Imputati (proċeduri kriminali)

Malta

Il-kontenut ipprovdut minn
Malta

Fejn isir il-proċess?

Il-qorti li tisma’ l-każ tiegħek tkun jew il-Qorti tal-Maġistrati jew inkella l-Qorti Kriminali u dan jiddependi l-iktar mill-gravità tal-akkużi kontrik.

Il-proċess ikun pubbliku ħlief f’xi eċċezzjonijiet fejn, pereżempju, l-identità tal-vittma trid tinżamm mistura.

Jekk il-każ jinstema’ mill-Qorti tal-Maġistrati, il-maġistrat li jippresjedi jiddeċiedi dwar il-każ. Jekk min-naħa l-oħra l-każ jinstema’ mill-Qorti Kriminali, il-każ jiġi deċiż b’ġuri u, f’każ ta’ verdett ta’ ħtija, is-sentenza tingħata mill-imħallef li jippresjedi.

L-akkużi jistgħu jinbidlu matul il-proċess?

L-akkużi jistgħu jinbidlu meta l-każ jinstema’ mill-Qorti tal-Maġistrati. Il-prosekuzzjoni tista’ titlob għall-korrezzjoni tal-bidliet jekk il-provi jissuġġerixxu li akkuża oħra tkun iktar xierqa jew jekk ikun hemm żball fl-akkuża oriġinali. L-akkużi jistgħu anki jiġu rtirati jew sostitwiti.

F’każijiet quddiem il-Qorti Kriminali, ladarba tkun ammettejt il-ħtija jew tiċħad il-ħtija, l-akkużi jistgħu jinbidlu f’ċirkustanzi limitati bil-kundizzjoni li l-bidliet ma jsirux iktar serji minn dawk oriġinali.

Jekk tammetti l-ħtija għall-akkużi kollha, il-Qorti tipproċedi sabiex tagħti sentenza. Jekk tammetti l-ħtija għal uħud mill-akkużi, sakemm l-akkużi l-oħrajn ma jiġux irtirati mill-Prosekuzzjoni jew ikunu akkużi alternattivi, il-Qorti tipproċedi bil-proċess.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul il-proċess?

Trid tkun preżenti matul l-istadji kollha tal-proċess.

Jekk tgħix fi Stat Membru ieħor ma jkunx possibbli li inti tieħu sehem b’kollegament bil-vidjow.

Jekk ma tifhimx bil-Malti iżda titkellem bl-Ingliż, il-proċess isir bl-Ingliż. Jekk ma tifhimx bl-Ingliż, il-proċess isir bil-Malti u jinħatar interpretu sabiex jassistik.

Inti liberu li tmexxi d-difiża tiegħek iżda ġeneralment il-Qrati jinsistu li inti taħtar avukat sabiex jassistik. Jiġi allokat avukat għalik. Jekk l-avukat tiegħek ikun l-avukat tal-għassa mill-assistenza legali, ma tistax tibdel l-avukat. Madankollu, jekk taħtar l-avukat privat tiegħek, tista’ tibdlu.

M’intix obbligat titkellem matul il-proċess u xejn ma jista’ jiġi dedott mis-silenzju tiegħek. Madankollu, jekk tiddeċiedi li tixhed, ma tistax tirrifjuta li twieġeb mistoqsijiet inkriminanti relatati mal-akkużi miġjuba kontrik.

Il-gideb jista’ jaffettwa serjament il-kredibbiltà tiegħek u, barra minn hekk, jista’ jwassal għal reat ta’ ġurament falz.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi kontrija?

B’mod ġenerali, tista’ tikkontesta l-provi miġjuba kontrik. Jekk il-provi jikkonsistu f’xhieda, tista’ tagħmel kontro-eżami lilhom jew iġġib ix-xhieda tiegħek sabiex jikkontestaw ix-xhieda tagħhom. F’każ ta’ provi dokumentarji, tista’ tagħmel kontro-eżami lix-xhud jew lill-perit tal-qorti li jipprovdihom jew iġġib ix-xhieda tiegħek sabiex jikkontestaw dawk il-provi. Madankollu, ma tistax iġġib perizja tiegħek stess. Il-perizja tista’ tiġi kkontestata biss permezz ta’ kontro-eżami tal-perit tal-qorti fir-rigward tas-sejbiet jew il-kompetenza tiegħu.

Tista’ ttella’ xhieda u tipproduċi provi dokumentarji sabiex isostnu d-difiża tiegħek.

Jekk il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali jsir quddiem il-Qorti Kriminali, il-liġi tistabbilixxi limitu ta’ żmien li jibda minn meta tirċievi l-att ta’ akkuża li fih trid tindika x-xhieda u l-provi l-oħrajn kollha li beħsiebek tipproduċi għad-difiża tiegħek fil-proċess. L-ebda restrizzjoni bħal din ma teżisti jekk il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali jsir quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Jekk tkun tixtieq dan, tista’ tuża investigatur privat sabiex tikseb il-provi. Il-provi miksuba minnu huma ammissibbli sakemm ma jkunux esklużi mil-liġi.

L-avukat tiegħek jista’ jagħmel kontro-eżami tax-xhieda tal-prosekuzzjoni u jista’ jikkontesta x’jgħidu matul il-kontro-eżami.

Jiġi kkunsidrat it-tagħrif dwar il-kondotta tiegħi?

Tagħrif dwar il-kondotta tiegħek jittieħed f’kunsiderazzjoni jekk akkuża tiddependi fuq kundanna preċedenti bħal riċediva jew it-twettiq ta’ reat matul perjodu operazzjonali ta’ sentenza sospiża. Il-kondotta tiegħek tista’ tittieħed f’kunsiderazzjoni mill-maġistrat u l-imħallef meta jiddeċiedu l-piena li sejjer tirċievi jekk tiġi kkundannat.

Matul proċess quddiem il-Qorti Kriminali, il-kondotta tiegħek tista’ tittieħed f’kunsiderazzjoni jekk tipprova tistabbilixxi l-karattru tajjeb tiegħek jew tixħet dubju dwar il-karattru ta’ wieħed mix-xhieda tal-prosekuzzjoni. Meta tiddetermina l-piena tiegħek, il-qorti tista’ tieħu f’kunsiderazzjoni s-sentenza finali mogħtija minn qorti barranija.

X’jiġri fi tmiem il-proċess?

Fi tmiem il-proċess, tiġi lliberat jew ikkundannat bl-akkużi miġjuba kontrik. Tista’ anki tiġi lliberat/kkundannat parzjalment.

Jekk tiġi kkundannat tista’ tingħata sentenza ta’ priġunerija. Jekk is-sentenza ta’ priġunerija ma taqbiżx is-sentejn, il-Qorti tista’ tissospendi l-iskontar tagħha għal perjodu massimu ta’ erba’ snin. Jekk ir-reat iġorr piena li ma taqbiżx seba’ snin priġunerija, il-Qorti tista’ tilliberak mingħajr kundizzjonijiet jew b’mod kundizzjonali għal perjodu massimu ta’ tliet snin. Jekk tikser kundizzjoni imposta mill-Qorti, titressaq quddiemha u tiġi kkundannat mill-ġdid.

Il-Qorti tista’ anki tagħmel ordni ta’ probation fejn uffiċjal tal-probation jiġi assenjat sabiex jissorveljak. F’ċerti każi, il-Qorti tista’ timponi anki penali finanzjarja.

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess?

Meta l-proċess isir quddiem il-Qorti Kriminali, il-vittma tista’ tkun preżenti matul il-proċeduri u tagħmel sottomissjonijiet dwar il-piena.

Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, il-vittma jista’ jkollha rwol iktar attiv billi tassisti lill-uffiċjal tal-prosekuzzjoni b’mod personali jew permezz ta’ avukat.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.