Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Awstrija

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

X’informazzjoni nirċievi mill-awtorità (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) wara li jkun seħħ ir-reat iżda qabel ma nirrappurtah?

Qabel ma tirrapporta r-reat, int tista’ tikseb informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek mis-sit web tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (Bundesministerium für Justiz) (hawnhekk) u mill-Hotline tal-Vittmi (Opfernotruf) jew mis-sit web tal-Hotline tal-Vittmi (0800 112 112 jew hawnhekk).

Bħala vittma ta’ reat, int għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek mingħand l-awtoritajiet. Fil-prinċipju, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-bidu tal-investigazzjoni. Jekk int intitolat li taċċessa servizzi ta’ assistenza lill-vittmi mingħand organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi, int tiġi informat dwar dan qabel l-ewwel seduta tiegħek. In-notifika biex tidher fis-seduta jkun fiha wkoll informazzjoni dwar dawn is-servizzi ta’ appoġġ u tkun tinkludi l-indirizzi tal-organizzazzjonijiet rilevanti ta’ appoġġ lill-vittmi. Barra minn hekk, int tiġi informat dwar id-dritt tiegħek li tkun akkumpanjat minn persuna ta' fiduċja.

Jekk inti vittma ta’ reat sesswali jew jekk inti minuri, jew jekk tista’ tinħareġ ordni ta’ trażżin skont l-§Artikolu 38a(1) tal-Att dwar il-Pulizija tas-Sigurtà (Sicherheitspolizeigesetz – SPG) biex tipproteġik minn atti ta’ vjolenza, int titqies bħala vittma partikolarment vulnerabbli. Dan ifisser li tingħata drittijiet addizzjonali; b’mod partikolari, int trid tiġi infurmat qabel is-seduta u x-xhieda tiegħek li:

  • int tista’ tinstema’, kull fejn possibbli matul l-investigazzjoni, minn persuna tal-istess sess;
  • tista’ titlob li tingħata s-servizz ta’ interpretu tal-istess sess, meta tinstema’ matul l-investigazzjoni u l-proċess, kull fejn ikun possibbli;
  • int tista’ tirrifjuta li twieġeb mistoqsijiet li jikkonċernaw dettalji tar-reat, eż. fil-każ ta’ reat sesswali, jekk int tqis li dawn ma jkunux raġonevoli. Madankollu, jaf tkun obbligat tweġibhom jekk ix-xhieda tiegħek tkun partikolarment importanti għas-suġġett tal-proċedimenti;
  • int għandek id-dritt li tiġi interrogat b’ċerta sensittività matul l-investigazzjoni u l-proċess;
  • int tista’ titlob biex il-pubbliku jkun eskluż mill-proċess;
  • int tista' tiġi informat jekk it-trasgressur jaħrab, jerġa’ jinqabad jew jiġi rilaxxat mill-kustodja;
  • int tista’ tkun akkumpanjat minn persuna ta’ fiduċja matul is-seduta tiegħek.

Tista’ tinstab aktar informazzjoni fil-fuljetti provduti minn organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi, li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-pulizija. Tista’ tkun ċert ukoll li se tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek bil-fomm.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti d-drittijiet tiegħi?

Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tiżgura li l-vittmi jgawdu minn drittijiet komparabbli fl-Istati Membri kollha tal-UE. Dawn id-drittijiet japplikaw irrispettivament min-nazzjonalità tiegħek bħala vittma.

Biex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar ta’ reati f’każijiet li fihom ir-reat kriminali jkun twettaq fi Stat Membru ieħor tal-UE, l-ilmenti relatati ma’ reat bħal dan li jsiru fil-pajjiż ta’ residenza tal-vittma jintbagħtu mill-prosekutur lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru l-ieħor.

Hemm ukoll intitolament għal servizzi ta’ traduzzjoni mingħajr ħlas matul il-proċedimenti kriminali.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Bħala vittma ta’ reat, int trid tiġi infurmat minnufih dwar id-drittijiet tiegħek. Din l-informazzjoni tinkludi:

  • id-drittijiet tiegħek matul il-proċedimenti kriminali;
  • id-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi u s-servizzi li joffru;
  • il-possibbiltà li titlob kumpens mingħand it-trasgressur;
  • il-possibbiltà li tapplika għal kumpens mill-Istat.

Jekk int intitolat li taċċessa servizzi ta’ assistenza lill-vittmi mingħand organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi, int tiġi informat dwar dan qabel l-ewwel seduta tiegħek. In-notifika biex tidher fis-seduta jkun fiha wkoll informazzjoni dwar dawn is-servizzi ta’ appoġġ u tkun tinkludi l-indirizzi tal-organizzazzjonijiet rilevanti ta’ appoġġ lill-vittmi. Barra minn hekk, int tiġi informat dwar id-dritt tiegħek li tkun akkumpanjat minn persuna ta' fiduċja. Tista’ ssib aktar informazzjoni fil-fuljetti jew fil-volantini prodotti mill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi, li jingħataw mill-pulizija. Tista’ tkun ċert ukoll li se tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek bil-fomm.

Jekk l-integrità sesswali tiegħek ma tkunx ġiet irrispettata, jew jekk inti minuri, jew jekk tista’ tinħareġ ordni ta’ trażżin skont l-§l-Artikolu 38a(1) tal-Att dwar il-Pulizija tas-Sigurtà sabiex tipproteġik minn atti ta’ vjolenza, int għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar id-drittijiet li ġejjin qabel is-seduta ta’ smigħ u x-xhieda tiegħek:

  • id-dritt li tinstema’ kull fejn possibbli minn persuna tal-istess sess matul l-investigazzjoni;
  • id-dritt li titlob is-servizz ta’ interpretu tal-istess sess, meta tinstema’ matul l-investigazzjoni u l-proċess, kull fejn ikun possibbli;
  • id-dritt li tirrifjuta li twieġeb mistoqsijiet li jikkonċernaw dettalji ta’ reat sesswali, pereżempju, jekk int tqis li dawn ma jkunux raġonevoli. Madankollu, jaf tkun obbligat tweġibhom jekk ix-xhieda tiegħek tkun partikolarment importanti għas-suġġett tal-proċedimenti;
  • id-dritt li tiġi interrogat b’ċerta sensittività matul l-investigazzjoni u l-proċess;
  • id-dritt li titlob biex il-pubbliku jkun eskluż mill-proċess;
  • id-dritt li tiġi infurmat jekk it-trasgressur jaħrab, jerġa’ jinqabad jew jinħeles mill-arrest preventiv;
  • il-possibbiltà li tkun akkumpanjat minn persuna ta' fiduċja matul is-seduta tiegħek.

Ladarba tkun irrappurtajt ir-reat, int tirċievi l-konferma bil-miktub tar-rapport tiegħek. Din tkun tinkludi numru ta’ referenza. Jekk iċċempel l-għassa tal-pulizija kompetenti u tikkwota dan in-numru ta’ referenza, int tkun tista’ titkellem mal-uffiċjal inkarigat mill-każ tiegħek. Int tista’ tuża n-numru ta’ referenza tal-pulizija wkoll biex tikkuntattja lill-prosekutur pubbliku li jkun qed jieħu ħsieb il-każ tiegħek.

L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jinformak dwar żviluppi importanti fil-proċess. Pereżempju, int tiġi nnotifikat jekk l-awtoritajiet jiddeċiedu li ma jipproċedux bil-prosekuzzjoni jew ikunu qed jikkunsidraw li jordnaw miżuri alternattivi għal proċedimenti kriminali konvenzjonali. Int għandek ukoll id-dritt li teżamina l-fajls.

Il-qorti tinformak bil-ħin u bil-post tas-seduta jekk int tkun għamilt talba minn qabel għal din l-informazzjoni jew tkun issiħibt fil-proċedimenti bħala rikorrent ċivili.

Jekk int ġejt espost għal vjolenza jew għal theddida perikoluża ta’ att kriminali intenzjonat, l-integrità sesswali tiegħek ma ġietx irrispettata, ġiet sfruttata d-dipendenza personali tiegħek fit-twettiq ta’ tali reat jew jekk int partikolarment vulnerabbli, int tiġi infurmat awtomatikament mill-awtoritajiet jekk it-trasgressur jaħrab, jerġa’ jinqabad jew jinħeles mill-arrest preventiv. F’każijiet oħra, int tiġi informat dwar żviluppi bħal dawn jekk tkun tlabt li jsir hekk. L-informazzjoni pprovduta mill-pulizija jew mill-prosekutur pubbliku trid tinkludi r-raġunijiet rilevanti għar-rilaxx u tindika jekk it-trasgressur kienx soġġett għal miżuri anqas ħorox bħala alternattiva għall-arrest.

Fuq talba, int tiġi informat minnufih ukoll jekk it-trasgressur jaħrab jew jinħeles mill-ħabs, kif ukoll dwar l-ewwel darba li t-trasgressur jitħalla joħroġ mill-ħabs mingħajr superviżjoni. Int tiġi nnotifikat ukoll meta jinqabad trasgressur li jkun ħarab. Jekk ikunu ġew imposti xi kundizzjonijiet maħsuba biex jipproteġu lill-vittma fuq it-trasgressur fil-mument tar-rilaxx, int tiġi informat dwar dawn ukoll.

Għandi dritt għal servizzi ta' interpretazzjoni jew ta' traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Jekk il-Ġermaniż tiegħek ma jilħaqx livell suffiċjenti biex tikkomunika, int intitolat għal servizzi ta’ interpretazzjoni mingħajr ħlas. Dawn is-servizzi jkunu magħmula disponibbli matul l-intervista jew matul is-seduta. Barra minn hekk, int intitolat ukoll għal traduzzjoni bil-miktub ta’ partijiet importanti tal-fajl (konferma bil-miktub tal-ilment, ftehim dwar l-għeluq tal-investigazzjoni u r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata, l-eżekuzzjoni tas-sentenza u d-digriet kriminali).

Is-servizzi ta’ assistenza lill-vittmi jinkludu appoġġ tat-traduzzjoni u huma ffinanzjati mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

L-istruzzjonijiet legali dejjem iridu jingħataw u l-intervisti dejjem iridu jiġu konklużi b’mod komprensibbli. Għaldaqstant, l-awtorità trid tadatta l-istruzzjonijiet u l-mistoqsijiet tagħha għall-ħtiġijiet u għall-kapaċitajiet tal-vittma. Wara li jingħatawlek l-istruzzjonijiet, tiġi mistoqsi jekk fhimtx kollox.

Jekk il-Ġermaniż tiegħek ma jilħaqx livell suffiċjenti biex tikkomunika, int intitolat għal servizzi ta’ interpretazzjoni mingħajr ħlas. Dawn is-servizzi jkunu magħmula disponibbli matul l-intervista jew matul is-seduta. Barra minn hekk, int intitolat ukoll għal traduzzjoni bil-miktub ta’ partijiet importanti tal-fajl (konferma bil-miktub tal-ilment, ftehim dwar l-għeluq tal-investigazzjoni u r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata, l-eżekuzzjoni tas-sentenza u d-digriet kriminali).

Interpretu tal-lingwa tas-sinjali jrid ikun preżenti biex jassisti lil vittmi torox jew muti. Jekk ikun hemm bżonn, int ikollok ukoll l-għażla li tikkomunika bil-miktub jew b’mod xieraq ieħor.

Kull diżabilità tiġi kkunsidrata meta jiġi vvalutat jekk vittma għandhiex titqies bħala partikolarment vulnerabbli, li huwa status assoċjat ma’ drittijiet speċjali. Diżabilitajiet bħal dawn jistgħu jiġu kkumpensati permezz tal-intitolament għal għajnuna legali.

Servizzi ta’ appoġġ lill-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ lill-vittmi?

Int tista’ tikkuntattja lil organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi. Hemm organizzazzjonijiet speċifiċi għall-vittmi ta’ vjolenza domestika u ta’ stalking, għall-vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin u għall-vittmi minorenni. Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja ffinanzja Hotline għall-Vittmi, (0800 112 112 u http://www.opfer-notruf.at/), li twaqqfet biex tipprovdi appoġġ mingħajr ħlas 24 siegħa kuljum.

Ċerti vittmi huma intitolati għal servizzi ta’ assistenza psikosoċjali u legali lill-vittmi.

Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika jew ta’ stalking, int tiġi appoġġat minn organizzazzjonijiet speċjalizzati, bħaċ-Ċentru ta’ intervent fi vjolenza domestika (Interventionsstelle gegen Gewalt in der Familie) jew iċ-ċentri ta’ protezzjoni tal-vittmi (Gewaltschutzzentren). Jekk il-pulizija tkun ħarġet ordni ta’ trażżin, din l-informazzjoni tingħadda liċ-ċentru lokali ta’ intervent fi vjolenza domestika jew lil ċentru lokali ta’ protezzjoni kontra l-vjolenza. L-impjegati ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jikkuntattjawk u joffrulek appoġġ, inkluż billi jfasslulek pjan ta’ sikurezza u jagħtuk pariri legali (b’mod partikolari dwar kif tippreżenta rikors għal inibizzjoni interim) u appoġġ psikoloġiku.

Int tista’ tikkuntattja liċ-Ċentru ta’ intervent jew lil wieħed miċ-ċentri ta’ protezzjoni kontra l-vjolenza direttament ukoll. M’għandekx bżonn tistenna sakemm il-pulizija tieħu azzjoni jew sakemm int tkun irrapportajt reat.

Il-pulizija tirreferini awtomatikament lil min joffri appoġġ lill-vittmi?

Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika jew ta’ stalking, int tiġi appoġġat minn organizzazzjonijiet speċjalizzati, bħaċ-Ċentru ta’ intervent fi vjolenza domestika jew iċ-ċentri ta’ protezzjoni tal-vittmi. Jekk il-pulizija tkun ħarġet ordni ta’ trażżin, din l-informazzjoni tingħadda liċ-ċentru lokali ta’ intervent fi vjolenza domestika jew lil ċentru lokali ta’ protezzjoni kontra l-vjolenza. L-impjegati ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jikkuntattjawk u joffrulek appoġġ, inkluż billi jfasslulek pjan ta’ sikurezza u jagħtuk pariri legali (b’mod partikolari dwar kif tippreżenta rikors għal inibizzjoni interim) u appoġġ psikoloġiku.

Fil-każijiet l-oħra kollha, int mitlub tikkuntattja lill-organizzazzjoni rilevanti ta’ appoġġ għall-vittmi int stess.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Bħala vittma, int għandek diversi drittijiet li jiggarantixxu li l-privatezza tiegħek tiġi protetta kemm jista’ jkun, minkejja l-prinċipju tan-natura pubblika tal-proċedimenti tal-qorti.

Pereżempju, int għandek id-dritt li tipprovdi indirizz għan-notifika li ma jkunx il-proprja indirizz tad-dar tiegħek. Il-qorti trid tiżgura wkoll li ma jiġu żvelati ċ-ċirkustanzi personali tiegħek bħala xhud.

Il-kontenut tal-fajls ma jistax jiġi ppubblikat, ma jistgħux isiru reġistrazzjonijiet jew trażmissjonijiet fuq it-televiżjoni jew fuq ir-radju u jiġu rreġistrati filmati jew jittieħdu ritratti matul is-seduta.

Il-pubbliku jista’ jiġi eskluż mill-proċess, jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi protetta l-privatezza tal-vittmi u tax-xhieda.

Jekk int il-vittma ta’ reat sesswali, int għandek id-dritt li tirrifjuta li twieġeb mistoqsijiet dwar ċerti dettalji tal-inċident, sakemm id-dettalji inkwistjoni ma jkunux essenzjali għall-proċedimenti. F’każijiet eċċezzjonali, ikun saħansitra possibbli li int tixhed b’mod anonimu, jekk il-kxif tal-identità tiegħek iqiegħed lil ħajtek, lil saħħtek, lill-integrità personali jew lil-libertà tiegħek jew ta’ oħrajn f’riskju serju. Meta jixhdu quddiem il-qorti, ix-xhieda jistgħu anki jbiddlu d-dehra tagħhom biex ma jintgħarfux (bil-patt li l-espressjonijiet ta’ wiċċhom xorta jkunu jidhru).

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ lill-vittmi?

M’għandekx bżonn tirrapporta reat biex taċċessa s-servizzi ta’ assistenza lill-vittmi. Dan ifisser li int tista’ tikkuntattja lil organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi qabel ma tkun irrapportajt reat. Din l-organizzazzjoni tista’ tgħinek tul il-proċess ta’ rapportar tar-reat, jekk ikun hemm bżonn.

Is-servizzi offruti mill-Hotline għall-Vittmi (0800 112 112) jistgħu jiġu aċċessati wkoll irrispettivament minn jekk irrapportajtx reat.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli?

Hemm tipi differenti ta’ protezzjoni tax-xhieda disponibbli, li joffru livelli differenti ta’ protezzjoni skont it-theddida li għaliha jkun espost ix-xhud. Il-protezzjoni tax-xhieda mill-pulizija tas-sigurtà, pereżempju, tikkonsisti f’elementi preventivi u protettivi, bħal żieda ta’ pattulji, għassa max-xhieda jew it-tqegħid f’faċilità ta’ protezzjoni tax-xhieda. L-aktar forma komprensiva ta’ protezzjoni hi l-inklużjoni fi programm ta’ protezzjoni tax-xhieda.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

L-awtoritajiet tas-sigurtà huma responsabbli għall-iżgurar tal-protezzjoni personali tax-xhieda u tal-vittmi.

L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi joffru appoġġ u pariri. Hemm organizzazzjonijiet speċifiċi għall-vittmi ta’ vjolenza domestika u ta’ stalking, għall-vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin u għall-vittmi minorenni. Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja ffinanzja Hotline għall-Vittmi, (0800 112 112 u http://www.opfer-notruf.at/), li twaqqfet biex tipprovdi appoġġ mingħajr ħlas 24 siegħa kuljum.

Hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi biex jara jekk inix f’riskju ta’ aktar ħsara mit-trasgressur?

Jekk jirriżultaw ċirkustanzi ġodda matul il-proċedimenti (eż. minħabba l-informazzjoni li tkun waslet mingħand organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi), il-prosekutur pubbliku jew il-qorti jridu jiddokumentaw l-evalwazzjoni l-ġdida u jagħtu effettivament id-drittijiet assoċjati mal-istatus tiegħek bħala individwu partikolarment vulnerabbli.

Ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi biex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Il-pulizija kriminali, il-prosekutur pubbliku u l-qorti huma obbligati jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lid-drittijiet, lill-interessi u lill-vulnerabbiltà tal-vittmi. L-awtoritajiet kollha involuti fil-proċedimenti kriminali jridu jirrispettaw id-dinjità personali tal-vittmi matul il-proċess u l-interess tagħhom li tiġi protetta l-privatezza personali tagħhom. Dan l-obbligu ġenerali ta’ salvagwardja tal-interessi tal-vittma jinkludi wkoll l-evitar ta’ kull ħsara lill-vittma li tista' tirriżulta mill-proċedimenti kriminali nfushom. Dan jiġi żgurat ukoll permezz tad-drittijiet speċjali tal-vittma, eż. li tiġi interrogata b’mod sensittiv jew l-esklużjoni tal-pubbliku mill-proċess, u bil-projbizzjoni tal-iżvelar ta’ ritratti jew ta’ data personali tal-vittma.

X’tip ta’ protezzjoni hija disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Il-vittmi ta’ reati sesswali, il-vittmi kollha li jkunu minuri, u l-vittmi li għalihom tista’ tinħareġ ordni ta’ trażżin biex jiġu protetti skont l-§Artikolu 38a(1) tal-Att dwar il-Pulizija tas-Sigurtà tal-Pulizija huma meqjusa bħala partikolarment vulnerabbli.

Il-vittmi l-oħra kollha jistgħu jingħataw dan l-istatus ukoll fuq il-bażi tal-età, tal-istat psikoloġiku u tas-saħħa tagħhom u fuq il-bażi tan-natura u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tar-reat.

Minbarra d-drittijiet disponibbli għall-vittmi kollha, il-vittmi partikolarment vulnerabbli għandhom ukoll id-dritt li jiġu intervistati kull meta possibbli minn persuna tal-istess sess matul l-investigazzjoni. Barra minn hekk, għandhom id-dritt li jingħataw is-servizz ta’ interpretu tal-istess sess, meta jkunu qed jinstemgħu matul l-investigazzjoni u l-proċess, kull fejn ikun possibbli. Dawn jistgħu jirrifjutaw li jwieġbu mistoqsijiet dwar id-dettalji tar-reat jekk iqisu li d-deskrizzjoni ta’ dawn id-dettalji ma tkunx raġonevoli, jew li jwieġbu mistoqsijiet dwar ċirkustanzi ta’ natura personali ħafna. Matul l-investigazzjoni u l-proċess, il-vittmi partikolarment vulnerabbli jiġu interrogati b’mod sensittiv jekk jitolbu hekk. Dawn jistgħu jitolbu biex il-pubbliku jkun eskluż mill-proċess. Vittmi partikolarment vulnerabbli dejjem jistgħu jkunu akkumpanjati minn persuna ta' fiduċja waqt is-seduta.

Jekk ikun hemm tħassib li se jkun impossibbli għal xhud li jinstema’ fil-proċess għal raġunijiet ta’ fatt jew ta’ liġi, il-qorti għandha torganizza seduta b’kontroeżami fuq talba tal-prosekutur pubbliku. Għal dan il-għan, imħallef responsabbli għall-priġunerija u l-protezzjoni ġudizzjarja jisma’ x-xhieda matul l-investigazzjoni bil-parteċipazzjoni tal-partijiet fil-proċedimenti u r-rappreżentanti tagħhom (f’post separat) billi juża tagħmir tekniku għat-trażmissjoni tal-immaġnijiet u l-ħoss. Fejn xieraq, espert jista’ jintalab jintervista lix-xhieda. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li, kemm jista’ jkun, il-vittma ma tiltaqax mal-akkużat jew partijiet oħra fil-proċedimenti. Wara smigħ b’kontroeżami, il-materjal tal-vidjow irreġistrat jista’ jiġi ppreżentat fil-proċess minflok seduta oħra. Dan l-eżami protettiv ta’ xhieda fil-proċedura ta’ investigazzjoni jista’ jiġi applikat ukoll fil-proċess.

Fil-proċess il-qorti tista’, b’mod eċċezzjonali, tgħid lill-imputat joħroġ mill-awla waqt is-smigħ tax-xhieda – pereżempju fuq il-bażi tal-protezzjoni tax-xhieda – sakemm l-imputat jiġi infurmat wara b’dak kollu li jkun seħħ fl-assenza tiegħu, u b’mod partikolari bl-istqarrijiet kollha li jkunu saru sadanittant.

Jekk it-trasgressur jinħeles, jerġa’ jinqabad jew jaħrab mill-ħabs jew waqt l-arrest preventiv, il-vittmi partikolarment vulnerabbli jridu jiġu infurmati minnufih. Fuq talba, dawn jiġu informati wkoll jekk it-trasgressur jaħrab jew jiġi rilaxxat mill-ħabs, kif ukoll dwar l-ewwel darba li t-trasgressur jitħalla joħroġ mill-ħabs mingħajr superviżjoni.

Jiena minorenni. Għandi drittijiet speċjali?

Il-vittmi li huma minorenni dejjem jitqiesu bħala partikolarment vulnerabbli.

Matul l-investigazzjoni, dawn ikunu intitolati li jiġu intervistati kull fejn possibbli minn persuna tal-istess sess. Barra minn hekk, għandhom id-dritt li jingħataw is-servizz ta’ interpretu tal-istess sess, meta jkunu qed jinstemgħu matul l-investigazzjoni u l-proċess, kull fejn ikun possibbli. Dawn jistgħu jirrifjutaw li jwieġbu mistoqsijiet dwar id-dettalji tar-reat jekk iqisu li d-deskrizzjoni ta’ dawn id-dettalji ma tkunx raġonevoli, jew li jwieġbu mistoqsijiet dwar ċirkustanzi ta’ natura personali ħafna. Matul l-investigazzjoni u l-proċess, il-vittmi partikolarment vulnerabbli jiġu interrogati b’mod sensittiv jekk jitolbu hekk. Il-minuri li l-integrità sesswali tagħhom setgħet ma ġietx rispettata, dejjem iridu jiġu interrogati b’mod sensittiv. Dawn jistgħu jitolbu biex il-pubbliku jkun eskluż mill-proċess. Matul seduta, dawn jistgħu jkunu akkumpanjati minn persuna ta' fiduċja.

Jekk it-trasgressur jinħeles, jerġa’ jinqabad jew jaħrab mill-ħabs jew waqt l-arrest preventiv, il-vittmi partikolarment vulnerabbli jridu jiġu infurmati minnufih. Fuq talba, dawn jiġu informati wkoll jekk it-trasgressur jaħrab jew jiġi rilaxxat mill-ħabs, kif ukoll dwar l-ewwel darba li t-trasgressur jitħalla joħroġ mill-ħabs mingħajr superviżjoni.

Membru tal-familja tiegħi miet kaġun ta’ reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Jekk il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat, is-sieħeb li jgħix miegħek, antenat jew dixxendent dirett tiegħek, oħtok, ħuk jew persuna dipendenti oħra tiegħek tkun inqatlet kaġun ta’ att kriminali, int ikollok dritt għal servizzi ta’ għajnuna psikosoċjali u għajnuna legali lill-vittmi. Dan japplika wkoll jekk xi ħadd ieħor mill-qraba tiegħek imut minħabba reat u int kont xhud tar-reat.

Jekk il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat, is-sieħeb li jgħix miegħek, antenat jew dixxendent dirett tiegħek, l-aħwa jew persuni dipendenti oħra tiegħek jinqatlu minħabba att kriminali, int tkun intitolat għal servizzi ta’ assistenza lill-vittmi. Dan japplika wkoll jekk xi ħadd ieħor mill-qraba tiegħek imut minħabba reat u int kont xhud tar-reat.

Jekk persuna li kont dipendenti fuqha skont il-liġi tmut minħabba reat bħal dan, int tkun potenzjalment intitolat għal appoġġ skont l-Att dwar il-Kumpens lill-Vittmi. Talbiet bħal dawn għall-assistenza jiġu deċiżi mill-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Soċjali u għall-Persuni b’Diżabbiltà (Bundesamt für Soziales und Behindertenwesen).

Membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

F’każijiet fejn l-integrità fiżika u/jew sesswali ta’ tfal jew adolexxenti tista’ tiġi affettwata, dawk li jieħdu ħsiebhom jingħataw ukoll assistenza fi proċeduri kriminali.

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? Taħt liema kundizzjonijiet? Se nkun sikur waqt il-medjazzjoni?

Il-pulizija, il-prosekutur pubbliku jew l-imħallef iridu jikkunsidraw l-interessi tiegħek u jinformawk dwar il-perkors tal-proċedimenti, inkluż dwar kull miżura alternattiva għall-proċedimenti kriminali konvenzjonali li tiġi ordnata fil-każ ta’ reati minuri u moderatament serji. Jekk il-prosekutur pubbliku jkun qed jikkunsidra miżuri alternattivi bħal dawn, dan irid joffrilek l-opportunità li tagħti l-opinjoni tiegħek fejn din tkun neċessarja biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-interessi tiegħek, b’mod partikolari d-dritt tiegħek għal kumpens.

Il-prosekutur pubbliku jista’ jitlob lill-medjaturi mħarrġa mill-organizzazzjonijiet rilevanti biex jappoġġaw lit-trasgressuri u lill-vittmi b’medjazzjoni. Il-medjazzjoni tista’ tibda biss bil-kunsens tiegħek, sakemm ir-raġunijiet tiegħek għar-rifjut tal-medjazzjoni ma jkunux inaċċettabbli fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Jekk it-trasgressur ma jkunx għalaq it-18-il sena, il-kunsens tiegħek ma jkunx meħtieġ.

Int tista’ tkun involut fil-proċess ta’ medjazzjoni jekk tkun tixtieq hekk. L-interessi tiegħek jiġu rrispettati. Fejn xieraq biex jiġu salvagwardjati l-interessi tiegħek, b’mod partikolari d-dritt tiegħek għal kumpens, int tiġi mistieden tippreżenta dikjarazzjoni.

Matul il-proċess ta’ medjazzjoni, int għandek id-dritt li tkun akkumpanjat minn persuna ta' fiduċja. Int trid tiġi informat dwar id-drittijiet tiegħek u dwar l-organizzazzjonijiet xierqa ta’ appoġġ għall-vittmi mill-aktar fis possibbli.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tistipula x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali huma rregolati mill-Kodiċi dwar il-Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung (StPO)). L-StPO u l-liġijiet l-oħra kollha jistgħu jiġu aċċessati mingħajr ħlas mis-Sistema ta’ Informazzjoni Legali tar-Repubblika tal-Awstrija.

L-aħħar aġġornament: 03/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.