Id-dritt tiegħek għal avukat difensur pubbliku
Jekk il-qorti titlob li inti tinżamm taħt arrest, jintgħażel minnufih avukat difensur pubbliku għalik. Min-naħa l-oħra, jekk inti ma tinżammx arrestat, tista’ ma tingħatax avukat difensur pubbliku sakemm jibdew il-proċeduri kriminali. Madankollu, inti dejjem għandek id-dritt li titlob li jintgħażel avukat difensur pubbliku għalik jekk inti tkun issuspettat li wettaqt delitt li għalih is-sentenza minima hija sitt xhur priġunerija. Jista’ jkollok ukoll id-dritt għal avukat difensur pubbliku f’każijiet oħrajn.
Kif issib avukat
Jekk tixtieq avukat partikolari, normalment inti tkun intitolat li titlob li din il-persuna tinħatar bħala l-avukat difensur pubbliku tiegħek. Inkella l-qorti distrettwali tagħżel avukat difensur pubbliku għalik minn fost l-avukati li regolarment jaħdmu bħala avukati difensuri pubbliċi fil-qorti distrettwali kkonċernata. Kull qorti distrettwali għandha lista ta’ avukati lokali li normalment jaħdmu bħala avukati difensuri pubbliċi.
Tista’ wkoll tfittex avukati li jaħdmu fuq każijiet kriminali fuq is-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni Svediża tal-Avukati.
Kif tħallas lill-avukat
Jekk jintgħażel avukat difensur pubbliku għalik, l-Istat iħallas l-ispejjeż tal-avukat. Jekk tinsab ħati tad-delitt li tkun issuspettat li wettaqt, skont iċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek, jista’ jkun li jkollok tħallas lura parti minn dawn l-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha. Dan tiddeċiedih il-qorti.
Jekk tkun trid avukat li jaħdem f’parti oħra tal-pajjiż differenti minn dik fejn tinsab il-qorti, jista’ jkun li jkollok tħallas inti stess għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-ħin tal-ivvjaġġar tal-avukat.
Tista’ wkoll tagħżel avukat difensur privat. F’dan il-każ, ikollok tħallas l-ispejjeż kollha inti stess. Jekk inti tiġi lliberat, madankollu, huwa possibbli li tingħata rimbors tal-ispejjeż kollha jew parti minnhom.
Links relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.