Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Zviedrija

Saturu nodrošina
Zviedrija

X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trasgressur? (eż. kawża fil-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

Tista’ titlob danni għal bejn wieħed u ieħor kwalunkwe dannu mġarrab b’konnessjoni mar-reat. It-talbiet għad-danni ġeneralment jinstemgħu fl-istess ħin li l-qorti tiddeċiedi jekk il-persuna akkużata hijiex ħatja tar-reat.

Il-vittma jew il-parti li ġarrbet id-dannu għandha titlob danni mill-persuna li kkommettiet ir-reat jew ikkawżat id-dannu. Sabiex jiffaċilita dan, il-prosekutur (åklagare) ser iħejji u jippreżenta t-talba tiegħek għad-danni matul il-proċess, jekk inti tkun tlabt dan. L-uniċi eċċezzjonijiet huma t-talbiet għad-danni li jeħtieġu investigazzjoni estensiva jew it-talbiet li jistgħu jitqiesu bħala ovvjament mhux ġustifikati, jiġifieri mhux konnessi mar-reat jew ħafna akbar min-normal f’sitwazzjonijiet simili.

Jekk tfittex kumpens għal korrimenti li sofrejt bħala riżultat ta’ reat, għandek tindika dan meta tiġi interrogat mill-pulizija. Għandek tgħid ukoll jekk tridx li l-prosekutur jgħinek bit-talba.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur sabiex iħallasni danni / kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?

Il-fatt li l-qorti ordnat lill-persuna akkużata sabiex tħallas id-danni ma jfissirx li ser tirċievi l-flus awtomatikament. It-trasgressur sikwit ma jkunx jista’ jħallas jew inkella volontarjament ma jkunx irid iħallas. L-Awtorità tal-Infurzar (Kronofogden) tgħinek sabiex tikseb id-danni mħallsin.

Il-qorti tibgħat kopja tas-sentenza lill-Awtorità tal-Infurzar, li mbagħad tikkuntattjak b’ittra sabiex tistaqsik jekk tridx għajnuna sabiex tikseb id-danni. Jekk tkun trid din l-għajnuna, għandek timla l-formola li tintbagħatlek u terġa’ tibgħatha lill-Awtorità tal-Infurzar, li min-naħa tagħha mbagħad teżamina s-sitwazzjoni finanzjarja tat-trasgressur. Jekk jirriżulta li dan ikun jista’ jħallas, l-Awtorità tal-Infurzar tiżgura li inti tirċievi kumpens għad-danni.

L-għajnuna mill-Awtorità tal-Infurzar hija mingħajr ħlas, ħlief f’każijiet speċifiċi ħafna. Jekk ma tiġix ikkuntattjat mill-Awtorità tal-Infurzar, għandek tikkuntattjaha inti stess.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz?  Taħt liema kundizzjonijiet?

Le, dan mhuwiex possibbli.

Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

Jekk trasgressur ikkundannat ma jkunx jista’ jħallas id-danni u ma jkunx hemm assigurazzjoni li tkopri t-talba kollha, inti tista’ tkun intitolat għal kumpens mill-Istat. Dan jissejjaħ kumpens għal vittma ta’ reat (brottsskadeersättning) u jiġi ttrattat mill-Awtorità ta’ Appoġġ u Kumpens għal Vittmi ta’ Reati (Brottsoffermyndigheten).

Sabiex ikun jista’ jitħallas il-kumpens lil vittma ta’ reat meta l-awtur tar-reat ma jkunx magħruf, għandu jkun hemm inkjesti, bħal investigazzjoni preliminari, sabiex jintwera li inti kont il-vittma ta’ reat u mhux ta’ inċident. Ir-reat għandu dejjem jiġi rrapportat lill-pulizija. Jekk il-persuna suspettata tkun ġiet identifikata, normalment irid ikun hemm kundanna jew tingħata sentenza.

Il-kumpens għal vittma ta’ reat ikopri r-reati kommessi fl-Iżvezja u inti tista’ tkun intitolat għal kumpens, irrispettivament minn jekk tkunx tgħix fl-Iżvezja jew inkella tkunx fl-Iżvezja fuq bażi temporanja, pereżempju, bħala turist(a) jew student(a). Jekk tkun attwalment residenti fl-Iżvezja, inti tista’ tkun intitolat għal kumpens, anki meta r-reat ikun seħħ barra l-pajjiż.

Bħall-eċċess fuq polza tal-assigurazzjoni, ser jitnaqqas ammont simili mill-kumpens għal vittma ta’ reat.

Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

Sabiex ikun jista’ jitħallas il-kumpens lil vittma ta’ reat meta l-awtur tar-reat ma jkunx magħruf, għandu jkun hemm inkjesti, bħal investigazzjoni preliminari, sabiex jintwera li inti kont il-vittma ta’ reat u mhux ta’ inċident. Ir-reat għandu dejjem jiġi rrapportat lill-pulizija. Jekk il-persuna suspettata tkun ġiet identifikata, normalment irid ikun hemm kundanna jew tingħata sentenza.

Jien intitolat għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?

Le, dan mhuwiex possibbli.

L-aħħar aġġornament: 03/09/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.