Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Rikorrent ċivili (1), prosekutur sussidjarju (2) jew prosekutur privat (3) ġeneralment ikun intitolat li jappella kontra s-sentenza.

Hemm żewġ tipi ta’ appell disponibbli: Appell għan-nullità (Nichtigkeitsbeschwerde) għandu x'jaqsam mal-legalità tal-proċedimenti u tas-sentenza, filwaqt li appell (Berufung) jikkontesta d-deċiżjoni meħuda dwar talbiet tad-dritt ċivili. Bħala prosekutur privat int tista’ tappella wkoll kontra l-livell tal-piena. Fil-każ ta’ ħelsien, ir-rikorrenti ċivili u l-prosekuturi sussidjarji jiġu riferuti lill-qrati ċivili biex jippreżentaw it-talbiet għal kumpens tagħhom.

Bħala rikorrent ċivili, prosekutur sussidjarju jew prosekutur privat, int ikollok id-dritt li tippreżenta appell għan-nullità kontra sentenza fil-każ li ġej:

  • jekk it-talba ċivili tiegħek ġiet irrinvjata lil qorti ċivili minħabba l-ħelsien tal-konvenut u jkun evidenti li ċ-ċaħda ta’ mozzjoni li tkun ressaqt matul il-proċess tkun affettwat b’mod negattiv id-deċiżjoni tal-qorti dwar it-talba ċivili tiegħek.

Bħala rikorrent ċivili jew prosekutur sussidjarju int intitolat li tippreżenta appell jekk:

  • fil-każ ta’ kundanna, il-qorti tgħaddi t-talbiet tiegħek lil qorti ċivili, anki jekk dawn setgħu ġew deċiżi mill-qorti kriminali, peress li t-talbiet tiegħek kienu mmotivati u ġġustifikati sew.

Fil-proċedimenti quddiem qorti distrettwali (Bezirksgericht) u quddiem imħallef uniku f’qorti reġjonali (Landesgericht), ir-rikorrenti ċivili u l-prosekuturi sussidjarji jistgħu jappellaw kontra s-sentenza dwar talbiet ċivili mhux biss jekk dawn it-talbiet jintbagħtu kollha lill-qrati ċivili, iżda anki jekk ikunu jixtiequ jikkontestaw il-livell ta’ kwalunkwe għotja.

Jekk ikollok l-istatus ta’ prosekutur privat fil-proċedimenti, int tkun tista’ tibbaża fuq l-istess drittijiet ta’ appell bħall-prosekutur pubbliku. Jekk il-konvenut jinħeles, int tista’ tippreżenta appell għan-nullità. Fil-proċedimenit quddiem qorti distrettwali u quddiem imħallef uniku f’qorti reġjonali, int tista’ tikkontesta wkoll il-fatti stabbiliti fis-sentenza billi tippreżenta appell dwar il-kwistjoni tal-ħtija tal-konvenut. Jekk il-konvenut jiġi kkundannat, int tkun tista’ tappella jekk ma taqbilx mal-piena jew jekk it-talbiet ċivili tiegħek jintbagħtu lill-qrati ċivili. Jekk ma kontx preżenti fis-seduta meta l-qorti ħabbret id-deċiżjoni tagħha, ikollok teżamina l-fajl biex tiskopri jekk il-konvenut instabx ħati jew le. Is-sentenza jrid ikun fiha raġunijiet u tkun iffirmata mill-imħallef fi żmien erba’ ġimgħat. Jekk int ħadt sehem fil-proċess bħala rikorrent ċivili, prosekutur sussidjarju jew prosekutur privat u int tippreżenta appell jew appell għan-nullità fi żmien tliet ijiem mit-tħabbira tas-sentenza, int trid tirċievi kopja tas-sentenza. Int tista’ tapplika għal għajnuna legali biex tippreżenta l-appell jew l-appell għan-nullità tiegħek. Jekk ikun hemm bżonn, din tista’ tinkludi appoġġ ta’ traduzzjoni mingħajr ħlas. L-għajnuna legali tingħata mill-qorti jekk ikun hemm bżonn ta’ rappreżentanza legali, u jekk l-introjtu tiegħek ma jkunx biżżejjed biex tħallas għar-rappreżentanza legali mingħajr ma tipperikola s-sussistenza tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?

Il-vittmi kollha jistgħu jitolbu li jiġu informati dwar l-ewwel okkażjoni li fiha t-trażgressur jitħalla joħroġ mill-ħabs mingħajr superviżjoni, jekk it-trażgressur jaħrab u jerġa’ jinqabad, jekk it-trażgressur ikun se jiġi rilaxxat jew ikun ġie rilaxxat u dwar kull kundizzjoni imposta f’każ ta’ libertà kondizzjonali.

Vittmi ta’ reati sesswali u ta’ vjolenza sessista jridu jinstemgħu qabel ma jiġi approvat l-ittaggjar elettroniku jekk ikunu talbu li jiġu informati dwar it-tluq jew ir-rilaxx tat-trażgressur mill-ħabs. Dawn il-vittmi jridu jiġu nnotifikati wkoll li l-ittaggjar elettroniku jkun ġie approvat. Huma jkunu intitolati għal servizzi ta’ assistenza lill-vittmi li jappoġġjawhom biex jasserixxu dawn id-drittijiet.

Minbarra dawn int ma tirċievi ebda informazzjoni oħra mingħand l-awtoritajiet wara li tidħol fis-seħħ is-sentenza. Madankollu, int jibqa’ jkollok id-dritt li teżamina l-fajl tal-qorti jekk l-interessi tiegħek ikunu affettwati.

Inkun intitolat għal appoġġ jew għal protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Wara l-proċess, int tkun intitolat għal diskussjoni ta’ konklużjoni mal-organizzazzjoni li tkun ipprovdietlek l-assistenza bħala vittma.

Il-vittmi ta’ reat li jkunu ngħataw appoġġ psikosoċjali matul il-proċedimenti kriminali jkunu intitolati wkoll għal dan l-appoġġ matul proċedimenti ċivili sussegwenti. Dan jiddependi minn jekk is-suġġett tal-proċedimenti ċivili jkunx relatat ma’ dak tal-proċedimenti kriminali u jekk dan l-appoġġ ikunx neċessarju biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet proċedurali tal-vittma. L-organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi li tipprovdi l-assistenza tivvaluta jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfati. Il-vittma tista’ tfittex għajnuna legali biex din tkun irrappreżentata minn avukat fil-proċedimenti ċivili. Dan l-appoġġ jingħata sakemm jintemmu l-proċedimenti ċivili.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trażgressur jiġi kkundannat?

Int tista’ ssir taf bl-eżitu tal-proċedimenti u bil-piena imposta jew billi tibqa’ fl-awla tal-qorti sakemm tingħata s-sentenza bil-fomm jew billi teżamina l-fajl tal-qorti aktar tard.

Niġi informat jekk it-trażgressur jiġi lliberat (inkluż rilaxx bikri jew liberazzjoni taħt kondizzjoni) jew jaħrab mill-ħabs?

Fuq talba, int tiġi informat minnufih jekk it-trażgressur jaħrab jew jiġi rilaxxat mill-ħabs, kif ukoll dwar l-ewwel darba li t-trażgressur jitħalla joħroġ mill-ħabs mingħajr superviżjoni. Int tiġi nnotifikat ukoll meta jinqabad trażgressur li jkun ħarab. Jekk ikunu ġew imposti xi kundizzjonijiet maħsuba biex jipproteġu lill-vittma fuq it-trażgressur fil-mument tar-rilaxx, int tiġi informat dwar dawn ukoll.

Inkun involut f’deċiżjonijiet dwar il-liberazzjoni jew ir-rilaxx kondizzjonali? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew inressaq appell?

Il-vittma tkun involuta fid-deċiżjonijiet dwar il-liberazzjoni jew dwar ir-rilaxx kondizzjonali f’każijiet eċċezzjonali biss. Huma biss vittmi ta’ reat sesswali jew ta’ vjolenza sesswali li jkunu talbu li jiġu informati dwar il-ħarba jew ir-rilaxx tat-trażgressur li jinstemgħu qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-ittaggjar elettroniku.

1. Rikorrent ċivili

Biex issir rikorrent ċivili, int trid tagħmel dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni trid tinkludi kwantifikazzjoni speċifika tat-talba li tiġi ppreżentata għall-kumpens tat-telf ikkawżat mir-reat jew tad-dannu mġarrab. Waqt l-investigazzjoni d-dikjarazzjoni trid tiġi indirizzata lill-pulizija jew lill-prosekutur pubbliku. Din tista’ tiġi ppreżentata bil-miktub jew bil-fomm. Matul il-proċess, id-dikjarazzjoni trid tiġi ppreżentata qabel ma tiġi kkumpilata l-evidenza kollha. Dak hu wkoll l-aħħar mument li fih tista’ tiġi kkwantifikata t-talba.

Bħala rikorrent ċivili, int ikollok id-drittijiet li ġejjin minbarra dawk ta’ vittma:

  • id-dritt li titlob il-kumpilazzjoni ta’ evidenza li tista’ sservi biex tikkundanna lit-trażgressur jew tiġġustifika t-talba għal kumpens; id-dritt li tiġi mħarrek għall-proċess; id-dritt li tappella kontra d-deċiżjoni tal-qorti li tagħlaq il-kawża; id-dritt li tressaq appell fuq il-bażi tat-talbiet ċivili tiegħek.

2. Prosekutur sussidjarju

Biex issir prosekutur sussidjarju, int trid tkun jew trid issir rikorrent ċivili u tiddikjara l-prosekuzzjoni sussidjarja. Jekk it-trażgressur ikun minorenni, il-prosekuzzjoni sussidjarja tiġi eskluża.

Int tista’ ssir prosekutur sussidjarju billi tippreżenta dikjarazzjoni. Jekk il-prosekutur pubbliku jwaqqa’ l-akkużi matul il-proċess, int trid tippreżenta din id-dikjarazzjoni minnufih jekk tkun ġejt imħarrek kif xieraq. Jekk int ma tkunx irrispettajt it-taħrika jew ma tiddikjarax il-prosekuzzjoni sussidjarja, it-trażgressur jiġi lliberat.

Jekk il-prosekutur pubbliku jwaqqa’ l-akkuża barra mis-seduta tal-qorti jew jekk int ma tkunx ġejt imħarrek kif xieraq bħala rikorrent ċivili, il-qorti trid tinformak b'dan l-iżvilupp. Imbagħad int ikollok xahar biex tiddikjara l-prosekuzzjoni sussidjarja.

Jekk tkompli bil-prosekuzzjoni minflok il-prosekutur pubbliku, dan tal-aħħar jista’ jaċċessa l-informazzjoni rigward il-proċedimenti tal-qorti f'kull waqt u jista’ jiddeċiedi li jerġa’ jibda jmexxi l-prosekuzzjoni hu stess. F’dan il-każ, int tibqa’ tkun involut fil-proċess bħala rikorrent ċivili.

3. Prosekutur privat

Ċerti reati anqas serji ma jiġux ipproċessati mill-prosekutur pubbliku, iżda mill-vittma stess. Jekk int vittma ta’ reat bħal dan, il-proċedimenti kriminali jinfetħu biss jekk int tiftaħ kawża b’mod privat quddiem il-qorti. Imbagħad int tikseb l-istatus ta’ prosekutur privat. F’dan il-każ ma jkun hemm ebda stadju ta’ investigazzjoni u, bħala prosekutur privat, int ikollok turi bil-provi l-fatti kollha li jkunu essenzjali għal kundanna u tkopri l-ispejjeż f’każ li l-allegat trażgressur jiġi lliberat.

4. Servizzi ta’ assistenza lill-vittmi

Jekk kont vittma ta' vjolenza, theddid perikoluż jew jekk l-integrità sesswali tiegħek ma ġietx irrispettata bħala riżultat ta’ reat intenzjonat, int intitolat għal assistenza legali sal-punt meħtieġ biex tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tiegħek bħala vittma, waqt li tingħata l-akbar konsiderazzjoni għat-tħassib personali tiegħek. L-assistenza tkun disponibbli wkoll għalik jekk int tkun qarib strett ta’ persuna li setgħet mietet minħabba r-reat jew jekk int qarib li rajt ir-reat jitwettaq. Is-servizzi ta’ assistenza psikosoċjali lill-vittmi dejjem iridu jingħataw mingħajr il-bżonn ta’ rikors lil vittmi li l-integrità sesswali tagħhom setgħet ma ġietx irrispettata u li jkollhom inqas minn 14-il sena.

L-assistenza psikosoċjali fil-proċedimenti tinkludi t-tħejjija għall-proċedimenti ta’ dawk ikkonċernati u għall-istress emozzjonali relatat mal-proċedimenti u l-assistenza fis-seduti mal-pulizija u fil-qorti; l-assistenza legali għandha tinkludi pariri u rappreżentanza legali minn avukat. Il-fornituri ta’ assistenza legali huma intitolati wkoll li jitolbu kumpens fi proċedimenti kriminali (id-drittijiet tal-parti ċivili).

Is-servizzi ta’ assistenza lill-vittmi jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ lill-vittmi (bħal ċentri ta’ protezzjoni tat-tfal, ċentri ta’ konsulenza jew ċentri ta’ intervent). Huma jagħtu struzzjonijiet lill-avukati biex jipprovdu assistenza legali u/jew jipprovdu l-assistenza psikosoċjali tal-persunal tagħhom. Il-membri tal-persunal tagħhom huma ħaddiema soċjali, psikologi jew professjonisti simili b’taħriġ legali addizzjonali – obbligatorju – fil-qasam tal-proċedimenti kriminali.

Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja jiffinanzja s-servizzi ta’ assistenza lill-vittmi.

L-aħħar aġġornament: 03/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna