Naši prevoditelji trenutačno pripremaju jezičnu inačicu koju vidite.
Sljedeći jezici: francuski već su prevedeni.
Swipe to change

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Luksemburg

Sadržaj omogućio
Luksemburg

X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trażgressur? (eż. kawża l-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

F’ħafna mill-każijiet, tkun il-qorti responsabbli għall-proċessar tat-trażgressur li, jekk issib l-imputat ħati, tistabbilixxi l-ammont tad-danni u tal-imgħax mogħtija lill-vittmi bħala kumpens għat-telf tagħhom.

Biex il-qorti tintalab tieħu deċiżjoni dwar kumpens, importanti li l-vittmi jintervjenu bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali. Il-vittmi jistgħu jintervjenu bħala parti ċivili fi kwalunkwe waqt matul l-investigazzjoni. Il-vittmi mhumiex meħtieġa jidhru matul is-seduta. Dawn jistgħu jkunu rappreżentati minn avukat u jagħmlu t-talbiet tagħhom bil-miktub qabel is-seduta.

Jekk il-vittmi ma jintervjenux bħala parti ċivili jew ma jagħmlu ebda talba, il-qorti ma tkunx tista’ tagħti kumpens għad-danni u l-imgħax lill-vittmi minn jeddha.

Vittmi li ma jintervjenux bħala parti ċivili matul is-seduta kriminali ma jitilfux id-dritt tagħhom għal kumpens.

Fil-fatt, il-vittmi xorta waħda jkunu jistgħu jiftħu kawża kontra t-trażgressur quddiem il-qrati ċivili, dment li jaġixxu qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ limitazzjoni skont id-dritt ċivili u li juru li l-fatti inkwistjoni jikkostitwixxu ksur tal-liġi ċivili.

Il-qorti ordnat lit-trażgressur iħallasni d-danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trażgressur iħallas?

Ir-rwol tal-qorti kriminali hu li tikkwantifika d-dannu li ġarrbu l-vittmi, iżda din ma tintervjenix fl-irkupru tad-danni u tal-imgħax mogħtija.

Hi responsabbiltà tal-vittmi, ladarba tinqata’ s-sentenza finali, li jieħdu passi biex jiksbu ħlas għal dawn id-danni mingħand it-trażgressur.

Spiss ikun l-avukat li jieħu ħsieb biex jara li jseħħ l-irkupru tad-danni u tal-imgħax, għall-ewwel b’mod amikevoli, billi jikkuntattja lill-avukat tal-persuna kkundannata, jew billi jippreżenta talba ma’ bailiff biex tiġi eżegwita s-sentenza.

Meta l-qorti li tikkundanna timponi sentenza sospiża li tinkludi obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens, il-Prosekutur Ġenerali Pubbliku, li hu inkarigat mill-eżekuzzjoni tas-sentenzi, jivverifika jekk il-persuni kkundannati humiex qed jissodisfaw l-obbligu tagħhom.

Jekk it-trażgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? Taħt liema kundizzjonijiet?

Matul il-proċess, il-qorti tista’ tagħti ħlas interim sakemm titlesta perizja, pereżempju. Jekk it-trażgressur jirrifjuta milli jagħmel dan il-ħlas, jew ma jkunx jiflaħ jagħmlu, il-Ministeru tal-Ġustizzja jista’ jieħu karigu f’każ ta’ ħtieġa murija bil-provi.

Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

Il-Liġi emendata tat-12 ta’ Marzu 1984 dwar il-kumpens ta’ ċerti vittmi ta’ dannu fiżiku li jirriżulta minn reat toħloq dritt għall-kumpens li jista’ jiġi debitat lill-baġit tal-Istat favur ċerti vittmi ta’ reat. Din hi miżura importanti għall-vittmi f’każ li:

It-trażgressur tal-attakk ma jkunx ġie identifikat; it-trażgressur tal-aggressjoni, għad li jkun ġie identifikat, ma jkunx jista’ jinstab; it-trażgressur ikun insolventi.

Biex jasserixxu dan id-dritt, il-vittmi jridu japplikaw mal-Ministeru tal-Ġustizzja, li jieħu deċiżjoni dwar talbiet għal kumpens fi żmien sitt xhur. It-talbiet iridu jiġu abbozzati bil-Franċiż, bil-Ġermaniż jew bil-Lussemburgiż u jridu jindikaw id-data, il-post u n-natura eżatta tal-fatti. Evidenza dokumentarja tal-fatti u tad-dannu mġarrab mill-vittma trid tkun mehmuża ma’ din l-ittra b'appoġġ tat-talba.

Id-dritt għall-kumpens hu soġġett għal ċerti kundizzjonijiet li l-vittmi jridu jissodisfaw:

Il-vittmi jridu jkunu jirresjedu b’mod regolari u abitwali fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Kunsill tal-Ewropa. Barra minn hekk, fil-mument tar-reat il-vittmi jrid ikollhom id-dokumenti tagħhom kompletament skont ir-regoli fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew ikunu vittmi tar-reat imsemmi fl-Artikolu 382(1) tal-Kodiċi Kriminali [Traffikar tal-bnedmin];

Id-dannu mġarrab irid jirriżulta minn atti intenzjonati li fin-natura tagħhom ikunu reat.

Id-dannu jrid ikun dannu fiżiku u ma jistax ikun sempliċi ħsara materjali (li jeskludi, pereżempju, kumpens fil-każ ta’ sempliċi serq).

Id-dannu jrid jirriżulta fi tfixkil serju tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, li jista’ jirriżulta minn telf ta’ introjtu jew tnaqqis f’dan, minn żieda fi spejjeż jew fi spiża eċċezzjonali, jew minn inkapaċità biex titwettaq attività professjonali, mit-telf ta’ sena skola, minn ħsara fiżika jew mentali jew minn dannu morali jew estetiku kif ukoll minn tbatija fiżika jew mentali. Vittmi ta’ reat skont l-Artikoli 372 sa 376 tal-Kodiċi Kriminali huma eżentati milli jipprovdu prova ta’ dannu fiżiku jew mentali, li hu preżunt li jeżisti.

Il-kumpens irid jitħallas mill-Istat biss jekk il-vittma ma tkunx tista’ tikseb kumpens effettiv u suffiċjenti bi kwalunkwe mod (eż. mingħand it-trażgressur, is-sigurtà soċjali jew permezz ta’ kopertura personali b'assigurazzjoni).

Importanti li wieħed ikun jaf li l-kumpens jista’ jiġi miċħud jew jitnaqqas minħabba l-imġiba tal-vittmi fil-ħin materjali jew ir-relazzjoni tagħhom mat-trażgressur.

Jekk l-Istat jikkumpensa lill-vittmi, dawn xorta waħda jistgħu jintervjenu bħala parti ċivili u jitolbu somom addizzjonali mingħand it-trażgressur jekk iqisu li l-kumpens ma jkunx biżżejjed. F’dak il-każ, il-vittmi jridu jinformaw lill-qorti bil-fatt li huma ppreżentaw talba għal kumpens lill-Istat jew li huma kisbu t-tali kumpens mingħand l-Istat, skont il-każ.

Inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trażgressur ma jiġix ikkundannat?

Il-vittmi huma intitolati għal kumpens jekk it-trażgressur ma jiġix ikkundannat dment li jkunu vittmi ta’ reat kriminali u t-trażgressur tal-attakk ma jiġix identifikat, jew jekk it-trażgressur tal-attakk ikun ġie identifikat iżda ma jistax jinstab, jew jekk it-trażgressur ikun insolventi.

Jekk ma jkun hemm ebda proċess u, b’hekk, ebda determinazzjoni ta’ kumpens mill-qorti, il-Ministeru tal-Ġustizzja jista’ jagħti somma fissa u/jew jordna perizja aspejjeż tiegħu biex jiddetermina l-ammont tal-kumpens li jrid jingħata lill-vittma.

Jien intitolat(a) għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?

Fil-każ ta’ ħtieġa murija debitament, il-Ministeru tal-Ġustizzja jista’ jagħti ħlas filwaqt li tkun għadha qed tiġi eżaminata l-applikazzjoni.

L-aħħar aġġornament: 08/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.