittma, jekk tissodisfa r-rekwiżiti statutorji rilevanti. Il-persuni li ġejjin għandhom l-istatus ta’ vittma:

  • persuni li ġew esposti għal vjolenza jew għal theddida perikoluża minħabba att kriminali deliberat, li l-integrità sesswali u l-awtodeterminazzjoni tagħhom setgħu ma ġewx rispettati jew li d-dipendenza personali tagħhom setgħet ġiet sfruttata fit-twettiq ta’ tali reat,
  • il-konjuġi, is-sħab reġistrati, is-sħab f'koabitazzjoni, il-qraba tal-ewwel grad, l-aħwa u dipendenti oħra ta’ persuna li setgħet mietet minħabba reat, jew qraba oħra li kienu xhieda tar-reat, u
  • kull persuna oħra li ġarrbet ħsara minħabba reat jew li l-interessi legali tagħha, kif protetti mid-dritt kriminali, setgħu sofrew dannu f’aspetti oħra.

Int tkun xhud jekk tagħmel osservazzjonijiet relevanti għall-proċedimenti kriminali. Dan jiġi ddeterminat mill-pulizija u mill-prosekutur pubbliku matul l-investigazzjoni. Matul il-proċess, din id-deċiżjoni tittieħed mill-qorti.

Hu f’idejk jekk tixtieqx tissieħeb fil-proċedimenti bħala pretendent ċivili.

Jekk tkomplix il-proċedimenti bħala prosekutur sussidjarju f’każ li jitwaqqgħu l-akkużi hi deċiżjoni tiegħek ukoll.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Matul il-proċedimenti, l-awtoritajiet kollha jridu jirrispettaw id-dinjità personali tiegħek bħala vittma u l-interess tiegħek ta’ protezzjoni tal-privatezza personali tiegħek. Trid tingħata kunsiderazzjoni xierqa lid-drittijiet, lill-interessi u lill-ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċifiċi tiegħek. Il-vittmi kollha jridu jiġu informati mill-aktar fis dwar drittijiethom u dwar il-possibbiltà li jirċievu assistenza u kumpens.

Trid tinħareġ konferma tar-rapport tiegħek ta’ reat jekk int titlobha.

Kull vittma hi intitolata għal rappreżentazzjoni u għal parir. Dawn jistgħu jiġu pprovduti minn avukat, minn organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi jew minn rappreżentant xieraq ieħor. Jekk int intitolat(a) għal servizzi ta’ assistenza għall-vittmi, il-persuna li tipprovdilek appoġġ legali tirrappreżentak fil-proċedimenti.

Jekk ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-appoġġ legali, iżda tixtieq tkun rappreżentat(a) minn avukat bħala pretendent ċivili, f’ċerti kundizzjonijiet int tkun tista’ tapplika għal għajnuna legali.

Bħala xhud, int tkun ħielsa/ħielsa mid-dmir li tixhed jekk tkun se tinkrimina lil qarib. Int titlef dan id-dritt jekk int adult u tkun qed titlob kumpens bħala pretendent ċivili fil-qafas tal-proċedimenti kriminali.

Hu possibbli li tiċħad milli twieġeb għal mistoqsijiet individwali:

  • jekk it-tweġiba tkun umiljanti jew tesponik għar-riskju ta’ telf finanzjarju dirett u konsiderevoli;
  • jekk it-tweġiba tkun tikkonċerna l-aktar sfera personali tiegħek jew dik ta’ persuna oħra;
  • jekk int tqis li l-mistoqsijiet rigward id-dettalji ta’ reat sesswali ma jkunux raġonevoli.

Madankollu, jaf tkun obbligat(a) twiġibhom jekk ix-xhieda tiegħek tkun ta’ importanza partikolari għas-suġġett tal-proċedimenti.

Jekk hemm persuni oħra preżenti matul l-intervista, trid tingħata attenzjoni biex ma tiġix żvelata data personali tiegħek. Int m’għandekx bżonn tiżvela l-indirizz tad-dar tiegħek. Minflok, int tista’ tingħata indirizz ieħor fejn l-awtoritajiet jistgħu jikkuntattjawk faċilment.

Int intitolat(a) li teżamina l-fajls jekk dawn jikkonċernaw l-interessi tiegħek. Tista’ titlob ukoll kopji mill-fajl bi ħlas ta’ tariffa.

Jekk trasgressur jinħeles mid-detenzjoni jew mill-kustodja ta’ qabel il-proċess, int trid tiġi informat(a) jekk int vittma ta’ vjolenza domestika, ta’ vjolenza deliberata jew ta’ theddida perikoluża jew jekk l-integrità sesswali tiegħek ma ġietx rispettata. Jekk int il-vittma ta’ tip ieħor ta’ reat, int trid tippreżenta talba li tindika li int tixtieq tiġi informat(a) dwar ir-rilaxx tat-trasgressur.

Int trid tiġi notifikat(a) dwar it-terminazzjoni u l-kontinwazzjoni tal-proċedimenti u dwar kull terminazzjoni tal-investigazzjoni mill-prosekutur pubbliku. Jekk ikunu qed jiġu kkunsidrati miżuri alternattivi għall-proċedimenti kriminali, int trid tirċievi informazzjoni komprensiva dwar drittijietek. Int tista’ tapplika għat-tkomplija tal-proċedimenti jekk dawn ikunu ġew terminati mill-prosekutur pubbliku.

Jekk ma tafx titkellem bil-Ġermaniż sa livell suffiċjenti jew int trux(a) jew għami/għamja, int għandek id-dritt għal appoġġ ta’ traduzzjoni/ta’ interpretazzjoni. Int intitolat(a) li tieħu sehem f’kontroeżamijiet, f’rikostruzzjonijiet tal-inċident u fil-proċess, li matulu għandek id-dritt li tagħmel mistoqsijiet u tippreżenta applikazzjonijiet.

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Bħala vittma, drittijietek jintitolawk li tagħmel dikjarazzjonijiet fil-kuntest jew tax-xhieda tiegħek jew ta’ parteċipazzjoni oħra f’intervista jew f’seduta. Pereżempju, int tista’ tiddikjara li qed tissieħeb fil-proċedimenti bħala pretendent ċivili u tixtieq li tingħata kumpens. Int tista’ tagħmel mistoqsijiet lit-trasgressur ukoll.

Int intitolat(a) tixhed jekk tiġi mħarrek/imħarrka għal intervista jew għal smigħ.

Jekk int xhud ukoll, int obbligat(a) tirrispetta kull taħrika li tirċievi, u tipprovdi informazzjoni veritiera u sħiħa.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Matul il-proċess, int tiġi informat(a) dwar drittijietek fil-bidu tal-eżami tiegħek.

Hu f’idejk jekk tixtieqx tieħu sehem fis-seduta sħiħa.

Is-sentenza tinqata’ fl-aħħar tas-seduta. Int tista’ ssir taf dwar il-kontenut tas-sentenza billi tibqa’ sal-aħħar tas-seduta jew teżamina l-fajl tal-qorti.

Jekk int issiħibt fil-proċedimenti bħala pretendent ċivili, il-qorti hi obbligata wkoll li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħek fis-sentenza tagħha. Jekk din tiddeċiedi li int għandek tirċievi kumpens, is-sentenza titqies bħala ordni għall-eżekuzzjoni skont id-dritt ċivili u int tista’ tapplika mal-gvern federali għal avvanz fil-kumpens. Madankollu, dan hu soġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkundannata ma tkunx tista’ tikkonforma minnufih mal-obbligu ta’ ħlas minħabba n-notifika ta’ sentenza (kustodjali).

Il-qorti tista’ tordna wkoll li proprjetà li tappartjeni għall-vittma li tinsab fil-pussess tal-konvenut tiġi ritornata lill-vittma.

Inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Int għandek id-dritt li teżamina l-fajls. L-aċċess jista’ jiġi miċħud jew limitat biss jekk l-ispezzjoni tal-fajls tkun tista’ tipperikola l-investigazzjoni jew tinfluwenza x-xhieda tiegħek bħala xhud.

L-aħħar aġġornament: 10/12/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna