Imputati (proċeduri kriminali)

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Għandi d-dritt li nappella d-deċiżjoni tal-qorti?

Iva, is-sentenzi f’materji kriminali dejjem jistgħu jiġu appellati. Appell kontra kwalunkwe sentenza jista’ jiġi ppreżentat quddiem qorti ogħla permezz ta’ proċedura ta’ appell (recurso de apelación). Barra minn hekk, is-sentenzi mogħtija minn dik il-qorti ogħla dwar l-appell jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti Suprema (Tribunal Supremo) permezz ta’ appell fuq punt ta’ liġi (recurso de casación) għal raġunijiet differenti, skont il-proċedimenti oriġinali li fihom tkun ingħatat is-sentenza. Bħala eċċezzjoni, is-sentenzi maħruġa fi proċedimenti għal reati minuri jistgħu jiġu appellati biss permezz ta’ proċedura ta’ appell [ma jistgħux jiġu appellati fuq punt ta’ liġi].

L-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ appell jiddependu mill-proċedura segwita u jiġu kkalkolati min-notifika tad-data tas-sentenza. Pereżempju, fi proċedimenti ordinarji u sommarji quddiem ġurija, l-iskadenza tkun ta’ 10 ijiem. Fil-każ ta’ proċessi u proċedimenti rapidi għal reati minuri, dik l-iskadenza tkun ta’ 5 ijiem. Appell fuq punt ta’ liġi jrid jitħabbar fi żmien 5 ijiem. Il-perjodu sussegwenti għall-preżentazzjoni ta’ dak l-appell huwa ta’ 15, 20 jew 30 jum, skont it-territorju li fih tkun ibbażata l-qorti li tkun tat is-sentenza taħt appell.

X’opzjonijiet oħra ta’ rikors għandi?

Jekk int ġejt ikkundannat fi proċess li sar in absentia (f’dawk il-każijiet fejn huwa legalment possibbli li jsir dan il-proċess), inti għandek id-dritt li tappella mis-sentenza, anke jekk l-iskadenza sabiex tagħmel dan tkun skadiet, fuq l-istess bażijiet tal-appell, bil-perjodu ta’ 10 ijiem ikkalkulat mid-data meta tkun sirt taf bl-eżistenza tas-sentenza.

Anke jekk il-kundanna tkun finali, tista’ titlob li din tiġi annullata u li tingħata sentenza ġdida permezz tal-proċedura magħrufa bħala r-ritrattazzjoni finali tas-sentenza (recurso de revisión de sentencias firmes) f’ċerti każijiet (pereżempju, fejn il-kundanna kienet ibbażata fuq dokument jew xhieda sussegwentement iddikjarati foloz, jew meta żewġ persuni differenti jkunu nstabu ħatja għall-istess reat fejn wieħed biss seta’ kien l-awtur jew meta tingħata sentenza favorevoli lill-persuna kkundannata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem).

Fi kwalunkwe każ, ladarba l-appelli quddiem il-qrati jkunu ġew eżawriti, jekk taħseb li kien hemm ksur ta’ kwalunkwe dritt fundamentali, tista’ tappella quddiem il-Qorti Kostituzzjonali (Tribunal Constitucional) permezz ta’ azzjoni għal ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali (recurso de amparo). Ladarba r-rimedji domestiċi kollha jkunu ġew eżawriti, tista’ tippreżenta rikors ukoll quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

X’inhuma l-konsegwenzi jekk ningħata sentenza?

Jistgħu jiġu imposti tipi differenti ta’ pieni skont ir-reat imwettaq: sentenzi ta’ kustodja (eż. priġunerija jew traċċabilità permanenti), sentenzi mhux ta’ kustodja (eż. projbizzjoni tas-sewqan jew servizz komunitarju, dejjem bil-kunsens tiegħek) u multi (inti tkun meħtieġ tħallas somma ta’ flus). Minbarra l-piena imposta għar-reat, jekk ikunu kkawżati danni, tista’ tiġi ordnat tħallas ukoll kumpens (responsabbiltà ċivili minħabba r-reat li tista’ tintalab kontrik fl-istess proċedimenti kriminali). Jekk tonqos milli tħallas il-multa, dik il-piena tista’ tiġi sostitwita b’sentenza ta’ kustodja jew b’servizz komunitarju.

Il-fedina penali

Il-kundanna tfisser li jkollok fedina penali, li d-dettalji tagħha jiġu rreġistrati fir-Reġistru Spanjol tar-Rekords Kriminali (Registro de Antecedentes Penales). L-eżistenza ta’ fedina penali tista’ tiġi kkunsidrata, iżżid is-severità tas-sentenza jekk tkun reċidiv, jew tipprevjenik milli tikseb benefiċċji waqt li tkun qed tiskonta s-sentenza imposta (pereżempju, il-prevenzjoni milli tikseb is-sospensjoni ta’ sentenza ta’ ħabs). Ladarba tkun skontajt is-sentenza imposta u jkun għadda perjodu ta’ żmien stabbilit, dan ir-rekord jitħassar u ma jibqax ikollu konsegwenzi negattivi għalik. Dan il-perjodu ta’ żmien ivarja, skont it-tip u s-severità tar-reat, minn 6 xhur għal reati minuri għal 10 snin għall-aktar pieni severi.

Eżekuzzjoni tas-sentenza, trasferiment tal-priġunieri, probation u sanzjonijiet alternattivi

Ladarba s-sentenza tkun saret finali, jew minħabba li l-appelli kontriha jkunu ġew eżawriti jew minħabba li t-terminu għall-appell ikun skada mingħajr ma jkun ġie ppreżentat appell, is-sentenza trid tiġi eżegwita, jiġifieri, is-sentenzi imposti jridu jiġu skontati. Jekk is-sentenza ma tiġix skontata b’mod volontarju, l-imħallef jordna l-miżuri meħtieġa biex jinfurzaha (pereżempju, jordna lill-pulizija biex isibuk u jarrestawk għal priġunerija, jew il-qbid tal-proprjetà tiegħek għall-ħlas tal-multa).

Is-sospensjoni tas-sentenza: Jekk is-sentenza kienet sentenza ta’ kustodja (priġunerija jew traċċabilità permanenti f’post partikolari, pereżempju, darek) u jekk m’għandekx rekord kriminali għal reati simili u s-sentenza ta’ priġunerija ma taqbiżx limitu ta’ żmien partikolari, ġeneralment sentejn, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tissospendi s-sentenza, jiġifieri ma jkollokx tmur il-ħabs, sakemm ma terġax twettaq reat matul perjodu ta’ żmien stabbilit. Jekk twettaq reat ieħor matul dak iż-żmien, tista’ tkun meħtieġ li tiskonta s-sentenza li qabel kienet sospiża, minbarra s-sentenza għar-reat il-ġdid. Jekk, matul il-perjodu ta’ sospensjoni, ma twettaq l-ebda reat, is-sentenza oriġinali tiegħek titqies li ġiet skontata u, meta jiskadi l-perjodu stabbilit mil-liġi, ir-rekord kriminali tiegħek jista’ jitħassar.

Xi drabi, sabiex tordna s-sospensjoni tas-sentenza ta’ kustodja tiegħek, l-imħallef jista’ jimponi kundizzjonijiet oħra li trid tissodisfa, pereżempju, l-attendenza ta’ korsijiet għar-riabilitazzjoni mid-droga jew il-projbizzjoni li tmur f’ċerti postijiet jew li tavviċina lil ċerti persuni.

Piena alternattiva: Jekk is-sentenza imposta kontrik tkun sentenza ta’ priġunerija ta’ inqas minn 3 xhur, l-imħallef fi kwalunkwe każ jissostitwixxi s-sentenza ta’ priġunerija b’piena oħra inqas oneruża (multa, servizz komunitarju jew traċċabbiltà ta’ 24 siegħa).

Jekk inti ċittadin barrani u s-sentenza imposta kienet terminu ta’ priġunerija ta’ aktar minn sena u mhux aktar minn ħames snin, l-imħallef jista’ jordna li din is-sentenza tiġi sostitwita bit-tkeċċija tiegħek mit-territorju nazzjonali bi projbizzjoni fuq ir-ritorn għal numru stabbilit ta’ snin. Jekk is-sentenza ta’ priġunerija taqbeż il-5 snin, qabel ma titkeċċa, tkun meħtieġ tiskonta parti mis-sentenza imposta mill-imħallef u mbagħad tista’ titkeċċa.

It-trasferiment tal-priġunieri: Jekk tkun ingħatajt sentenza ta’ priġunerija, int għandek id-dritt li tiskontaha f’ħabs qrib id-dar tal-familja tiegħek, sakemm ma japplikawx raġunijiet eċċezzjonali. Barra minn hekk, jekk inti ċittadin tal-Unjoni Ewropea, tista’ tiġi ttrasferit f’pajjiżek sabiex tiskonta s-sentenza hemmhekk. Jekk inti ċittadin ta’ pajjiż terz, dan jiddependi fuq jekk hemmx trattati internazzjonali li jippermettu tali trasferiment.

Probation: Jekk ikunu twettqu ċerti reati partikolarment serji, minbarra l-pieni li japplikaw għal dak ir-reat, il-persuna kkundannata tista’ tkun soġġetta għal superviżjoni ġudizzjarja permezz ta’ konformità ma’ kwalunkwe ordni li l-imħallef jista’ jimponi fuqhom (normalment meta persuna kkundannata tiġi rilaxxata wara li tiskonta sentenza ta’ priġunerija). Dawn il-miżuri huma varjati ħafna, u l-miżura magħżula tiddependi fuq is-severità jew it-tip tar-reat imwettaq (eż. ir-riċeviment ta’ trattament mediku jew il-parteċipazzjoni fi programmi ta’ taħriġ fl-edukazzjoni sesswali, jew il-kuntatt jew il-komunikazzjoni ma’ ċerti persuni). In-nuqqas ta’ konformità ma’ tali ordnijiet jista’ jwassal sabiex jiġu imposti miżuri oħra u, f’każijiet ta’ ksur serju jew ripetut, inti tista’ tiġi akkużat b’reat ġdid jew li ma osservajtx il-miżuri ġudizzjarji imposti.

Il-probation hija differenti mil-libertà kondizzjonali li tkun intitolat għaliha jekk tkun ġejt ikkundannat għal sentenza ta’ priġunerija, tkun diġà skontajt parti minn dik is-sentenza u tkun s’issa ġibt ruħek sewwa. F’każijiet bħal dawn, is-sentenza ta’ priġunerija rimanenti tista’ tiġi sospiża u l-persuna tista’ tiġi rilaxxata u tkun meħtieġa tikkonforma ma’ kwalunkwe miżura imposta mill-imħallef.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.