Imputati (proċeduri kriminali)

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Jekk jien ċittadin barrani, dan jaffettwa l-investigazzjoni?

B’mod ġenerali, l-istatus tal-parti taħt investigazzjoni bħala ċittadin barrani ma jaffettwax l-investigazzjoni kriminali. Iċ-ċittadini barranin igawdu l-istess drittijiet bħal ċittadin Spanjol li qiegħed jiġi investigat, u jingħataw ukoll ċerti drittijiet speċifiċi, bħad-dritt għal assistenza minn interpretu mingħajr ħlas, meta ċ-ċittadin barrani ma jkunx jifhem jew ma jkunx jitkellem bl-Ispanjol jew bil-lingwa uffiċjali li biha jkunu qegħdin isiru l-proċedimenti. Meta ċ-ċittadin barrani jiġi detenut bħala parti minn investigazzjoni kriminali, dan għandu d-dritt li l-uffiċċju konsulari ta’ pajjiżu jiġi infurmat biċ-ċaħda tal-libertà tiegħu u bil-post fejn ikun qed jinżamm arrestat fi kwalunkwe ħin, u għandu wkoll id-dritt li jsirulu żjarat mill-awtoritajiet konsulari ta’ pajjiżu u li jikkomunika u jikkorrispondi magħhom.

L-istatus tal-parti taħt investigazzjoni bħala ċittadin barrani jista’ jitqies meta tittieħed deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni individwali tagħha (arrest preventiv) matul il-proċedimenti kriminali, u l-adozzjoni ta’ miżuri oħra li huma inqas restrittivi għad-drittijiet, bħall-qbid tal-passaport jew il-projbizzjoni tat-tluq mit-territorju nazzjonali.

X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni?

L-għan tal-investigazzjoni kriminali huwa li jinġabru l-provi relatati mat-twettiq potenzjali ta’ reat kriminali u li jiġu identifikati l-awturi allegati ta’ dak ir-reat.

Hemm żewġ fażijiet hawnhekk:

  • Il-pulizija: Il-pulizija tinvestiga l-fatti li huma magħrufa u li jistgħu jikkostitwixxu reat. Sabiex jagħmlu dan, huma jikkuntattjaw lil kwalunkwe individwi preżunti li kellhom xi parteċipazzjoni fl-avvenimenti, ifittxu provi materjali, xhieda, eċċ.
  • Ġudizzjarju (qabel il-proċess): Jekk il-pulizija ssib indikazzjonijiet ta’ attività kriminali u tidentifika l-partijiet li allegatament huma responsabbli, huma jibagħtu rapport tal-pulizija kriminali lill-Qorti istruttorja, li jibda l-proċedimenti kriminali korrispondenti u, fejn applikabbli, jieħu l-azzjoni meqjusa xierqa (l-interrogazzjoni tal-partijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati u tax-xhieda, il-kisba ta’ dokumenti rilevanti għall-kawża, id-dħul u t-tfittxijiet, l-analiżi tas-sustanzi, eċċ.)

Jekk ma jinstabu l-ebda provi li twettaq reat jew jekk l-awtur tar-reat ma jkunx magħruf, il-każ jiġi miċħud u magħluq.

Jekk jinstabu provi li twettaq reat, isiru arranġamenti sabiex jitkomplew il-proċedimenti billi jinbeda l-“istadju intermedju”, li l-għan tiegħu huwa li jiġi ddeterminat jekk l-investigazzjoni hijiex kompluta u jekk huwiex xieraq li jitressqu akkużi.

Wara s-sottomissjoni, fejn applikabbli, tal-att ta’ akkuża u tal-istqarrija tad-difiża rilevanti, il-partijiet jiġu mħarrka għall-proċess.

Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Spanjol (“Ministerio Fiscal”) irid jinżamm infurmat matul l-investigazzjoni kriminali, u jista’ jitlob liIl-Qorti istruttorja (Juez de Instrucción) twettaq kwalunkwe azzjoni istruttorja li jqis rilevanti. Jekk iqis li ma jkunx hemm provi suffiċjenti dwar it-twettiq ta’ reat jew tal-awturi tiegħu, huwa jista’ jitlob li l-każ jiġi miċħud. Madankollu, jekk iqis li hemm biżżejjed provi ta’ reat kontra persuna, huwa jippreżenta l-att ta’ akkuża korrispondenti mat-tlestija tal-investigazzjoni.

Fażi ta’ ġbir ta’ provi / Setgħa tal-investigaturi

Il-pulizija kriminali (Policía judicial) hija responsabbli għat-twettiq tal-proċeduri investigattivi meħtieġa sabiex jiġi aċċertat jekk inkisritx il-liġi, jinġabru l-provi rilevanti u jiġu identifikati l-awturi tar-reat. Dan jitwettaq taħt il-kontroll tal-imħallef inkarigat mill-kompilazzjoni, li jenħtieġlu, fil-każijiet kollha, jawtorizza kwalunkwe proċedura istruttorja li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali (dħul u tiftix ġo dar, interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet, eċċ.). Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Spanjol (“Ministerio Fiscal”) jenħtieġlu jinżamm infurmat matul l-investigazzjoni kriminali, u jista’ jitlob lill-Qorti istruttorja biex twettaq kwalunkwe azzjoni istruttorja li jqis rilevanti.

Kustodja tal-pulizija

Bħala regola ġenerali, id-detenzjoni ma tistax iddum aktar milli huwa strettament neċessarju sabiex jitwettqu l-investigazzjonijiet li jfittxu li jiċċaraw il-fatti u taħt l-ebda ċirkostanza aktar minn 72 siegħa, iż-żmien massimu li matulu l-persuna detenuta jeħtiġilha tiġi rilaxxata jew ittrasferita lill-awtorità ġudizzjarja.

Id-detenzjoni tista’ tiġi ordnata mill-pulizija, li l-uffiċjali tal-pulizija jeħtiġilhom jagħmlu fil-każijiet previsti mil-liġi. Dan jista’ jiġi ordnat ukoll mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Spanjol jew direttament mill-Qorti istruttorja. F’każijiet eċċezzjonali, id-detenzjoni tista’ titwettaq minn individwi privati, li huma meħtieġa li jressqu immedjatament lill-persuna detenuta quddiem l-awtorità ġudizzjarja.

Id-detenzjoni trid issir b’tali mod li tikkawża ħsara minima lill-persuna, lir-reputazzjoni u lill-assi tal-persuna detenuta; dawk li jordnaw id-detenzjoni u dawk responsabbli għat-twettiq tagħha jeħtiġilhom jiżguraw ir-rispett dovut għad-drittijiet kostituzzjonali tal-persuna detenuta għall-unur, il-privatezza u x-xbieha personali.

Wara li l-pulizija tkun wettqet l-investigazzjonijiet li jfittxu li jiċċaraw il-fatti u fit-terminu legali ta’ 72 siegħa, il-persuna detenuta tinħeles jew tiġi ttrasferita lill-awtorità ġudizzjarja.

Interrogazzjoni

Il-parti taħt investigazzjoni tiġi infurmata bid-drittijiet tagħha u tintalab tagħti l-istqarrija tagħha fir-rigward tal-fatti li qegħdin jiġu investigati. Il-parti taħt investigazzjoni tista’ tibqa’ siekta u ma tagħti l-ebda stqarrija jekk tixtieq, jew tista’ tagħżel li ma twieġeb l-ebda waħda mill-mistoqsijiet li jsirulha, jew tista’ tiddikjara li se tagħmel l-istqarrija tagħha biss quddiem l-qorti.

Il-parti taħt investigazzjoni hija libera li taħtar avukat; jekk ma tagħmilx dan, hija tiġi assistita minn avukat maħtur uffiċjalment. Bl-istess mod, għandha id-dritt li tiltaqa’ privatament mal-avukat tagħha qabel ma tagħmel l-istqarrija tagħha.

Jekk il-parti taħt investigazzjoni ikollha ċittadinanza barranija u ma tifhimx jew ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa uffiċjali li biha jkunu qegħdin isiru l-proċedimenti, tkun nieqsa mis-smiegħ batuta fis-smigħ, jew ikollha diffikultajiet lingwistiċi, hija jkollha d-dritt li tkun assistita minn interpretu mingħajr ħlas.

Il-parti taħt investigazzjoni għandha d-dritt li ma tagħmilx stqarrija kontriha nfisha.

Il-parti taħt investigazzjoni tista’ tiddikjara wkoll li hija ħatja tar-reati kollha li ġiet akkużata bihom sa mill-bidu jew ta’ kwalunkwe wieħed minnhom. Dan ma jwaqqafx l-investigazzjoni milli titkompla jew milli jsir il-proċess. Madankollu, skont it-tip ta’ sentenza u reat, jista’ jsir proċess sommarju. F’dawn il-każijiet, l-avukat li jirrappreżenta lill-parti taħt investigazzjoni jista’ jilħaq ftehim mas-Servizz tal-Prosekuzzjoni Spanjol b’tali mod li tinħareġ kundanna iżda bi tnaqqis fis-sentenza.

Arrest preventiv

L-arrest preventiv jista’ jiġi ordnat biss jekk il-Qorti istruttorja tqis li dan ikun xieraq, soġġett għal talba mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Spanjol u/jew minn kwalunkwe membru tal-prosekuzzjoni.

Fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżiti legali għal dan iridu jiġu sodisfatti u l-miżura trid tfittex li tilħaq għan leġittimu (il-protezzjoni tal-vittma u/jew in-newtralizzazzjoni tar-riskji ta’ ħarba, ta’ twettiq ta’ reat ġdid, jew il-qerda jew il-ħabi tal-provi).

X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni?

Kwalunkwe persuna akkużata b’reat punibbli tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal difiża li tidher fil-proċedimenti ladarba tiġi nnotifikata bl-eżistenza ta’ dawk il-proċedimenti, u għal dan il-għan tiġi pprovduta informazzjoni b’lingwa li tinftiehem u aċċessibbli fir-rigward tad-drittijiet li ġejjin:

  1. Id-dritt li tiġi informata dwar l-azzjonijiet li hija akkużata bihom u dwar kwalunkwe bidla rilevanti fis-suġġett tal-investigazzjoni u l-akkużi.
  2. Id-dritt li jiġu eżaminati l-proċedimenti fi żmien xieraq sabiex jiġi ssalvagwardjat id-dritt għal difiża u, fi kwalunkwe każ, qabel ma tittieħed stqarrija.
  3. Id-dritt li taġixxi fil-proċedimenti kriminali sabiex teżerċita d-dritt tagħha għal difiża f’konformità mal-liġi.
  4. Id-dritt li taħtar avukat liberament (bl-eċċezzjonijiet elenkati fil-Liġi Proċedurali Kriminali Spanjola).
  5. Id-dritt li titlob assistenza legali mingħajr ħlas, il-proċedura sabiex isir dan u l-kundizzjonijiet sabiex tinkiseb dik l-assistenza.
  6. Id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, mingħajr ħlas, f’konformità mal-Liġi Proċedurali Kriminali Spanjola.
  7. Id-dritt li tibqa’ siekta u li ma tagħti l-ebda stqarrija jekk ma tixtieqx tagħmel hekk, u li ma twieġeb l-ebda waħda mill-mistoqsijiet li jsirulha.
  8. Id-dritt li ma tagħmilx stqarrija kontriha stess u li ma tinkriminax ruħha.

X’inhu d-dritt tiegħi għal interpretu u għal traduzzjonijiet?

Kwalunkwe persuna li tkun taħt investigazzjoni tiġi infurmata minnufih, bil-miktub, f’termini sempliċi u aċċessibbli u b’lingwa li tifhem, bl-atti li hija akkużata bihom, kif ukoll bid-drittijiet tagħha, b’mod partikolari d-dritt għal assistenza bla ħlas minn interpretu, fil-każ ta’ ċittadin barrani li ma jifhimx jew ma jitkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa uffiċjali li biha jkunu qegħdin isiru l-proċedimenti, jew fil-każ ta’ persuni neqsin mis-smigħ jew batuti fis-smigħ, kif ukoll ta’ kwalunkwe persuna oħra b’diffikultajiet lingwistiċi.

Matul l-istadju tal-investigazzjoni, dan id-dritt jieħu l-forma tad-dritt għal assistenza minn interpretu li juża lingwa li l-persuna taħt investigazzjoni tifhem, matul kwalunkwe proċediment li matulu tkun meħtieġa l-preżenza tagħha, inkluż l-interrogazzjoni mill-pulizija jew mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Spanjol u s-seduti kollha tal-qorti, u d-dritt li jintuża interpretu f’konverżazzjonijiet mal-avukat tagħha li huma direttament relatati mal-interrogazzjoni sussegwenti tagħha jew mat-teħid tal-istqarrija tagħha, jew li huma meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ appell jew għal rikorsi proċedurali oħra.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi għall-informazzjoni u aċċess għall-atti tal-kawża?

B’mod ġenerali, int għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar l-azzjonijiet li int qiegħed tiġi akkużat bihom u dwar kwalunkwe bidla rilevanti fis-suġġett tal-investigazzjoni u l-akkużi. Int għandek ukoll id-dritt li teżamina l-proċedimenti fi żmien xieraq sabiex tissalvagwardja d-dritt għal difiża u, fi kwalunkwe każ, qabel ma tittieħed stqarrija, bl-eċċezzjonijiet stabbiliti legalment.

Fil-każ li tkun ġejt detenut, inti tiġi infurmat ukoll bir-raġunijiet għad-detenzjoni tiegħek u d-drittijiet tiegħek (speċifikament, id-dritt ta’ aċċess għall-partijiet tal-proċedimenti li huma essenzjali għall-kontestazzjoni tal-legalità tad-detenzjoni jew taċ-ċaħda tal-libertà).

X’inhu d-dritt tiegħi ta’ aċċess għal avukat u li terzi jkunu infurmati bis-sitwazzjoni tiegħi?

Inti għandek id-dritt li taħtar liberament avukat (bl-eċċezzjonijiet mogħtija fil-Liġi Proċedurali Kriminali Spanjola) u li tkun assistit minn dak l-avukat mingħajr dewmien żejjed. Id-dritt għal difiża jinkludi l-assistenza legali ta’ avukat, li int liberu li taħtar, jew, jekk ma tagħmilx dan, avukat maħtur uffiċjalment, li miegħu tista’ tikkomunika u tiltaqa’ privatament, inkluż qabel ma tipprovdi l-istqarrija tiegħek lill-pulizija, lis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Spanjol jew l-awtorità ġudizzjarja (bl-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-Liġi) u li jkunu preżenti għall-istqarrijiet kollha tiegħek, kif ukoll kwalunkwe rikonoxximent, proċeduri ta’ konfront tax-xhieda u ta’ rikostruzzjoni tal-avvenimenti.

F’każ li int tinżamm f’detenzjoni, inti għandek id-dritt membru tal-familja jew persuna tal-għażla tiegħek tiġi infurmata, mingħajr dewmien żejjed, dwar iċ-ċaħda tal-libertà tiegħek u l-post fejn tkun qiegħed tinżamm fi kwalunkwe ħin. Iċ-ċittadini barranin ikollhom id-dritt li ċ-ċirkostanzi ta’ hawn fuq jiġu nnotifikati lill-uffiċċju konsulari ta’ pajjiżhom.

Bl-istess mod, inti jkollok id-dritt li tikkomunika, bit-telefown, mingħajr dewmien żejjed, ma’ parti terza tal-għażla tiegħek; iċ-ċittadini barranin ikollhom id-dritt li jsirulhom żjarat mill-awtoritajiet konsulari ta’ pajjiżhom, u li jikkomunikaw u jikkorrispondu magħhom.

X’inhu d-dritt tiegħi għall-għajnuna legali?

Inti għandek id-dritt li tirċievi assistenza legali mingħajr ħlas jekk inti ċittadin Spanjol nazzjonali jew barrani li jirrisjedi legalment fi Spanja, u jekk iġġib prova li ma għandekx riżorsi suffiċjenti għall-kawża, skont it-termini stabbiliti fil-liġi.

Id-dritt għal assistenza legali mingħajr ħlas jinkludi r-rinunzja fuq it-tariffi tal-avukati fejn l-intervent tagħhom huwa obbligatorju skont il-liġi u fejn, anke meta dan ma jkunx obbligatorju, l-imħallef jew il-qorti jeħtieġu dan b’mod espliċitu sabiex jiggarantixxu t-trattament ugwali tal-partijiet fil-proċedimenti. L-għajnuna ta’ avukat tingħata lill-persuna detenuta, jew lil priġunier li ma jkunx ħatar avukat, għal kwalunkwe azzjoni tal-pulizija li ma tkunx ir-riżultat ta’ proċedimenti ġudizzjarji pendenti jew fl-ewwel dehra tagħhom quddiem korp ġudizzjarju, inkluża dehra magħmula permezz ta’ assistenza ġudizzjarja. Fil-każ ta’ vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, it-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll minorenni jew persuni b’diżabilità intellettwali jew b’mard mentali, l-assistenza legali bla ħlas tinkludi pariri u gwida mingħajr ħlas immedjatament qabel ma jiġi ppreżentat l-ilment.

v. X’inhu importanti li wieħed ikun jaf dwar:

Il-preżunzjoni tal-innoċenza

Il-preżunzjoni tal-innoċenza hija d-dritt ta’ kwalunkwe parti taħt investigazzjoni jew li tiġi akkużata fi proċedimenti kriminali li tiġi ttrattata daqslikieku hija innoċenti sakemm sentenza finali tistabbilixxi l-kundanna tagħha.

Il-preżunzjoni tal-innoċenza għandha żewġ aspetti: bħala regola dwar it-trattament u bħala regola dwar is-sentenza. Bħala regola dwar it-trattament, din tiddikjara li l-parti taħt investigazzjoni jeħtiġilha tiġi ttrattata daqslikieku hija innoċenti sakemm kundanna b’sentenza finali ma tipprovdix dan. Bħala regola dwar is-sentenza, il-preżunzjoni tal-innoċenza tipproduċi l-effetti tagħha fuq l-evalwazzjoni tal-provi billi, fi proċedimenti kriminali, l-imħallef irid jibda minn suppożizzjoni li l-parti taħt investigazzjoni hija innoċenti, b’tali mod li, fil-każ li l-prosekuzzjoni ma tagħtix prova sħiħa tal-akkuża tagħha kontra l-parti taħt investigazzjoni, l-innoċenza tagħha asserita b’mod temporanju għandha ssir finali.

Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u li wieħed ma jinkriminax ruħu

Id-dritt tal-parti taħt investigazzjoni li tibqa’ siekta u li ma tinkriminax ruħha huwa dritt fundamentali li tista’ tagħżel li teżerċita, mingħajr ma ssofri xi konsegwenzi negattivi b’riżultat ta’ hekk.

Is-skiet tal-akkużat ma jistax jissostitwixxi n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti tal-prosekuzzjoni. Jiġifieri li, irrispettivament mill-istqarrija tagħha, il-prosekuzzjoni jeħtiġilha tipprova l-eżistenza ta’ prova tat-twettiq tar-reat. F’każijiet fejn tkun teżisti prova, jekk, malli jara l-provi tal-prosekuzzjoni, l-akkużat ma jweġibx jew ma jagħtix biżżejjed spjegazzjonijiet li jiskolpawh, is-skiet tiegħu jista’ jitqies bħala korroborazzjoni tal-ħtija tiegħu. Għalhekk huwa importanti li l-akkużat ikun konxju mill-provi tal-prosekuzzjoni qabel ma jagħmel l-istqarrija tiegħu.

Jekk ma jkunx hemm provi suffiċjenti għall-prosekuzzjoni kontra l-akkużat, is-skiet tiegħu ma jistax jintuża minflok in-nuqqas ta’ dawk il-provi għall-prosekuzzjoni.

Oneru tal-prova

L-oneru materjali tal-prova jaqa’ esklużivament fuq il-prosekuzzjoni u mhux fuq id-difiża. Il-preżunzjoni tal-innoċenza taqleb l-oneru tal-prova fuq il-prosekuzzjoni, li hija esklużivament responsabbli sabiex iġib prova tal-fatti li jikkostitwixxu l-allegazzjoni kriminali (ir-responsabbiltà qatt ma hija tad-difiża). Barra minn hekk, dan il-proċess ta’ provi jrid ikun suffiċjenti sabiex jipprovdi lill-Qorti bi prova dwar l-eżistenza mhux biss tal-att punibbli, iżda wkoll tar-responsabbiltà kriminali tal-akkużat f’dak l-att.

X’inhuma s-salvagwardji speċifiċi għat-tfal?

Jekk il-persuna taħt investigazzjoni tkun minorenni, l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess tal-proċedimenti kriminali titwettaq mis-Servizz Spanjol għall-Prosekuzzjoni tal-Minorenni (Fiscalía de Menores) u l-proċess mill-Qorti tal-Minorenni Spanjola (Juzgado de Menores), peress li din hija qorti b’ġuriżdizzjoni speċjali regolata fil-Liġi Organika 5/2000 tat-12 ta’ Jannar 2000 li tirregola r-responsabbiltà kriminali tal-minorenni. Din il-liġi tistabbilixxi li l-minorenni bejn l-età ta’ 14 u 18-il sena għandhom responsabbiltà kriminali, iżda huma soġġetti għal reġim legali speċjali. Għaldaqstant, jekk minorenni jinżamm f’detenzjoni, dan jiġi mgħoddi lid-Diviżjoni tal-Minorenni tas-Servizz ta’ Prosekuzzjoni (Secciones de Menores de la Fiscalía) u lill-individwi b’awtorità tal-ġenituri jew b’tutela jew il-gwardjan de facto tagħhom jiġu informati dwar il-fatt u l-post tad-detenzjoni, hekk kif tiġi stabbilita l-età minuri tagħhom.

Jekk il-minorenni jkun ċittadin barrani, il-konsolat ta’ pajjiżu jiġi infurmat bid-detenzjoni tiegħu.

X’inhuma s-salvagwardji speċifiċi għal suspettati vulnerabbli?

Bħalissa, is-salvagwardji li jeżistu għal persuni suspettati vulnerabbli ma humiex inklużi b’mod sistematiku fil-leġiżlazzjoni Spanjola, u għalkemm dan huwa previst fl-abbozz tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, dan għadu ma daħalx fis-seħħ.

Bħala tali, il-leġiżlazzjoni Spanjola tinkludi salvagwardji speċifiċi għal persuni suspettati vulnerabbli b’mod mhux strutturat, pereżempju l-użu ta’ lingwa li tinftiehem u aċċessibbli matul il-proċedimenti kriminali, id-dritt għal assistenza mingħajr ħlas minn interpretu fil-każ ta’ persuni neqsin mis-smigħ jew batuti fis-smigħ, persuni oħra b’diffikultajiet lingwistiċi, eċċ.

D. X’inhuma l-limiti ta’ żmien legali matul l-investigazzjoni?

L-investigazzjoni ġudizzjarja ssir f’perjodu ta’ mhux aktar minn 12-il xahar mill-ftuħ tal-każ.

Jekk, qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu, jiġi aċċertat li ma jkunx possibbli li titlesta l-investigazzjoni, il-qorti, ex officio jew fuq talba ta’ parti, u wara li tikkonsulta mal-partijiet, tista’ tagħti estensjonijiet suċċessivi għal perjodi ta’ mhux aktar minn sitt xhur.

Dawn l-estensjonijiet jiġu adottati permezz ta’ ordni li tagħti spjegazzjonijiet motivati tal-kawżi li pprekludew it-tlestija tal-investigazzjoni fil-limitu ta’ żmien, kif ukoll l-azzjonijiet speċifiċi meħtieġa u r-rilevanza tagħhom għall-investigazzjoni. Fejn applikabbli, rifjut ta’ għoti ta’ estensjoni jinħareġ ukoll permezz ta’ deċiżjoni motivata.

X’inhuma l-preparazzjonijiet ta’ qabel il-proċess, inklużi alternattivi għall-arrest preventiv u l-possibiltajiet għat-trasferiment lejn l-Istat ta’ oriġini (Ordni ta’ Superviżjoni Ewropea)?

B’mod speċifiku, l-Ordni ta’ Superviżjoni Ewropea (OSE) tippermetti lil persuna suspettata jew akkużata li tkun qed tistenna proċess li tevita l-arrest preventiv permezz tar-rilaxx proviżorju fl-istat ta’ residenza tagħha. L-OSE tinħareġ sabiex tiggarantixxi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li tippermetti l-għoti ta’ trattament ugwali liċ-ċittadini tal-UE suspettati li wettqu reat fi Stat Membru għajr dak li fih jirrisjedu, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tagħhom waqt li jkunu qed jistennew il-proċess.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.