Imputati (proċeduri kriminali)

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

A) Għandi d-dritt li nappella d-deċiżjoni tal-qorti?

Wara li jiġi ppreżentat l-att ta’ akkuża, il-qorti tista’ tieħu deċiżjoni fil-forma ta’ digriet kriminali mingħajr proċess. Jekk il-qorti toħroġ digriet kriminali, tista’ tressaq oġġezzjoni fi żmien tmint ijiem minn meta tiġi nnotifikat. Jekk tressaq oġġezzjoni, id-digriet kriminali jiġi kkanċellat u ssir seduta fil-qorti.

Tista’ tappella kontra s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza direttament wara li tingħata s-sentenza jew fi żmien 15-il jum minn dik id-data. Jekk ma kontx preżenti fil-qorti, għandek tappella quddiem il-qorti li tat is-sentenza fi żmien 15-il jum minn meta tirċievi d-deċiżjoni bil-miktub. Tista’ tappella mis-sentenza kollha jew minn parti minnha.

Jekk tappella, is-sentenza ma ssirx finali u eżegwibbli qabel ma qorti tal-appell tieħu deċiżjoni.

Il-qorti tal-appell tiċħad l-appell tiegħek jekk tippreżentah wara l-limitu ta’ żmien għall-appell, jekk tkun irrinunzjajt id-dritt tiegħek għall-appell, jew jekk hija tqis li s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza tkun korretta u legali. Id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell hija finali u eżegwibbli.

Alternattivament, il-qorti tal-appell tista’ tannulla s-sentenza u tirrinvija l-kawża quddiem il-qorti inferjuri għal proċedimenti ulterjuri, jew tiddeċiedi l-kawża hija nfisha.

B) X’għażliet ta’ rikors oħra għandi?

Ma tistax tappella minn deċiżjoni tal-qorti tal-appell.

Tista’ tippreżenta appell lill-Qorti Suprema [dovolanie], tibgħat petizzjoni lill-Ministru għall-Ġustizzja biex jippreżenta appell lill-Qorti Suprema, jew tressaq mozzjoni biex il-kawża terġa’ tinfetaħ. Madankollu, id-deċiżjoni finali tal-qorti tal-appell tibqa’ valida u eżegwibbli. Jekk ġejt ikkundannat għal priġunerija mingħajr il-possibbiltà ta’ probation jew libertà kundizzjonali, ikollok tibda tiskonta s-sentenza ta’ priġunerija tiegħek.

Tista’ tressaq appell tal-Qorti Suprema quddiem il-qorti li ddeċidiet il-kawża fl-ewwel istanza fi żmien tliet snin mid-data li fiha rċevejt id-deċiżjoni finali fil-kawża bil-miktub. Appell tal-Qorti Suprema jista’ jiġi ppreżentat biss għar-raġunijiet speċifiċi stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

Tista’ tressaq mozzjoni biex titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-kawża jekk jirriżultaw fatti ġodda li ma kinux magħrufa waqt il-proċess u dawn il-fatti ġodda jkunu tant sinifikanti li jistgħu jreġġgħu lura d-deċiżjoni finali.

C) X’inhuma l-konsegwenzi jekk niġi kkundannat?

i) Ir-rekord kriminali

Jekk inti tinstab ħati, dik l-informazzjoni tibqa’ tinżamm fir-rekord kriminali. Din tista’ tintalab minn diversi awtoritajiet tal-istat, pereżempju għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali oħra. Kopja [odpis] mir-rekord kriminali turi l-kundanni kollha, filwaqt li estrazzjoni [výpis] mir-rekord kriminali ma jurix kundanni mħassra.

v) Eżekuzzjoni ta’ sentenza, trasferiment ta’ priġunieri, probation u sanzjonijiet alternattivi

Meta d-deċiżjoni tal-qorti li permezz tagħha tkun ġejt ikkundannat għall-priġunerija ssir eżegwibbli, il-qorti tordnalek tirrapporta l-ħabs biex tiskonta s-sentenza tiegħek, jew tordnalek biex tiġi skortat sal-ħabs.

Tista’ titlob lill-qorti tipposponilek il-priġunerija jekk timrad serjament. Jekk is-sentenza ta’ priġunerija tiegħek ma tkunx ta’ aktar minn sena, il-qorti tista’ tipposponiha sa tliet xhur (jew aktar, f’ċirkostanzi eċċezzjonali) għal raġunijiet importanti.

Jekk tingħata sentenza sospiża bi probation, tkun meħtieġ toqgħod taħt is-superviżjoni taI-uffiċjal tal-probation u l-qorti timmonitorja l-imġiba tiegħek waqt il-perjodu ta’ probation stabbilit. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li tiddikjara li inti ssodisfajt il-kundizzjonijiet tal-probation jew li ma ssodisfajtx dawk il-kundizzjonijiet, f’liema każ inti tiġi ordnat tiskonta s-sentenza tiegħek fil-ħabs.

Is-sanzjonijiet alternattivi huma pieni li jservu bħala alternattiva għal sentenza ta’ ħabs. L-għan tagħhom huwa li jipproteġu lis-soċjetà filwaqt li jippermettu lill-persuna kkundannata tibqa’ barra mill-ħabs.

Il-pieni alternattivi huma dawn li ġejjin: arrest domiċiljari, xogħol fil-komunità, multi, sentenza sospiża u sentenza sospiża bi probation.

L-aħħar aġġornament: 02/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.