Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Luxembourg

Indholdet er leveret af
Luxembourg

X’informazzjoni nirċievi mingħand l-awtoritajiet (eż. il-pulizija, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku) wara li jseħħ ir-reat iżda qabel ma saħansitra nkun irrapportajt ir-reat?

Il-pulizija jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jinformaw lill-vittmi b’dawn li ġejjin mingħajr dewmien u f’konformità mal-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, f’lingwa mifhuma minnhom:

  • it-tip ta’ appoġġ li jistgħu jiksbu u mingħand min, inkluża, fejn rilevanti, informazzjoni bażika dwar l-aċċess għall-appoġġ mediku, kwalunkwe appoġġ speċjalizzat, inkluż appoġġ psikoloġiku, u akkomodazzjoni alternattiva;
  • il-proċeduri biex isiru kwereli dwar reat kriminali u r-rwol ta’ dawn b'rabta ma’ proċeduri bħal dawn;
  • kif u b’liema kundizzjonijiet jiksbu protezzjoni;
  • kif u b’liema kundizzjonijiet jistgħu jaċċessaw avukati u għajnuna legali bil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi u kwalunkwe tip ta’ parir ieħor;
  • kif u b’liema kundizzjonijiet jistgħu jaċċessaw il-kumpens;
  • kif u b’liema kundizzjonijiet jistgħu jeżerċitaw id-dritt għal interpretazzjoni u għal traduzzjoni;
  • il-proċeduri disponibbli biex isiru kwereli meta d-drittijiet tagħhom ma jkunux rispettati;
  • id-dettalji ta’ kuntatt għall-komunikazzjonijiet dwar il-kawża tagħhom;
  • opportunitajiet għal mediċini u għal ġustizzja restorattiva;
  • kif u f’liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu rimborżati l-ispejjeż imġarrba bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedimenti kriminali;
  • id-dritt tagħhom għal valutazzjoni individwali mas-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi biex tiġi verifikata l-ħtieġa għal ġestjoni speċifika għall-prevenzjoni ta’ vittimizzazzjoni sekondarja;
  • skont il-ħtiġijiet tagħhom, lill-vittma jiġu pprovduti wkoll dettalji addizzjonali kif ikun xieraq f’kull stadju tal-proċedimenti;
  • id-dritt tagħhom li jkunu akkumpanjati minn persuna tal-għażla tagħhom meta, minħabba l-impatt tar-reat, dawn ikunu jeħtieġu l-assistenza biex jifhmu jew jinftiehmu.

Barra minn hekk, is-Servizz ta’ Akkoljenza u ta’ Informazzjoni Legali, is-Servizz ta’ Appoġġ għall-Vittmi tas-Servizz Ċentrali tal-Assistenza Soċjali u l-Ministeru tal-Ġustizzja wkoll joffru għajnuna u pariri.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti drittijieti?

Meta l-vittmi jkunu barranin (ċittadini Ewropej u ta’ pajjiżi terzi), dawn jistgħu jisfruttaw id-drittijiet stabbiliti hawn fuq u jiġu informati dwar kif jeżerċitaw drittijiethom meta jirresjedu fi Stat Membru ieħor tal-UE, jiġifieri d-dritt tagħhom li jippreżentaw kwerela quddiem l-awtoritajiet tal-pulizija tal-Lussemburgu.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Il-vittmi huma intitolati b’mod partikolari:

  • li jiġu informati b’mod awtomatiku meta l-kawża tagħhom tingħalaq u dwar ir-raġunijiet għal dan;
  • fuq talba, li jiġu informati li l-kawża tagħhom qiegħda taħt investigazzjoni ġudizzjarja;
  • fuq talba, li jiġu informati dwar l-istat tal-proċedimenti kriminali;
  • li jiġu informati b’mod awtomatiku mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku dwar id-data tas-seduta meta se jsir il-proċess tal-kawża tagħhom;
  • fuq talba, li jiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe sentenza finali fil-prosekuzzjoni.

Għandi dritt għal servizzi ta' interpretazzjoni jew ta' traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Bħala vittmi jew partijiet ċivili li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti, il-vittmi huma intitolati għal assistenza mingħajr ħlas mingħand interpretu f’lingwa li jifhmu u d-dritt għal traduzzjoni mingħajr ħlas tad-dokumenti kollha li jiġu notifikati jew li jkollhom dritt ta’ aċċess għalihom.

L-awtoritajiet kif jiżguraw li qed nifhem u li jien qed niġi mifhum(a) (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabbiltà)

Jekk il-vittmi ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti, dawn ikollhom id-dritt għal assistenza mingħajr ħlas mingħand interpretu. Jekk il-vittmi jkollhom indeboliment tat-taħdit jew tas-smigħ, dawn ikunu assistiti minn interpretu tal-lingwa tas-sinjali jew minn kwalunkwe persuna kwalifikata b’lingwa, b’metodu jew b’apparat li jippermettu l-komunikazzjoni magħhom.

Jekk il-vittmi jkunu tfal, dawn ikollhom id-dritt li jkunu akkumpanjati mir-rappreżentant legali tagħhom jew minn persuna tal-għażla tagħhom.

Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ għall-vittmi?

Il-vittmi għandhom id-dritt li jkunu assistiti minn diversi servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi. L-assistenza tiġi pprovduta mill-Istat, permezz tas-servizz ta’ assistenza ċentrali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, li jilqa’ lill-vittma u jipprovdi appoġġ soċjali, psikoloġiku u legali mingħajr ħlas. Hemm ukoll NGOs li joffru l-għajnuna lill-vittmi jekk il-vittma tkun mara jew minorenni vittma ta’ vjolenza, persuna vulnerabbli, eċċ.

Il-pulizija tirreferini awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Hu d-dmir tal-pulizija li tinforma lill-vittmi bi drittijiethom u li tfittex li taġixxi bħala intermedjarju għall-assoċjazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi. Il-pulizija tipprovdi b’mod sistematiku u obbligatorju fuljett informattiv intitolat “'Informazzjoni u assistenza għall-vittmi” (http://www.police.public.lu/fr/aide-victimes/flyer-aide-victime-fr.pdf) disponibbli bil-Lussemburgiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Portugiż u formola ta’ informazzjoni “Infodroit”. (http://www.police.public.lu/fr/aide-victimes/infodroit-victime.pdf).

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Il-privatezza tal-vittmi hi protetta mill-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu. L-Artikolu 11(3) jiddikjara li “l-Istat jiggarantixxi l-protezzjoni tal-privatezza, bl-eċċezzjonijiet stabbiliti bil-liġi.

Il-pulizija u s-sistema ġudizzjarja għandhom obbligu li joffru lill-vittmi protezzjoni f’każ ta’ theddidiet jew ta’ atti ta’ vendetta mwettqa mill-awtur, fost oħrajn. Din il-protezzjoni għandha tkun disponibbli mill-bidu tal-investigazzjoni u matul id-durata sħiħa ta’ din. Il-vittmi għandhom ukoll id-dritt li jkunu protetti minn kull intrużjoni fil-ħajjiet privati tagħhom, u fi kwalunkwe każ b’mod dirett wara r-reat.

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

Is-servizz ta’ assistenza għall-vittmi hu maħsub għall-vittmi kollha (tfal, adoloxxenti, adulti) li ġarrbu dannu fiżiku u/jew mentali wara reat kriminali. It-tim jipprovdi konsulenza psikoloġika u psikoterapewtika u jinforma lill-vittmi bi drittijiethom u jista’ jakkumpanjahom matul il-proċedimenti ġudizzjarji. Is-servizz joffri wkoll grupp ta’ terapija għall-vittmi ta’ vjolenza domestika. Is-servizz joffri wkoll servizzi lil dawk kollha li, fid-dawl tar-relazzjoni tagħhom mal-vittma, kellhom jaqsmu t-tbatija tagħhom, jew lil xhieda ta’ reati kriminali. L-individwi inkwistjoni mhumiex meħtieġa li jkunu ppreżentaw kwerela biex jaċċessaw is-servizz ta’ assistenza għall-vittmi.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli?

Iż-żamma tal-persuna akkużata f’detenzjoni ta’ qabel il-proċess

  • jekk ir-reat hu punibbli b’sentenza massima ta’ tal-anqas sentejn priġunerija;
  • jekk hemm riskju li l-persuna akkużata terġa’ twettaq reat;
  • jkun hemm riskju ta’ ħarba.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

Il-Pulizija tal-Lussemburgu tista’ tipproteġi lill-vittmi.

Hemm xi ħadd li jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar ħsara mit-trażgressur?

Id-diversi elementi huma kkunsidrati meta tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni possibbli qabel il-proċess tal-awtur.

X'tip ta' protezzjoni hu disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Skont l-Artikolu 48(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, vittmi minorenni jirċievu l-protezzjoni li ġejja:

  • Tista’ ssir awdjoreġistrazzjoni jew vidjoreġistrazzjoni tas-smigħ ta’ xhud jew ta’ kwalunkwe minorenni, bl-awtorizzazzjoni tal-Prosekutur tal-Istat.
  • Ir-reġistrazzjonijiet isiru wara li jinkiseb il-kunsens tax-xhieda jew tat-tfal, jekk dawn ikollhom il-kapaċità neċessarja ta’ ġudizzju, inkella r-rappreżentant legali tal-minorenni. Meta jkun hemm riskju ta’ kunflitt debitament stabbilit ta’ interess bejn ir-rappreżentant legali tal-minorenni u dak tal-minorenni, ir-reġistrazzjoni tista’ ssir biss bil-kunsens tat-tutur ad litem (administrateur ad hoc), jew jekk ikun inħatar wieħed għall-minorenni, jew, jekk ma jinħatar ebda tutur ad litem, bl-awtorizzazzjoni espliċita u debitament motivata tal-Prosekutur Pubbliku.
  • Permezz ta’ deroga minn dan li ntqal hawn fuq, meta minorenni jkun vittma tar-reati msemmija fl-Artikoli 354 sa 360, 364, 365, 372 sa 379, 382(1) u 382(2), 385, 393, 394, 397, 398 sa 405, 410(1), 410(2) jew 442(1) tal-kodiċi penali jew meta minorenni jkun xhud għar-reati msemmija fl-Artikoli 393 sa 397, jew 400 sa 401a tal-kodiċi penali, trid issir reġistrazzjoni bil-mod imsemmi fil-paragrafu 1 ħlief meta, peress li l-minorenni jew ir-rappreżentant legali tiegħu jew, fejn applikabbli, it-tutur ad litem joġġezzjona għat-tali reġistrazzjoni, il-Prosekutur Pubbliku jiddeċiedi li ma jkunx hemm bżonn li ssir.
  • Ir-reġistrazzjoni sservi bħala evidenza. L-oriġinali tiġi ssiġillata. Il-kopji jiddaħħlu f’inventarju u jiżdiedu mal-atti. Il-partijiet u espert jistgħu jisimgħu jew jaraw ir-reġistrazzjonijiet, bla ma jċaqalquhom, u bl-awtorizzazzjoni tal-Prosekutur Pubbliku u f’post magħżul minn dan.
  • Kwalunkwe minorenni msemmi fil-paragrafu 3 għandu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-adult tal-għażla tiegħu fis-seduta, sakemm il-Prosekutur tal-Istat ma jiddeċidix b’xi mod ieħor permezz ta’ deċiżjoni motivata rigward il-persuna kkonċernata meħuda fl-interessi tal-minorenni jew tal-istabbiliment tal-verità.

Vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin jew ta’ vjolenza domestika jirċievu protezzjoni speċjali f’ċerti kundizzjonijiet.

Jien minorenni - għandi xi drittijiet speċjali?

Vittmi li huma tfal għandhom numru ta’ drittijiet addizzjonali:

  • għal perjodu ta’ limitazzjoni, jiġifieri l-perjodu ta’ żmien li warajh ir-reati ma jistgħux jiġu mixlija aktar, li ma jibdiex jgħaddi sal-jum li fih jagħlqu t-18 għal reati bħal attentat għall-pudur, stupru u traffikar tal-bnedmin, sfruttament sesswali, qtil ta’ persuna mingħajr intenzjoni, attakk u swat, abbuż u għoti ta’ drogi mwettqa kontra l-vittma;
  • għall-ħatra ta’ rappreżentant speċjali msejjaħ administrateur ad hoc (tutur ad litem) mill-prosekutur tal-Istat jew minn imħallef inkwirenti meta l-interessi tagħhom ma jkunux protetti għalkollox minn tal-anqas wieħed mir-rappreżentanti legali tagħhom. Dan ir-rappreżentant speċjali jipproteġi l-interessi tal-vittma u jeżerċita d-drittijiet tagħha bħala parti ċivili;
  • li jiġu informati bil-ftuħ tal-proċedimenti kriminali u dwar id-dritt li jiftħu kawża ċivili permezz tar-rappreżentant legali jew tat-tutur ad litem tagħhom;
  • li ssirilhom vidjoreġistrazzjoni jew awdjoreġistrazzjoni tas-seduti biex jevitaw milli jiġu trawmatizzati billi jkollhom jirrepetu dikjarazzjonijiet diversi drabi matul il-proċedimenti, bl-awtorizzazzjoni tal-Prosekutur tal-Istat u wara li jinkiseb il-kunsens tal-vittmi jew tar-rappreżentanti legali jew tat-tuturi ad litem tagħhom. Ir-reġistrazzjoni hi obbligatorja għal reati relatati ma’ attakk fuq il-pudur u ma’ stupru, ma’ prostituzzjoni, ma’ sfruttament u ma’ traffikar tal-bnedmin, ma’ omiċidju, ma’ omiċidju volontarju, ma’ attakk u ma’ swat, ħlief meta, minħabba li l-vittma jew ir-rappreżentant tal-vittmi joġġezzjonaw, il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li ma jagħmilx it-tali reġistrazzjoni;
  • li jkunu akkumpanjati fis-seduti mir-rappreżentant legali tagħhom jew minn persuna tal-għażla tagħhom.

Il-membru tal-familja tiegħi miet kaġun tar-reat - x’inhuma drittijieti?

Kull min għandu qarib li jmut minħabba reat kriminali u li jasserixxi li ġarrab dannu għandu d-dritt jippreżenta rikors għal kawża ċivili quddiem l-imħallef inkwirenti kompetenti.

F’dan il-każ, dawn għandhom id-dritt b’mod partikolari:

  • li jitolbu kumpens mingħand il-persuna akkużata;
  • li jkunu involuti fl-investigazzjoni mmexxija mill-imħallef inkwirenti;
  • li jitolbu lill-imħallef inkwirenti biex jordna inkjesti addizzjonali;
  • li jappellaw kontra ċerti inkjesti li jkollhom impatt fuq l-interessi ċivili tagħhom quddiem awla tal-qorti;
  • li jiġu interrogati biss jekk ikunu jixtiequ li dan iseħħ;
  • li jinġiebu wiċċ imb wiċċ mal-persuna akkużata jekk ikun hemm bżonn;
  • li jkollhom aċċess għall-atti fl-uffiċċju tal-imħallef inkwirenti wara l-ewwel interrogazzjoni tal-persuna akkużata u l-jum qabel kull inkjesta li tkun meħtieġa l-assistenza legali għaliha;
  • li jitolbu mingħand l-imħallef inkwirenti kopja tal-atti meta titlesta l-investigazzjoni;
  • li jitolbu perizja, li jisimgħu lix-xhieda u li jiġu ritornati lilhom oġġetti sekwestrati;
  • li jattendu għall-ispezzjoni tax-xena tar-reat.

Il-membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat - x’inhuma drittijieti?

Parti terza affettwata minn reat imwettaq kontra qarib għandha d-dritt:

  • li titlob mingħand l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku kopja tar-rapport li jagħti rendikont tar-reat li jaffettwa lil din il-persuna bħala parti terza;
  • li tiġi informata b’mod awtomatiku mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku dwar id-data tas-seduta meta ser isir il-proċess tal-kawża;
  • li titlob is-sentenza li ngħatat fil-kawża mingħand ir-Reġistru tal-awla tal-qorti distrettwali jew tal-qorti tal-pulizija, skont kif ikun xieraq.

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? Taħt liema kundizzjonijiet? Se nkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni kriminali hi alternattiva għall-prosekuzzjoni kriminali; fil-prinċipju, din tippermetti biex tilwima tiġi solvuta mingħajr l-intervent tal-qrati. Il-medjazzjoni bejn l-awtur u l-vittma hi possibbli biss qabel ma jinfetħu l-proċedimenti kriminali. Il-Prosekutur Pubbliku jista’ jiddeċiedi li jirrikorri għal medjazzjoni jekk jidhirlu li aktarx li jikseb kumpens għad-dannu li ġie kkawżat, jew biex itemm it-tfixkil li jirriżulta mir-reat jew jikkontribwixxi għar-riabilitazzjoni tat-trażgressur. Ma jibqax possibbli li ssir medjazzjoni jekk it-trażgressur ikun persuna li magħha tikkoabita l-vittma. Din il-possibbiltà teħtieġ il-qbil kemm tat-trażgressur kif ukoll tal-vittma.

Fejn nista’ nsib il-leġiżlazzjoni li tistipula x’inhuma drittijieti?

Fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali fuq Legilux.

http://legilux.public.lu/eli/etat/leg/code/procedure_penale
L-aħħar aġġornament: 08/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.